Letteratura | Bħal mastrudaxxa
Fil-paġna tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ta’ din il-ġimgħa Kevin Saliba jaqsam magħna ħsibijietu dwar il-ġabra ta’ poeżiji Bil-Boqxiex ta’ Louis Briffa. Jiftaħ bil-paraguni li spiss isiru bejn il-kitba tal-poeżija u s-snajja’, b’referenza għall-poeżija Il-Kelma Maltija ta’ Anastasju Cuschieri u għal saġġ tal-poeta Amerikan Yusef Komunyakaa. Permezz ta’ dan jinkwadra l-viżjoni poetika ta’ Briffa f’dan il-kuntest, b’mod partikulari fil-mestier tal-mastrudaxxa. Filwaqt li f’din il-ġabra jinnota diversi merti letterarji, Saliba jqajjem ukoll għadd ta’ kwistjonijiet li qajla nisimgħu bihom mingħand reċensuri oħra...
F’saġġ letterarju dwar ir-rapport bejn il-ħidma tal-mastrudaxxa u l-poeżija li qrajt tul dawn l-aħħar jiem il-poeta amerikan Yusef Komunyakaa kien kiteb hekk: “L-idejn jeżistu f’kollaborazzjoni mal-ilsien – il-mess u l-lingwa – waħda tgħarraf lill-oħra. Ġaladarba mmissu l-affarijiet irridu wkoll nitkellmu, li nsemmu. Ġaladarba nitkellmu tgħallimna nibnu lil hinn mill-istint u lejn l-istħajjil, b’kollaborazzjoni mirquma li tħaddan fiha l-apprendistat. L-idejn dejjem ikkonverġew mal-lingwa. Forsi dawn il-ħsibijiet għandhom mid-diskors kunċenttwali, iżda għalija r-relazzjoni bejn il-poeżija u s-sengħa tal-mastrudaxxa hija personali.” (Honor Thy Hands: Carpentry and Poetry). Dawn il-paraguni bejn il-ktib tal-poeżija u s-snajja’ ilhom isiru s-snin, anke mill-kittieba u l-kritiċi Maltin. Forsi ormaj saru wkoll xi ftit klixè. Anastasju Cuschieri, għexieren ta’ snin ilu, kien qabbel l-użu tal-kelma – din id-darba Maltija – mal-mestier tal-ħaddied: “Bħalma l-ħaddied fil-forġa / l-ewwel jikwi l-ħadida, / imbagħad ftit ftit jaħdimha sa tiġi kif iridha... / Hekk jien il-kelma mn’idi / mhux malli dak nitlaqha, / bħal min iwaddab ġebla / ma jafx fejn sejra taqa’”.
Dawn iż-żewġ paraguni ta’ Komunyakaa u Cuschieri jfakkru ħafna fil-poeżija ta’ Louis Briffa: tal-ewwel minħabba l-analiżi tal-proċess tat-tiswir tal-poeżija, tat-tieni minħabba t-tendenzi tal-poeta fl-għażla tal-kelma Maltija. Briffa ddebutta fl-2006 bil-ġabra ta’ poeżija u poeproża Bil-Varloppa – permezz tagħha kien seħħlu jerbaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. It-titlu u l-qoxra tal-ġabra aktarx kienu biżżejjed biex jagħtu x’jifhem dak li stqarr m’ilux ma’ Kristina Cassar Dowling fil-ġurnal The Times of Malta: “The choice of words and rhythm is crucial as these have to express exactly what I have in mind. Completing a poem is then a process of editing and rewriting until the final version is completed.” It-tieni ġabra tiegħu Bil-Boqxiex (2017) kompliet tikkonferma t-twemmin ta’ Briffa: kemm il-varloppa u kemm il-boqxiex huma għodod tal-mastrudaxxa – waħda tiċċana fit-tul, l-oħra fit-tond.
Permezz ta’ din l-enfażi avverbjali Briffa donnu jpoġġi l-proċess tal-kitba tal-poeżija qabel kull element ieħor illi jista’ jsawwar l-immaġinarju poetiku tiegħu, bħalkieku tul is-snin l-għodda baqgħet iktar importanti mill-prodott innifsu. Nistqarr li lura fl-2006 lqajt it-titlu Bil-Varloppa b’ċertu sodisfazzjon. Maż-żmien madankollu bdew jiġuni d-dubji, l-entużjażmu għar-romantiċiżżar assolut tal-għodda batta. F’dan ir-rigward it-titlu Bil-Boqxiex m’għenx. M’għenx lanqas li għal darb’oħra, fl-ewwel edizzjoni tagħha, il-ġabra ġiet ippreżentata lill-qarrejja b’diversi studji akkademiċi minn kritiċi stabbiliti – tendenza spiss tedjanti li f’dawn l-aħħar snin donnu rrankat qatigħ fix-xena letterarja Maltija. F’dan ir-rigward jeżistu żewġ skejjel ta’ ħsieb: uħud ma jsibu xejn ħażin f’din il-prattika mentri oħrajn qabelxejn jippreferu jaqraw il-materjal inkwistjoni mingħajr ebda preġudizzju. Ngħid għalija nemmen li kumment jew tnejn minn letterati stabbiliti ma jtellef xejn, iżda mill-bqija – almenu meta naqra l-ewwel edizzjoni – ngħoddni mat-tieni kamp.
Minn banda, dan kollu ma jnaqqas xejn mid-diversi merti letterarji tax-xogħol poetiku ta’ Louis Briffa. Rigward dawn diġà kitbu bosta kritiċi letterarji, fosthom Achille Mizzi, Oliver Figgieri, Charles Flores, Tarcisio Zarb u Norbert Ellul-Vincenti. Forsi ftit li xejn hemm xi żżid mar-rimarki ta’ dawn l-istudji u r-reċensjonijiet. Uħud enfasizzaw l-isfond kulturali u xjentifiku wiesa’ tal-poeta, oħrajn il-modi effettivi kif f’għadd ta’ poeżiji jqanqal ħsus profondi dwar ċerti kwistjonijiet eżistenzjali serjissimi. Biżżejjed wieħed jaqra l-poeżija notevoli Salini. Kien hemm min tkellem fuq il-metrika. Kważi lkoll, u bir-raġun kollu, irrimarkaw il-ħila rari ta’ Briffa fit-tħaddim tal-ilsien Malti – fil-perspettiva suġġettiva tiegħi dan aktarx huwa l-ikbar preġju tal-poeżija ta’ Briffa, għad li xorta ma nemminx li dan mhux bilfors jiġġustifika bis-sħiħ l-għażla tat-titli. Hu x’inhu, daqs sena ilu l-ġabra waslet sal-lista l-qasira tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb proprju bis-saħħa ta’ dawn il-kwalitajiet.
Mill-banda l-oħra, minkejja l-merti letterarji msemmija, dawn l-elementi kollha forsi qajla jikkonvinċu li Briffa tabilħaqq evolva mill-ewwel ġabra tiegħu Bil-Varloppa. Jidhirli li ż-żewġ ġabriet fil-biċċa l-kbira huma pjuttost simili, kemm fil-forma u kemm fis-sustanza. Forsi din tal-aħħar – mill-ġdid fis-suġġettività personali tiegħi – hija aktarx l-iktar element problematiku. F’bosta poeżiji f’Bil-Boqxiex nerġħu naqraw dwar “l-eżilju ta’ poeta / u t-toqob ta’ martirju / li minnhom ma jfiq ħadd (Ritorn l-Għalija Hemm). Jiddispjaċini iżda l-iskop ta’ din il-paġna qatt ma kien li jittenna dak li jkun diġà nkiteb qabel minn ħaddieħor. L-enfażi ultraromantika fuq l-artist ittorturat, fuq “il-kalvarju tas-sinċerità” – biex nieħu spunt minn intervista oħra ta’ Briffa mal-ġurnal MaltaToday – mhix dejjem bilfors garanzija ta’ kapolavur letterarju. Għaldaqstant ftit nifhem l-aspettattivi awtomatiċi li akkumpanjaw – almenu f’ċerti ċrieki – il-pubblikazzjoni ta’ din il-ġabra. Wisq inqas nifhem ir-reazzjonijiet isteriċi – uħud minnhom bilkemm jitwemmnu – li nnotajt wara t-tħabbir tar-rebbieħa tal-edizzjoni tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Nerġa’ ntenni dak li ktibt bosta drabi: dan is-sens ta’ intitolament awtomatiku jenħtieġ jinqata’. Forsi jkun jaqbel ukoll li l-artisti tagħna jsiru daqsxejn inqas martri, kemxejn iktar umli, daqsxejn iżjed kritiċi.
Lura għas-saġġ ta’ Yusef Komunyakaa, “is-sengħa tal-mastrudaxxa tħaddan fiha l-emozzjonali, iċ-ċelebrazzjoni, il-kontemplazzjoni, il-misteru, il-hemm”. Fil-poeżija tiegħu Louis Briffa jseħħlu jħaddan dan kollu u iżjed, sew bil-varloppa u sew bil-boqxiex. Iżda s-saġġ ta’ Komunyakaa jkompli jgħid illi l-poeżija hija “arti solitarja u kommunali, waħda li tittraxxendi ż-żmien u tissokta tgħix wara mewtna”. Kienet tkun tabilħaqq ħasra kieku dan seta’ jsir biss permezz ta’ premju.