Jistlesta r-restawr fuq il-kwadru titulari tal-Kappella ta’ Kemmuna b'appoġġ mill-BOV
Il-kwadru li għandu bħala suġġett ir-Ritorn tal-Familja Mqaddsa mill-Eġittu, kellu jgħaddi minn proċess rigoruż, metikoluż u li jirrikjedi ħafna attenzjoni u preċiżjoni
F’dawn l-aħħar jiem ġie fi tmiemu proġett ieħor ta’ restawr u konservazzjoni ffinanzjat bl-appoġġ tal-Bank of Valletta. Il-kwadru titulari tal-Kappella ta’ Kemmuna reġa’ sab ruħu f’nofs il-fliegu, sewwa sew fil-Bajja ta’ Santa Marija wara li għal din l-aħħar sena kien fil-laboratorju ta’ PrevArti fil-Mosta, fejn għadda minn proċess ta’ restawr estensiv.
Il-kwadru li għandu bħala suġġett ir-Ritorn tal-Familja Mqaddsa mill-Eġittu, kellu jgħaddi minn proċess rigoruż, metikoluż u li jirrikjedi ħafna attenzjoni u preċiżjoni minħabba l-kundizzjonijiet ħżiena li kienu jinsabu fihom il-pittura u t-tila ta’ taħt. Ir-restawratur Pierre Bugeja, spjega li apparti dak li hu estetiku kien jidher skur bil-verniċ, mill-parti tan-nofs ‘l isfel instabu diversi ħsarat, fosthom żebgħa li kienet qegħda tinqala’, kif ukoll partijiet oħra fejn iż-żebgħa kienet inqalgħet għal kollox.
Mir-riċerka li saret, bl-għan li din il-pittura tiġi attribwitha lil min ħoloqha, l-istoriku tal-Arti Sandro Debono qal li kollox jindika li l-pittur li eżeġwixxa dan il-kwadru huwa Carlo Zimach, qassis minn Ħaż-Żebbuġ li kellu rabtiet mill-qrib mal-Parroċċa tan-Nadur, tant li fl-istess Bażilika, jinsabu bosta xogħlijiet attribwiti lilu.
Minkejja li l-pittura ta’ Kemmuna baqgħet waħda anonima, tant li ma nstabet l-ebda firma jew inizjali fuq il-kwadru, Sandro Debono spjega li Zimach kien imnebbaħ minn inċiżjoni ta’ kwadru mpitter minn Giovanni Battista Paggi għall-Knisja ta’ Santa Maria degli Angeli ta’ Ġenova u minn hemm ħoloq il-verżjoni tiegħu ta’ din il-pittura li tmur lura għas-seklu 18.
Ir-rettur tal-Kappella ta’ Kemmuna, Monsinjur Ġużeppi Attard, laqa’ bil-ferħ it-tkomplija ta’ dan il-proġett, li malli ħa l-inkarigu tal-kappella f’idejh madwar sentejn ilu, kien intebah mill-ewwel bil-kundizzjonijiet ħżiena li kien jinsab fihom dan il-kwadru.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv fit-Taqsima tal-PR u l-Marketing tal-Bank of Valletta, Charles Azzopardi tenna s-sodisfazzjon tiegħu li bis-saħħa ta’ dan ir-restawr, il-pubbliku se jkun jista’ jerġa’ jgawdi s-sbuħija kollha ta’ din il-pittura. Barra mnn hekk wieħed ukoll jista’ japrezza li kappella fuq gżira daqstant ċkejkna, tħaddan fiha patrimonju tassew rikk u importanti fl-istorja tal-arti tal-Gżejjer Maltin.