Letteratura | Il-Manifest tal-Killer - Daqs ħmistax-il sena wara
Fil-paġna letterarja ta’ din il-ġimgħa Kevin Saliba jiftaħ djalogu ma’ Karl Schembri – il-kittieb tar-rumanz Il-Manifest tal-Killer. Id-diskussjoni tiftaħ billi tistħarreġ ir-relevanza u l-ħtieġa tat-tieni edizzjoni ta’ dan “l-ewwel rumanz strettament anarkiku” Malti fi żmienna, proprju daqs ħmistax-il sena wara l-ewwel pubblikazzjoni tiegħu. Saliba jistaqsi wkoll jekk dan ir-rumanz “jaħraq” setax kellu rwol fil-bidliet li kienu saru ftit snin wara fil-liġijiet taċ-ċensura f’pajjiżna. Id-diskussjoni mbagħad ddur fuq l-effetti fejjieda u inqas fejjieda tal-miġja tal-midja soċjali u fuq l-aħbar reċenti dwar it-tneħħija tal-programm Xarabank mill-iskeda tax-xandir nazzjonali.
1. Fid-daħla tiegħu għar-rumanz Il-Manifest tal-Killer Mario Azzopardi kien iddeskriva dan it-test bħala “dokument esplussiv”, “letteratura speċifikament anarkika” u “l-ewwel rumanz strettament anarkiku”. F’din id-daħla li tagħti ħarsa fil-qosor lejn sforz simili li saru matul l-istorja tal-letteratura tagħna, Azzopardi għaldaqstant jgħodd lil dan ir-rumanz – mingħajr ebda riżerva – bħala pass ulterjuri fir-ribelljoni letterarja Maltija. Madankollu maż-żmien, kif żgur taf tajjeb, tfaċċaw awturi lokali oħrajn illi mxew bis-sod fuq dawn il-passi. Uħud minnhom għamlu ħafna ħoss u ġieli saħansitra seħħilhom iċaqalqu ċerti realtajiet. Għaldaqshekk, taħseb illi tabilħaqq kien hemm il-ħtieġa – daqs ħmistax-il sena wara – li dan ir-rumanz jerġa’ jiġi ppubblikat?
Bl-istess raġunament nistgħu nieqfu nippubblikaw u nistampaw il-kotba kollha wara l-ewwel edizzjoni, għax kollha b’xi mod jew ieħor jiġu segwiti minn kotba oħra. Qisek qed tgħidli li wara l-Koran kien messna waqafna milli nippubblikaw il-Bibbja. Id-deċiżjoni dwar jekk ktieb ikollux jiġi ppubblikat mill-ġdid jew le tiġi fil-parti l-kbira ddeterminata mill-esiġenzi tas-suq: il-pubblikatur jemmen illi wara ħmistax-il sena xorta għad hawn domanda għalih. Jemmen ukoll illi r-rumanz huwa tajjeb u li ta’ min jaqrah – għalkemm dan il-valur dejjem jiġi, b’xi mod jew ieħor, sottomess għar-regoli tas-suq.
Fl-aħħar mill-aħħar kull ktieb irid jiġi ġġudikat fuq il-merti tiegħu. Il-mistoqsija waħdanija li tinteressani hija dik li nagħmel lill-qarrej: kif laqtitek din l-istorja u x’veritajiet qaltlek? Mhux għalija biex ngħid, imma wieħed jista’ jara jekk ir-rumanz ħalliex xi impatt fuq il-kitba li ġiet warajh jew fuq il-pubblikaturi. Il-vjaġġ ta’ dan ir-rumanz huwa Odissea fiha nfisha: minn pubblikaturi li għoġobhom imma beżgħu joħorġuh, għal ċensura fuq ir-radju u fil-libreriji pubbliċi, għal dramm imtella’ fin-Notte Bianca u issa edizzjoni ġdida mal-Merlin. Jekk xejn Il-Manifest ta prova soda ta’ dak illi kien ippriedka daqs ħmistax-il sena ilu: ir-ribelljoni u l-persistenza jibqgħu dejjem ħwejjeġ meħtieġa sabiex jitwettqu l-affarijiet illi nemmnu fihom, l-iżjed fil-battalja kontra l-istaġnar konservattiv u reazzjonarju.
2. Fl-2006 Il-Manifest tal-Killer qajjem bosta kontroversji. Dik il-ħabta il-gazzetta Illum ikkummentat li r-rumanz “jaħraq wisq għall-Università”. Fr Joe Borg kien ilmenta li “ċertu diskors fir-rumanz seta’ jikser provvedimenti tal-Awtorità tax-Xandir”. Ġie ċċensurat mill-istazzjon tar-radju tal-Università Campus FM u saħansitra ma kienx qed jitħalla joħroġ mill-librerija pubblika. Ġie skartat għalkollox ukoll mill-ġurija tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb – episodju li sintendi kien wassal għal bosta battibekki fil-ġurnal MaltaToday. Il-biċċa mbagħad donnu mietet fuq ommha. Iżda ftit snin wara mbagħad ġiet f’idejna l-istorja Li Tkisser Sewwi t’Alex Vella Gera, bil-kjass kollu li qajjem miegħu dan l-episodju kurjuż. Dik id-darba madankollu kien sar sforz kollettiv – fost theddid ta’ pieni ta’ priġunerija, ma ninsewx – sabiex jinbidlu l-liġijiet li jirregolaw iċ-ċensura fuq l-arti f’pajjiżna. Bħala kittieb illi ftit qabel kont ġarrabt ħwejjeġ xi ftit jew wisq simili, kif kont ħassejtek bis-suċċess illi nkiseb mill-attivisti kontra ċ-ċensura? Għaliex taħseb illi din il-battalja ma saritx qabel? Taħseb li Il-Manifest tal-Killer seta’ kellu rwol u sehem sinifikanti f’din il-bidla?
Nemmen illi Il-Manifest tal-Killer beda jimbotta l-affarijiet u jgħin jikxef il-fusien tal-poter fejn kienu joqomsu l-elementi reazzjonarji. Li Tkisser Sewwi serviet bħala l-ġobna li sfurzat lill-far joħroġ mit-toqba ħalli jiżvela ruħu fid-disgustaġni kollha tiegħu. Dak iż-żmien ir-Rettur tal-Università Juanito Camilleri għamel rapport lill-pulizija. L-Avukat Ġenerali Peter Grech mbagħad iktar ħarqitu qalbu għal novella fuq gazzetta studenteska milli għall-oxxenitajiet kriminali li saru taħt ir-reġim ta’ Joseph Muscat. Tajjeb li nfakkru li uħud minnhom saħansitra wasslu biex inqatlet Daphne Caruana Galizia.
Mhix koinċidenza li kellha tkun proprju l-Università ta’ Malta li tintervjeni kontra l-ktieb tiegħi u l-kitba t’Alex Vella Gera. Meta tqis illi l-enfasi – anki akkademika u intellettwali – hija fuq il-kontinwità tas-sistema, in-nepotiżmu u l-korruzzjoni morali, tifhem għaliex dik l-istituzzjoni li suppost tippromwovi l-ħsieb ħieles fil-verità ntużat biex issikket lill-awtur.
Paradossalment, il-bidla fil-liġi seħħet taħt ir-reġim ta’ Joseph Muscat. Dan il-paradoss interessanti ħafna: l-amministrazzjoni probabbilment l-iżjed korrotta fl-istorja politika tagħna kellha wkoll l-iżjed aġenda liberali fir-rigward tal-liġijiet taċ-ċensura, tad-drittijiet tal-omosesswali u tal-libertajiet ċivili. F’ċertu sens Muscat ifakkarni fl-Iżrael: l-iżjed pajjiż progressiv fil-Lvant Nofsani jekk tkun omosesswali jew transesswali, iżda l-aqwa li m’intix Palestinjan. Jekk int Palestinjan mela lanqas dritt għall-ilma m’għandek. Muscat mexxa dawk id-drittijiet illi, mad-daqqa t’għajn, ma kellhomx potenzjal ovvju li jwaqqfu l-pjan djaboliku tiegħu u ta’ dawk ta’ madwaru li jirkbu rikba fuq Malta u jħaxxnu bwiethom fil-Panama u f’Dubaj. Jekk inti omosesswali kwiet, nagħtuk id-dritt li tiżżewweġ. Iżda jekk inti ġurnalista li tikxfilna l-borom, intajruk – letteralment.
F’ċertu sens Muscat ifakkarni fl-Iżrael: l-iżjed pajjiż progressiv fil-Lvant Nofsani jekk tkun omosesswali jew transesswali, iżda l-aqwa li m’intix Palestinjan. Jekk int Palestinjan mela lanqas dritt għall-ilma m’għandek. Muscat mexxa dawk id-drittijiet illi, mad-daqqa t’għajn, ma kellhomx potenzjal ovvju li jwaqqfu l-pjan djaboliku tiegħu Karl Schembri
3. M’ilux f’intervista għas-sensiela Taħt il-Qoxra stqarrejt ma’ Rachel Deguara li wieħed mill-fatturi ewlenin illi kien nebbaħ il-kitba ta’ dan ir-rumanz kien il-fenomenu tal-pluraliżmu fix-xandir. Irrimarkajt illi b’mod speċifiku kellek f’moħħok din il-mistoqsija: fir-rivoluzzjoni diġitali, kif ser iġibu ruħhom iċ-ċittadini Maltin wara tant u tant snin ta’ monopolju fix-xandir lokali? X’ser jagħmel biha dina l-libertà ġdida? Il-karattru ta’ Mario Brincat donnu jippersonifika din id-dilemma: jittanta jesprimi ruħu ġaladarba issa seta’, iżda mbagħad fl-aħħar mill-aħħar ma jgħid xejn ġdid, tant illi jtenni biss l-ideat ta’ ħaddieħor. Nasal ngħid li dan il-karattru jirrappreżenta għadd kbir ħafna ta’ persuni li tajjeb jew ħażin għandhom ħabta jikkummentaw fuq kollox permezz tal-mezzi tal-midja soċjali. Fis-sew, tinnota li forsi saru xi avvanzi notevoli f’dar-rigward minn żmien il-pubblikazzjoni tar-rumanz Il-Manifest tal-Killer?
Ngħid għalija saħansitra kultant nasal ngħid – mhux biss fil-kuntest lokali – li akkont għamilna pass ’il quddiem u tnejn lura.
L-idea ċentrali tal-Manifest kienet ibbażata fuq il-mistoqsija dwar kif ser iġibu ruħhom iċ-ċittadini malli jingħataw mikrofonu miftuħ biex jgħidu li jridu, wara snin ta’ ċensura u informazzjoni ċentraliżżata. F’dan is-sens għaqqadt il-pluraliżmu tal-bidu tad-disgħinijiet, bl-istazzjonijiet Maltin tar-radju jfaqqsu f’daqqa, mal-isplużjoni tal-internet lejn l-aħħar tal-istess deċennju. Għax għalkemm fl-istorja tagħna dawn huma ġrajjiet differenti ħafna, kienu simili fl-idea promettenti ta’ empowerment li marret żmerċ. Marret żmerċ għax għal darb’oħra, din l-opportunità li nfetħet bl-internet u bil-midja soċjali nħatfet mill-elementi tas-suq ħieles kapitalist illi qerdet liċ-ċittadini billi ġabithom biss konsumaturi.
Tgħid x’tgħid fuq Facebook jew Twitter ser jintuża minn erba’ kumpaniji li jiġbru kulma nxandru fuqhom ħalli jdawruh fi flus. Il-forzi tas-suq jafu tajjeb illi mhemm xejn iżjed potenti mill-gratifikazzjoni istantanja tal-ego. L-att tal-kreazzjoni sar esklussivament medjatiku u istantanju. Is-selfie huwa eżempju prim ta’ kif it-trivjali, l-irrelevanti u l-marġinali jsir ir-raison d’etre tal-eżistenza tagħna fuq il-midja soċjali.
Mill-Homo Sapiens imxejna għall-Homo Selfie – il-bniedem li r-relevanza kollha ta’ ħajtu tinġabar f’li jieħu ritratt tiegħu nnifsu fil-latrina jew fuq il-Kilimanjaro, mal-Papa jew mal-ħabiba, fuq xi missjoni ma’ tifel Afrikan ħdejn bir jew mal-banda tar-raħal fil-festa ta’ xi qaddis tal-kartapesta. L-isfond u l-kuntest ma jfissru xejn – li jimporta huwa d-diffużjoni tal-immaġni tiegħu nnifsu u r-rikonoxximent istantanju bil-likes u x-shares ta’ nies irrelevanti oħra daqsu li fl-aħħar mill-aħħar iservu biss biex tinġabar iżjed informazzjoni kummerċjali, sabiex insiru konsumaturi aħjar.
Minkejja dan kollu, mill-banda l-oħra, xorta waħda għad hemm l-aspett iżjed deċentralizzat illi jwassal biex protesta fi pjazza ssir rivoluzzjoni (bħalma rajna fir-Rebbiegħa Għarbija), biex każ ta’ ċensura u persekuzzjoni nsiru nafu bih mill-ewwel u fejn possibbli tittieħed azzjoni, biex attivist iwassal il-messaġġ tiegħu waqt li qed jiġi arrestat. B’xorti tajba dawn huma wkoll parti mill-esperjenza tal-midja soċjali li jagħmluha wkoll teatru ta’ reżistenza u attiviżmu li jimbuttaw il-linji tal-kontroll u tal-poter. Ngħiduha kif inhi: movimenti bħal MeToo u BlackLivesMatter ma setgħux ikunu possibbli mingħajr il-midja soċjali.
4. Matul din l-intervista ferm f’waqtha rreferejt għall-programm ta’ diskussjoni popolari Xarabank. Bħal ħafna oħrajn esprimejt is-sogħba – saħansitra b’referenzi għat-teoriji tal-ħassieba meedjatiċi Neil Postman u Marshall McLuhan – li l-iżjed programm segwit fil-gżejjer Maltin kien l-ikbar kontributur għall-banalizzazzjoni tad-diskors politiku, ċiviku u intellettwali fil-pajjiż. (Parenteżi ċkejkna: inċidentalment u ironikament snin ilu sirt midħla ta’ dawn il-ħassieba proprju bis-saħħa ta’ Fr. Joe Borg.) Ftit tax-xhur wara ħarġet l-aħbar pjuttost sensazzjonali li l-istazzjon nazzjonali mhux ser jibqa’ jxandar dan il-programm. Bosta membri tal-inteliġensja laqgħu din l-aħbar b’sodisfazzjon liema bħalu. Ngħid għalija qatt ma kont segwaċi ta’ Xarabank, iżda f’dan l-istadju ma nemminx illi l-waqfien tal-programm bilfors ser jimmarka t-tmiem tal-medjokrità fix-xandir nazzjonali. Lanqas biss jien konvint illi għandna ninterpretaw din id-deċiżjoni bħala xi tentattiv konxju favur xi titjib fil-livell tad-diskors pubbliku f’pajjiżna. Ma nafx għala, bla ma ridt, dak il-ħin ġiet f’moħħi dika l-mistoqsija rikurrenti tar-rumanz A Clockwork Orange t’Anthony Burgess: “What’s it going to be then, eh?” Min-naħa tiegħek, anke bħala l-kittieb ta’ dan ir-rumanz u iżjed u iżjed bħala osservatur edukat tad-dinamiċi tal-midja, x’kienet l-ewwel reazzjoni tiegħek malli smajt din l-aħbar?
Bħalek m’għandi ebda fiduċja, la fit-tmexxija tal-PBS u wisq inqas tal-pajjiż. Wara 23 sena jipproduċi l-iktar programm segwit fuq l-istazzjon nazzjonali, Peppi Azzopardi għandu raġun jistaqsi għar-raġuni wara d-deċiżjoni li jitneħħa. U anki aħna għandna dritt għal spjegazzjoni – aħna x-shareholders tal-PBS, dan huwa l-istazzjon tagħna u mhux tal-partit fil-gvern. Għaldaqstant jafuna spjegazzjoni għal kull deċiżjoni li jieħdu.
Il-kritika tiegħi lejn Xarabank minn dejjem kienet dwar it-trivjalizazzjoni ta’ kollox – f’ċertu sens Xarabank kien il-predeċessur tal-midja soċjali fejn l-opinjoni tiegħi dwar iż-żraben, il-Covid-19 u l-ħass għandha l-istess valur daqs ta’ Charmaine Gauci. Peppi għandu l-ħila jġiegħel poplu sħiħ jiddiskuti, ngħidu aħna, ir-razziżmu jew il-kundizzjonijiet atroċi fil-ħabs, u qabel ma nkunu spiċċajna l-argument – dejjem fil-qosor ħa mmorru għar-riklami – jeħodna niddiskutu l-iħirsa u l-pastizzi.
Peppi jaf jikkomunika, jaqra l-udjenza tiegħu aħjar minn kull preżentatur ieħor. Huwa wkoll kreatura tat-teatru – jaf l-elementi kollha tad-dramm u kif iżomm l-udjenza. Iżda l-ossessjoni bil-popolarità u n-numri tal-udjenza m’għandhomx ikunu l-valur ewlieni ta’ xandar pubbliku. Ovvjament trid li l-programm jarawh in-nies, imma għalija l-punt kollu li programm bħal dak jixxandar fuq ix-xandir nazzjonali huwa li jħalli impatt siewi fuq id-diskors pubbliku, li jeħodna lil hinn mit-tribaliżmu partiġjan u sterjotipiku.
Xarabank irnexxielu jpoġġi ħafna kwistjonijiet importantissimi fuq l-aġenda nazzjonali bla ma bidel jew issuġġerixxa ebda alternattiva għall-modi primittivi ta’ kif drajna niddiskutuhom. Dan dejjem kien il-qofol tal-kritika tiegħi lejn dan il-programm.