Letteratura | Imkien għall-Kenn ... dak il-lejl li ma jasal qatt
Fil-paġna letterarja ta’ din il-ġimgħa Kevin Saliba jiftaħ djalogu mal-kittieb John Portelli rigward l-aħħar ġabra ta' poeżiji tiegħu Imkien għall-Kenn. Mill-fehma tal-filosofu Żvizzeru Henri-Frédéric Amiel dwar x’inhi t-tama u x’post jagħtiha Portelli f’din il-ġabra, Saliba jissokta d-diskussjoni billi jistaqsi – bħas-soltu xi ftit bħall-avukat tax-xitan – bosta mistoqsijiet pjuttost sikkanti. Kellhom raġun l-Istoċji jkunu xettiċi dwar il-benefiċċji tal-ivjaġġar? Minnu li l-inċertezza hija l-unika ċertezza? Jeżisti tassew il-progress uman? Jekk iva, x’fatta għandu? Tgħid veru għad xi darba jasal dak il-lejl?
Qabelxejn laqatni ħafna l-fatt illi fil-ġabra Imkien għall-Kenn tiftaħ b’din il-kwotazzjoni mill-filosofu Henri-Frédéric Amiel: “L-inċertezza hija l-kenn tat-tama”.Laqatni għax f’dawn iż-żminijiet tant inċerti din it-tema tat-tama (jew tan-nuqqas tagħha) fil-letteratura u fil-filosofija – almenu f’xi mkejjen – dan l-aħħar bħal qisha reġgħet ħadet daqsxejn tar-ruħ. Inħoss li f’din il-ġabra tesprimi ħsus pjuttost ambivalenti lejn it-tama. Daqqa tgħid “bla ma rrid nibqa’ nittama” (Bejn Hawn u Hemm) u daqqa tistqarr illi “ta’ xejn ittamajt” (Ħad-Dingli) u li “mkissra tal-bieraħ it-tama” (Chania). Anke t-titlu nnifsu, Imkien għall-Kenn, jista’ jinfthiem b’żewġ modi kuntrarji għalkollox: jew “xi mkien għall-kenn” jew inkella “imkien ma hemm kenn”. Wieħed iqawwi l-qalb mentri l-ieħor jaqtagħha. Fil-poeżija Pellegrinaġġ saħansitra tagħmlilna dina l-istedina pjuttost punġenti: “illejla noħolmu l-lejl li ma jasal qatt”. Għalfejn dit-titubanza kollha?”
M’hemmx dubbju li t-tema tat-tama titfaċċa kemm-il darba f’dan il-vjaġġ poetiku miktub fi ħdax-il pajjiż differenti. It-tama fit-tama jew in-nuqqas ta’ tama fit-tama nfisha jiddependu mill-kuntest u mill-esperjenzi li nkunu għaddejin minnhom. Bħala eżistenjalist kritiku li jemmen fid-dijalettika jidhirli illi għandna r-responsabbiltà li nieħdu deċiżjoni.
Għalhekk ma naħsibx illi għandi xi titubanza jew eżitazzjoni biex nieħu deċiżjoni. Imma d-deċiżjonijiet jistgħu jkunu inċerti u
miftuħa għall-bidla jekk il-kuntest jinbidel. Ma naħsibx illi nesprimi ambivalenza dwar it-tama: f’waqtiet ittamajt, f’oħrajn it-tama ntilfet. Jekk id-deċiżjonijiet tiegħi kinux f’lokhom jew le hija kwistjoni oħra. Iżda bħala eżistenzjalist kritiku nemmen ukoll illi xi xaqq ta’ tama bilfors irid ikollna. Jekk nitilfu t-tama għalkollox, ftit ftit nitilfu wkoll ir-responsabbiltà li nieħdu d-deċiżjonijiet u l-element ta’ aġenzija favur il-bidla. Dubbji għandi, kemm trid, imma ma naħsibx illi dawn jistgħu jiġu interpretati bħala titubanza. Abbli għandi żball wara kollox. Safrattant naħseb illi nistgħu, anzi għandna, nibqgħu “noħolmu l-lejl li ma jasal qatt” – anke jekk dan nagħmluh bla ma rridu!
Rigward it-titlu, naqbel mija fil-mija illi jista’ jinfthiem b’żewġ modi kuntrarji għalkollox. Dan għamiltu bi ħsieb. Diversi titli ta’ kotba tiegħi jistgħu jinftiehmu b’modi differenti. Nemmen illi l-letteratura għandha toffri pjaċir (li mhux l-istess bħal gost) u li m’għandniex nagħtu lill-qarrejja kollox bl-imgħarfa. Il-letteratura minnha nfisha għandha toffri ftuħ għal interpretazzjonijiet illi jagħżlu l-qarrejja stess. Għaldaqstant għal din il-ġabra għażilt dan it-tip ta’ titlu proprju għax dan jesprimi is-sentimenti tiegħi fid-diversi burdati differenti li nebbħu l-poeżiji inkwistjoni.
Kif irrimarka tajjeb il-poeta Norbert Bugeja, il-poeżija tiegħek tħobb tivvjaġġa. Dan joħroġ xi ftit jew wisq fid-dieher f’kull ġabra ta’ poeżiji li ppubblikajt s’issa. Madankollu Bugeja żied jgħid illi f’din id-darba, issa iktar minn qatt qabel, qiegħed ukoll tistħarreġ is-siwi tal-vjaġġ innifsu. Fid-daħla tagħha Prof. Simone Galea tistaqsi jekk il-vjaġġ, fl-aħħar mill-aħħar, huwiex ħarba mhux f’lokha li kapaċi ġġib iżjed deni milli ġid. Tfakkarna wkoll illi bosta ħassieba, fosthom ċerti Stojċi, kienu xettiċi dwar x’fejda qatt jista’ jkollu l-vjaġġ. F’dar-rigward nemmen illi dawn tawna, bħas-soltu, bosta pariri għaqlija. Ngħiduha kif inhi: għalxejn iġġorr lejn bnadi oħra kemm-il darba miegħek ġġorr ukoll l-istess ras. Biss, is-soluzzjoni tal-fejda tal-vjaġġ – jekk mhux ukoll tal-assoluzzjoni b’riħet it-tluq – baqgħet tippersisti bis-sħiħ fl-immaġinarju ta’ ħafna kittieba. “Il-vera ħajja tinstab band’oħra”, kien qalilna Rimbaud. Għandi nifhem illi dawn il-vjaġġi tiegħek telqu mill-beraħ tal-inċertezza bit-tama li forsi ssib – fil-kenn ta’ xi mkien ieħor – l-għeluq taċ-ċertezza. Madankollu Galea tinnota tajjeb ukoll illi dawn il-poeżiji qabelxejn issawru miċ-ċertezza tal-inċertezza, “minn dikotomija ta’ opposti li jitimgħu lil xulxin”. Iżda kemm-il darba tmur fejn tmur l-inċertezza dejjem xorta waħda ser tibqa’ l-unika ċertezza –voldieri, jekk trid, l-iżgurizza li dak il-lejl m’hu ser jasal qatt – allura x’fejda qatt jista’ jkollhom il-vjaġġi bil-pass? Kellhom raġun l-Istojċi? Iżjed minn hekk, jekk tassew vi jew va kważi kollox xorta xikubriku, x’serħan il-moħħ tawk – jekk qatt tabilħaqq tawk – dawn il-vjaġġi bil-vers? Qatt ħsibt illi forsi dan tiegħek mhux għajr klixè letterarju?
Sewwa qed tgħid: l-element tal-vjaġġ huwa ċentrali f’din il-ġabra. Hawn ġbart ftit mill-ħsus u mir-riflessjonijiet li kelli jien u nivjaġġa. Ommi, Alla jaħfrilha, dejjem kienet tfakkarni li fil-quċċija fettilli naqbad vapur. Forsi l-vjaġġ huwa parti mill-essri tiegħi! Ivvjaġġajt sa minn età żgħira. Tweildt il-Mosta. Ta’ seba’ snin morna Ħad-Dingli imma kont inqatta’ ħafna ħin maz-zijiet in-Nadur jew man-nanna. Kienet mill-Isla imma wara l-gwerra marret toqgħod Tas-Sliema. Ta’ tlieta u għoxrin ħrabt lejn Montréal fejn għext disa’ snin. Imbagħad 14-il sena Halifax u fl-aħħar tnejn u għoxrin sena Toronto. Iżda għax tgħid, f’dawn l-aħħar ħdax-il sena kampajt biss billi mmur u niġi lura bejn il-Kanada u Malta. Żort ukoll artijiet oħra fejn ħadni x-xogħol tiegħi. Biex tara kemm il-vjaġġ hu tassew parti minni.
Din hija l-esperjenza eżistenzjali tiegħi iżjed milli sempliċement klixè. Fl-istess ħin il-vjaġġi għallmuni l-importanza tad-dijalettika
li tissawwar, bħalma rrimarkat Galea, “minn dikotomija ta’ opposti li jitimgħu lil xulxin”.
Il-vjaġġi m’humiex biss esperjenza fiżika, iżda wkoll esperjenzi relazzjonali. Għaldaqstant dawn jinkludu wkoll elementi spiritwali, mentali u senswali. Fl-esperjenza tiegħi dawn l-elementi jkunu dejjem f’taqbida. U din it-taqbida tatini l-kuraġġ inkompli nfittex xi kenn, anke jekk naf illi qatt mhu ser insib wieħed ċert jew assolut.
F’kummentarju qasir illi offra għal din il-ġabra l-poeta Immanuel Mifsud irrimarka li “mill-gost tat-togħma tal-kafè u l-ħummus, f’tebqa t’għajn, nafu nispiċċaw b’wiċċna mal-ħajt, niftakru (għax il-poeta jaf kif għandu jfakkarna) li filwaqt illi x-xemx titla’ għal kulħadd hemm min xorta waħda jterter bil-bard”. Jidhirli li dan il-kumment jorbot tajjeb ħafna mad-diskors, illi kif għedt dan l-aħħar reġa’ qabad qatigħ, dwar id-dinamiċi dijalettiċi tal-progress uman. Fuq naħa għadna ħassieba bħal John Gray illi jiċħdu bil-qawwi l-idea tal-progress lineari u minn daqqiet saħansitra kull argument favur il-miljoraliżmu; fuq in-naħa l-oħra mbagħad hemm oħrajn bħall-psikologu Steven Pinker illi jemmnu bis-sod illi minkejja kollox illum ninsabufil-quċċata tal-Illuminiżmu. It-tnejn ċerti minn kliemhom: minn daqshekk il-lejl tagħhom għalihom diġà wasal u għaldaqshekk ħtieġa urġenti li jsibu xi mkien għall-kenn forsi m’għandhomx. Hu x’inhu ngħid għalija kultant jagħtini li nħabbathom ras ma’ ras it-tnejn. Diparti tiegħek, bħala kittieb u kummentatur soċjali b’tendenzi xellugin, sewwasew fejn tpoġġi ruħek bejn dat-tnejn? Barra dan, x’dawl ċert jew inċert jistgħu jixħtu l-vjaġġi fiżiċi u poetiċi tiegħek fuq dad-dibattitu?
Mistoqsija bomba din! Grazzi! Kif diġà alludejt qabel, jiena nemmen fid-dijalettika. Iżda tiegħi mhix dijalettika lineari u determinista (à la Marx) jew ċiklika. Għalija d-dijalettika hija parti mill-qafas ontoloġiku tagħna l-bnedmin. Hija don u fl-istess waqt ġlieda. Id-djalettika hija ikkumplikata ħafna. Importanti li d-dijalettika ma narawhiex bħala xi ħaġa li tmur lil hinn mill-esperjenzi eżistenzjali tagħna. Din mhix xi prinċipju li jeżisti fih innifsu, iżda realtà li toħroġ mid-taqbid tal-ħajja bit-tajjeb u bil-ħażin kollu tagħha, bid-daħk u bit-traġedji kollha li fiha. Ma ninsewx ukoll illi d-daħk u t-traġedja huma perspettivi differenti tal-istess avveniment! Dan kollu għalija jorbot ħafna mal-ħsieb xellugi li fuqu tant ktibt tul il-karriera tiegħi.
Rigward iż-żewġ intellettwali li semmejt int, almenu fil-fehma umli tiegħi, għandna mmorru lil hinn mill-fehma tat-tnejn li huma. Din mhix kwistjoni ta’ fehma waħda jew oħra. Id-dijalettika tmur lil hinn minn dawn il-fehmiet imwaħħla fil-konkrit tal-pożitiviżmu u anke tal-ħsieb liberali klassiku. Jidhirli li dan tal-aħħar baqa’ jirriproduċi aspetti kolonjali sal-lum stess.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija tiegħek nixtieq ngħid illi ma naħsibx illi l-poeżija u l-filosofija huma sewwasew l-istess ħaġa. Għalija l-filosofija hija l-poeżiji flimkien mal-kritika letterarja. L-esperjenzi tal-vjaġġi fil-ħsus u fil-ħsibijiet tal-poeżija jistgħu joffru okkażjoni ta’ riflessjoni dwar kuntesti partikulari, sintendi dejjem skont kif ġarrabthom jien. Jien ippruvajt nikteb b’mod li noħloq xi forma ta’ djalogu mal-qarrejja. Nemmen illi dan it-tip ta’ djalogu jista’ jgħinna nifhmu aħjar ir-realtà tad-dijalettika.
Hawnhekk ma nistax ma nżidx illi l-esperjenzi tal-vjaġġi tiegħi huma msawra mill-istorja personali tiegħi, inkluż mill-fatt illi ta’ ħmistax-il sena diġà ridt nitlaq minn Malta. Ħassejtha tifgani. Ix-xorti tagħtni li rnexxieli nemigra lejn il-Kanada. Iżda ma rridx immut hemmhekk għax m’għandi ebda rabta ma’ dak il-pajjiż. Tajjeb jew ħażin, jiena Malti bqajt!
Fil-kummenti tiegħu dwar din il-ġabra, Adrian Grima ddeskriviek bħala “l-bniedem li fassal l-eżilju tiegħu u donnu kullimkien ifittex ħjiel ta’ dar li tilqgħu”. Tassew osservazzjoni f’waqtha. Jekk dan huwa tassew minnu, għaldaqstant għandna għax naħsbu li f’kulma nagħmlu u kull fejn immorru dejjem infittxu – għad illi żgur mhux dejjem biss – lilna nfusna. Allura għandu mnejn ukoll li l-vjaġġattur li jdur id-dinja, bħalma għamilt int f’Imkien għall-Kenn, minbarra lilu nnifsu fl-aħħar mill-aħħar ma jkun qiegħed ifittex xejn iktar u mkien iżjed għajr daru. Lura għad-diskors tagħna: iżjed minn hekk – aktarx ukoll sforz l-inċertezza u f’ġieħ it-tama – minn dit-tiftixa ma nieqfu qatt, u mbagħad, kif jgħid T.S. Eliot, fi tmiem it-tiftixa nerġgħu nsibu ruħna fil-punt tat-tluq u nsiru nafuh għall-ewwel darba. Fis-sew, qatt sibt xi mkien għall-kenn? Jekk le, biħsiebek tieqaf minn dit-tiftixa? Temmen illi f’xi jum għad tabilħaqq – kemm għalik u kemm għalina – iseħħlu jasal dak il-lejl? X’tagħmel kieku kellek forsi alla-ħares-qatt tintebaħ illi dak il-lejl tant mistenni – voldieri mkien il-kenn – kien fis-sew il-punt tat-tluq illi qatt m’għaraft tifhem? Kieku ma jkunx kollu ħela ta’ żmien dan?
Ngħid is-sew ma naħsibx illi qiegħed infittex xi post għall-kenn. Pjuttost qiegħed ngħaddi minn vjaġġi u nirrifletti fuq l-esperjenzi
li jagħtuni mill-perspettiva tal-kenn jew tan-nuqqas tiegħu. Filwaqt illi ovvjament hemm postijiet jew kuntesti li fihom inħossni aktar komdu minn oħrajn, ma nemminx illi hemm xi post ideali fih innifsu. Il-kenn jew in-nuqqas tiegħu jiddependi mill-kuntest u mir-relazzjoni li jkollna miegħu kif ukoll minn dak illi nkunu għaddejjin minnu.
M’hemmx xi ngħidu, il-kuntest u r-relazzjonijiet jistgħu jinbidlu maż-żmien. Nieħu l-eżempju tiegħi stess. Tlaqt minn Malta għax ma sibtx il-kenn li xtaqt. Issa Malta nbidlet u jien xejn inqas. Ir-relazzjoni tiegħi ma’ Malta m’għadhiex l-istess lanqas. Illum ta’ sitta u sittin sena għandi rapport iktar pożittiv. Dan ma jfissirx illi sibt il-kenn ideali. Biss f’ċertu sens Malta llum toffrili aktar kenn mill-Kanada. Mill-banda l-oħra forsi ftit xhur oħra nħossni mod ieħor. Wisq nemmen illi dan il-proċess ma jieqaf qatt. Dan mhux proċess ta’ tiftixa għall-kenn ideali u perfett. Mill-perspettiva tagħna l-bnedmin kenn bħal dan ma jeżistix. Dak il-lejl ferm mistenni mhu ser jasal qatt, iżda jaqbel li nibqgħu nixxenquh u nittamawh.
Hu x’inhu, anke kieku stess għandi żball: li qatt kellu jasal dak il-lejl ma nimmaġinax illi tassew ikun l-istess kenn illi nkun tlaqna minnu mill-bidu nett.