Letteratura | Id-dinja-seħer tal-kotba tat-tfal fuq il-palk, fit-triq u fil-klassi
F'din il-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb nagħtu titwila lejn ix-xows u l-performances teatrali bbażati fuq il-kotba tat-tfal u l-adolexxenti li ttellgħu fl-aħħar snin waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. Nitkellmu dwar kif is-seħer tal-kotba tat-tfal iħalli effett b'saħħtu fuq il-qarrejja jekk jintwera f'forom differenti u kif dal-proċess iqarreb aktar lill-qarrejja ż-żgħar lejn il-ktieb. Finalment nikxfu ftit aktar dwar dak li l-KNK għandu ppreparat għat-tfal u l-adolexxenti waqt il-Festival Nazzjonal tal-Ktieb 2020 - edizzjoni virtwali
Fl-aħħar snin il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb sar avveniment li fih bosta mill-aħjar kotba għat-tfal u l-adolexxenti ppubblikati s-sena ta’ qabel u dik is-sena stess jieħdu l-ħajja u jittellgħu fuq il-palk. Filwaqt li din tista’ tidher azzjoni komuni, u allura titlef mill-appell tagħha forsi mal-kbar, nafu li l-effett li għandu l-viżwal u l-performattiv fuq it-tfal huwa b’saħħtu.
Filwaqt li l-ktieb innifsu u l-esperjenza tal-qari m’għandhiex titwarrab - anzi għandha tkun fil-qalba tat-tagħlim fil-klassi dwar il-letteratura - tajjeb li t-tfal inressqulhom il-kotba u l-qari lejhom b’modi varjati kemm jista’ jkun sabiex l-esperjenza nnifisha ssir aktar intriganti bis-saħħa ta’ libsa differenti u ġdida. Huwa dan li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb iżomm f’moħħu kull darba li jasal żmien il-Festival u nibdew naħsbu f’modi kif se nikkomunikaw id-dinja msaħħra tal-kotba tat-tfal: bis-saħħa ta’ forom li jidhru differenti u ’l bogħod mill-ktieb innifsu, inqanqlu l-interess biex it-tfal jaqbdu l-ktieb u jaqrawh - min jaf xi jkun għaddej minn moħħ il-qarrejja żgħar xħin jiftħu l-ktieb u jiġuhom f’moħħhom il-performances li jkunu raw waqt il-Festival! L-għan tagħna jkun intlaħaq u jibqa’ jintlaħaq bil-koperazzjoni tal-edukaturi fil-bqija tas-sena skolastika.
Minn xi snin ilu kemm ilu jsir il-Festival b’dal-mod irnexxielna ntellgħu numru sabiħ ta’ performances teatrali u xows professjonali bbażati fuq il-kotba rebbieħa tal-Premju Terramaxka (il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għat-Tfal u l-Adolexxenti). Ta’ min isemmi wħud li jibqgħu jitfakkru u li t-tfal ġieli jsemmulna meta niltaqgħu magħhom fil-Festival; fl-2018 ħdimna għall-ewwel darba mal-Iskola Maltija tal-Arti Viżiva u Performattiva (MVPA) li tellgħu performance maħduma mit-tfal dwar il-ktieb Jarmuk ta’ Stephen Lughermo; Antonella Axisa u l-grupp tagħha kellhom xow teatrali tal-kotba Fil-kamra ta’ Jonas ta’ Noel Tanti, Il-qtates ta’ max-xatt ta’ Clare Azzopardi u Il-kulleġġ għall-prinċpijiet perfetti maqlub għall-Malti minn Noel Tanti. Dik is-sena l-pubblikatur Horizons tella’ performance tal-ktieb El Cuento de Ferdinando (li ppubblikawh bil-Malti) li minnu sar il-film popolari ‘Ferdinand’. Fl-2019 imbagħad l-istess grupp ta’ Antonella tella’ xows ibbażati fuq wieħed mill-kotba rebbieħa tat-Terramaxka tas-sena ta’ qabel, Mamà allura din imħabba? ta’ Moira Scicluna Zahra u Mark Scicluna.
Fl-2018 bdejna naħdmu mad-duo komiku DANUSAN, u ħafna jiftakru x-xows li tellgħu - Il-Kotba Jieħdu l-Ħajja - li saru filgħaxija u li għalihom attendew ħafna familji. Servew ukoll biex il-ġenituri/gwardjani jiffamiljarizzaw ruħhom mal-kotba li t-tfal tagħhom setgħu jaqraw. Barra minn hekk kull min attenda għax-xow ingħata lura l-flus tal-biljett li seta’ jsarrafhom fil-kotba mill-Festival.
Fl-2019 erġajna ħdimna magħhom fuq performances ibbażati fuq Il-Ħanut tal-Ħelu li mar dawra ta’ Clare Azzopardi u Amina ta’ Antoinette Borg. Dik is-sena kienet waħda aktar speċjali għax ħsibna għal dawk l-istudenti li ma jitkellmux bil-Malti. Fil-fatt wieħed mill-mistiedna internazzjonali tal-Festival, il-kittieb Irlandiż Dave Rudden, ta xows bl-Ingliż ibbażati fuq it-triloġija fantaxjentifika tiegħu Knights of the borrowed dark.
L-2020 - sena mimlija limitazzjonijiet u… opportunitajiet
Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb dis-sena se jsir b’mod virtwali, imma x-xows għat-tfal se jsiru xorta waħda u se jintbagħtu dirett f’kull klassi f’Malta u f’Għawdex.
Il-kollaborazzjoni ma’ DANUSAN qed tiżviluppa b’mod interessanti għall-aħħar: Id-duo se jkunu qed jaqraw u janimaw b’mod spontanju xi kotba fi nħawi pubbliċi madwar Malta. Fil-ġranet tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb (11-15 ta’ Novembru) Daniel Chircop u Chrysander Agius se jimprovizzaw mal-folla f’postijiet strateġiċi partijiet minn kotba bil-Malti. Inti tista’ tinzerta parti minn dax-xows jekk jiltaqgħu miegħek fit-triq DANUSAN, dejjem b’ distanza biżżejjed għas-sigurtà. Il-kotba li se jintużaw huma kollha rebbieħa tal-passat tal-Premju Terramaxka: Insalvaw il-Pjaneta l-Blu, Il-Ħanut tal-Ħelu li Mar Dawra, L-Annimali tas-Savana: Il Verità Kollha fuq l-Annimali, Amina u Irvin Vella: Il-Każ tal-Gżejjer tat-Teżor. It-tfal jistgħu jipparteċipaw bħala parti mill-istorja f’dawn ix-xows li se jsiru f’postijiet bħal swieqi, il-Funtana tat-Tritoni, Is-Suq tal-Belt, waqt laqgħa tal-iscouts u f’bandlijiet differenti. Żomm għajnejk u widnejk miftuħin f’Novembru għax af issib lid-DANUSAN jiftħulek xi ktieb u joħduk f’avventura ta’ barra minn hawn! Dawn ix-xows imbagħad se jitqassru f’format għat-TV u jintwerew fuq TVM ħames darbiet fil-ġurnata. Antonella Axisa u l-grupp tagħha wkoll se jtellgħu performances teatrali bbażati fuq il-kotba rebbieħa tal-Premju Terramaxka ta’ dis-sena… allura ma nistgħux ngħidulkom minn issa liema huma!
Għal dawk l-iskejjel li jippreferu xow bl-Ingliż hemm lest għalihom xow mingħand mistieden internazzjonali ieħor: il-kittieb u għalliem tal-ħiliet speċjali tal-moħħ Eran Katz. Bis-saħħa ta’ doża qawwija ta’ umoriżmu, eċitament u sorpriżi Katz se jirrivelalkom tekniki straordinarji biex issaħħu l-qawwa tal-memorja.
Ibqa’ ftakar l-ismijiet u l-uċuh billi tuża l-metodu ta’ Napuljun, ta’ John F. Kennedy u s-sistema biblika ta’ wiċċ l-Anġlu. Ibqa’ ftakar dati, avvenimenti u numri twal bis-saħħa tas-sistema ta’ Ġematrija. Ibqa’ ftakar x’għandek tagħmel, listi u ċajt bis-sistema ‘Modena files’. Tgħallem malajr ilsien ġdid billi ssir taf dwar il-Yiddibrish - strateġija li għenet lil-Lhud jikkomunikaw effettivament f’kull imkien fid-dinja. Tejjeb il-memorja bis-sistema tal-kmamar Rumani, il-Manuvra Hugo, l-Effett Brita u tekniki oħra. Wara x-xow l-istudenti se jkunu mistiedna jsegwu intervista mal-awtur li ssirlu minn Coryse Borg.
It-tim organizzativ tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb bħalissa għaddej ġmielu bil-ħidma sabiex għal darb’oħra joffri esperjenza differenti għat-tfal u l-adolexxenti bbażata fuq il-kotba u l-qari. Infakkru lill-prinċipali u l-kapijiet tal-iskejjel kollha sabiex imexxu mal-edukaturi tagħhom iċ-ċirkulari u l-applikazzjoni li diġà ntbagħtet lilhom biex ikunu jistgħu jirreġistraw lill-istudenti għall-Festival. Dis-sena m’hemmx il-limitazzjoni tal-ispazju li s-soltu jkun hemm b’Dar il-Mediterran, u allura prattikament jista’ jipparteċipa kull student f’Malta u f’Għawdex u jibbenefika mill-vawċer li dis-sena għollejnieh għal €5. L-istudenti jistgħu jiġu rreġistrati għall-Festival mill-iskola biss.
L-edizzjoni virtwali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020 se ssir bejn l-Erbgħa 11 u l-Ħadd 15 ta’ Novembru. Għal aktar informazzjoni żur il-paġna tal-Facebook tal-KNK u s-sit tagħna www.ktieb.org.mt