Għeluq sninu fil-Milied ... Manwel Dimech

160 sena mit-twelid ta’ Manwel Dimech

Spiss wieħed jintebaħ li t-tagħrif li ħafna nies għandhom fuq Manwel Dimech hu mkittef ħafna, jekk mhux ukoll żbaljat. Jidher li f’pajjiżna ma hawnx biżżejjed tagħlim fuq il-ħajja tiegħu u wisq anqas fuq ħsibijietu. Meta tista’ lil min jitkellem fuq Dimech mill-ewwel tkun tista’ tgħid jekk dak il-bniedem jafx l-affarijiet jew huwiex qed jitkellem mill-ftit li sema’ ’l hawn u ’l hemm. It-tagħlim imkittef jew żbaljat, ikun fuq xiex ikun, ma jagħmel ġieħ lil ħadd. 

Meta wieħed jikkunsidra li Dimech ilu jiġi studjat u rriċerkat għal dawn l-aħħar sittin sena, b’ħafna pubblikazzjonijiet fuq ħajtu u kitbietu li għadhom jistgħu jinxtraw sal-lum, bniedem jistagħġeb kemm għad hawn nies li għadhom ma jafux min hu Dimech u jirrappreżenta. Jekk wieħed jagħmel daqsxejn ta’ tfittixa fuq l-Internet malajr jitilgħulu eluf ta’ riżultati. Madanakollu, xi wħud xorta waħda jibqgħu joħorġulek b’ħafna ħmerijiet fuq ħajtu u jirrepetulek ħafna xejnijiet.

Jien naħseb li daqsxejn aktar attenzjoni ma tagħmel deni lil ħadd.

Nhar il-Milied li ġej Dimech jagħlaq 160 sena mit-twelid tiegħu. Bniedem imwieled fil-faqar f’Malta tal-1860 kien ifisser li hu kkundannat għad-deni soċjali u ekonomiku li qajla jista’ jaħrab. Id-diżordni kien strutturali. Dan ifisser li kien miżmum minn dawk fis-setgħa. Il-faqar mhuwiex għażla. Il-faqar hu kundizzjoni li neċessarjament twassal għal aktar għelijiet, bħan-nuqqas ta’ qari u kitba, sfruttament, vizzji, kriminalità, ħabs, mard u, ħafna drabi, mewt kmieni.

Ah, jaħasra, Dimech waqa’ vittma ta’ bosta minn dawn. B’xorta tassew tajba, però, kien fiżikament b’saħħtu u mentalment kapaċi. Bi sforz bla qies min-naħa tiegħu, u bl-għajnuna imprezzabbli ta’ saċerdoti, kemm Kattoliċi kif ukoll Protestanti, rebaħ id-diffikultajiet li twikka bihom bit-twelid u t-trobbija tiegħu, u għamel minnu nnifsu bniedem mgħallem. Dil-istorja tiegħu ta’ kif irkupra hi diġà biżżejjed biex tgħaġġbek.

Iżda Dimech ma waqafx hemmhekk. Hu ntefa’ għall-ħidma pubblika billi għamel lilu nnifsu utli edukazzjonalment, soċjalment u politikament. Huwa ġġieled l-inġustizzja u l-oppressjoni strutturali billi fittex li jagħti s-setgħa materjali u mentali lill-foqra. Il-viżjoni tiegħu ma kienet xejn anqas minn revoluzzjonarja. Kien għalhekk li l-Knisja u l-Istat fittxew li jsikktuh. L-iskomunika skandaluża tiegħu fl-1911, it-tneħħija bla bażi tiegħu minn Malta fl-1914, u l-eżilju illegali tiegħu wara l-1918, kienu kollha ta’ kompliċità li l-intenzjoni waħdanija tagħha kienet li jeżolawh u jeqirduh.

Il-mewt tiegħu tturufnat f’Lixandra, l-Eġittu, fl-1921, ġimgħatejn biss qabel il-proklamazzjoni tal-kostituzzjoni l-ġdida ta’ Malta li biha l-Maltin kisbru għall-ewwel darba gvern tagħhom infushom, hija l-unika mewta politika li nafu biha fl-istorja twila ta’ Malta.

Imma l-istorja ta’ Dimech, interessanti kemm hi interessanti, mhijiex biżżejjed weħidha biex timmerita l-attenzjoni tagħna għal kollox. Hemm aktar minn hekk fih. Hemm il-poeżiji tiegħu, il-filosofija tiegħu, il-kitbiet ġurnalistiċi tiegħu, il-kotba akkademiċi tiegħu, u hemm l-aforiżmi tiegħu. Dawn flimkien jagħmlu ġabra kbira mhux ħażin. Dimech kien jesprimi ruħu sew bil-Malti u bit-Taljan daqskemm fl-Ingliż u l-Franċiż. Il-kitbiet tiegħu bil-Malti għadek tista’ tixtrihom mill-ħwienet ewlenin u huma bidu tajjeb għal min irid isir jafu aħjar.

Aktarx waħda mir-raġunijiet ewlenin għala Dimech jibqa’ ma jiġix magħruf biżżejjed minn ħafna Maltin u Għawdxin  hija għax jitqies minnhom b’mod emozzjonali żżejjed. Infatt, kemm dawk ta’ xejra politika xellugija kif ukoll dawk ta’ xejra politika leminija jirrelataw ma’ Dimech bi sterjotipi. Il-prekunċetti tagħhom, ukoll jekk ikunu mkittfin jew żbaljati, jistrieħu fuqhom kważi mija fil-mija. Dan jiċħdilhom il-possibbiltà li jagħmlu wisq passi ’l quddiem ħalli jagħtu lil Dimech jurihom l-ilwien veri tiegħu. “Le,” kull wieħed jew waħda minnhom jgħidulek. “Jien naf biżżejjed. Ir-raġel ma jistax ikollu aktar xi jgħidli lili!”

Din hija ħasra. Għax Dimech hu wieħed mill-aktar teżori intanġibbli għonja li għandu l-poplu Malti u Għawdxi. Ir-riżervi tiegħu huma bla tmiem. Nies li ltaqgħu miegħu mill-ġdid permezz tal-istudju jew il-qari, tħallew b’xewqa akbar biex isiru jafuh aktar u aktar. Jien dan rajtu kemm-il darba. Dimech jibqa’ jgħaġġeb.

L-aqwa parti tiegħu, però, fil-fehma tiegħi, huwa li għadu jista’ jdaħħal lill-qarrejja tiegħu f’diskussjonijiet xierqa. Minkejja li seklu sħiħ jifridna minnu s-17 t’April 2021, is-sena d-dieħla, jaħbat il-100 sena minn mewtu għadu jista’ jkun frisk, attraenti u ta’ benefiċju għalina llum. Dimech għadu jista’ jdawwal żminijietna u ħajjitna bil-kliem u l-għerf tiegħu. Huwa dan, jidhirli, li jagħmlu daqshekk speċjali u modern għal min jersaq lejh b’moħħ miftuħ.

Waħda mill-għamliet li Dimech għadu jdawwalna llum huwa bl-“approċċ tal-ħiliet” tiegħu. Jekk persuna taqra ftit xi xogħolijiet ta’ Amartya Sen u Martha Nussbauman, ngħidu aħna, jara kemm dal-approċċ huwa voga ħafna llum. Il-prinċipju teoretiku li jsejjes dan l-approċċ huwa li l-istituzzjonijiet kollha, mill-familja sal-Istat, ngħidu aħna, l-ewwel u qabel kollox jeżistu biex jiffaċilitaw l-iżvilupp sħiħ tal-ħiliet tal-persuni. Dan il-prinċipju huwa llum imħaddem minn organizzazzjonijiet prestiġjużi bħala hu l-Programm tal-Iżvilupp Uman tal-Ġnus Magħquda (UNDP).

F’dal-Milied, hekk uniku għal ħafna raġunijiet, xejn anqas milli għall-imxija li qed jgħarrqu, ktieb ta’ Dimech jew fuqu jista’ jkun kumpann jew rigal ideali. Mhux biss jiċċelebra kif jixraq il-160 anniversarju mit-twelid ta’ Dimech, imma wkoll għandu mnejn jiftaħlek perspettivi ġodda fl-orizzont mentali tiegħeki. Dimech jista’ jagħmlu dan. Mhuwiex tard wisq biex tiskoprih mill-ġdid.

More in Arti