Mixgħela kbira fil-Fgura llejla organizzata mill-Kunsill Lokali
Din il-mixegħla se tkun akkumpanjata minn mużika sagra u elementi oħra li normalment insibu f’dan il-perjodu tal-Ġimgħa Mqaddsa
Illejla fl-okkazjoni ta' Ħamis ix-Xirka, il-Kunsill Lokali tal-Fgura permezz tas-Sotto Kumitat Ambjent, Kultura u Wirt Storiku flimkien mal-Kummissjoni Festa Esterna se jorganizza Mixgħela kbira tul it-Triq Prinċipali ġewwa l-Fgura bejn is-7:30pm u l-11:30pm.
Minkejja li ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid il-Kbir ser jiġu ċċelebrati b'mod ristrett ħafna minħabba l-pandemija, xorta waħda nħass il-bżonn li jinħoloq ambjent addattat għal dawn il-ġranet qaddisa. Fl-istess ħin, il-Knisja Parrokkjali tal-Fgura ser tkun miftuħa għat-talb privat.
Din il-mixegħla se tkun akkumpanjata minn mużika sagra u elementi oħra li normalment insibu f’dan il-perjodu tal-Ġimgħa Mqaddsa. Din hija l-ewwel inizjattiva tax-xorta tagħha fil-Fgura u l-pjanijiet huma li l-Kunsill Lokali jorganizza iktar attivitajiet simili fil-lokal.
Il-Pubbliku ġie mħeġġeġ jagħti ħarsa, filwaqt li josserva l-miżuri u r-regolamenti tal-Awtoritajiet tas-saħħa.