'Stenna Li Mhux Tistenna' - Kanzunetta ġdida ddedikata lil Ramiro Mallia
Ramiro Mallia tilef ħajtu f'Marzu li għadda

Stenna Li Mhux Tistenna, huwa t-titlu tal-kanzunetta oriġinali li l-grupp Kapitlu Tlettax f’kollaborazzjoni ma’ Janice Mangion, nedew biex ifakkru liż-żagħżugħ Ramiro Mallia li tilef ħajtu f'inċident fir-residenza tiegħu f' Marzu li għadda.
Il-kanzunetta għandha lirika ta’ Joseph Calleja u mużika ta’ Dwardu Ravelle
Ramiro Muscat, meta kien żgħir kien għadda mil-marda tal-kanċer u kif tispjega ommu fil-bidu tal-filmat tal-kanzunetta, ix-xewqa tiegħu kienet li jwaqqaf fondazzjoni biex jgħin tfal morda bil-kanċer, xewqa li issa qed taħdem fuqha l-familja tiegħu.
.jpg)
“Kien hemm il-ħsieb li naħdem fuq kanzunetta li titkellem dwar il-ġid li jagħmlu nies bħal Ramiro, iżda imbagħad kelmuni ħutu li xtaqu li nagħmlu xi ħaġa aktar speċifika b’dedikazzjoni għalih u kif tista’ tgħid le, meta għandek iċ-ċans tikteb dwar anġlu, persuna li tħares lejn l-interessi ta’ ħaddieħor qabel tagħha,” saħaq Joseph Calleja.
Apparti l-grupp Kapitlu Tlettax li huwa kompost minn Joseph Calleja, Dwardu Ravelle, Maria Cini u Digby, ġiet magħżula l-kantanta Janice Mangion biex tikkolabbora fuq dan il-proġett.
Mangion, il-kantawtriċi magħrufa għad-diversi kanzunetti oriġinali bil-Malti, qalet li mill-ewwel aċċetat biex tkun parti minn dan il-proġett.
“Nemmen li Kapitlu Tlettax għandhom ħafna x’joffru lill-industrija tal-mużika lokali, u apparti minn hekk nemmen li l-messaġġ wara Stenna Li Mhux Tistenna huwa wieħed inkreddibli. Ramiro kien persuna uniku ta’ vera, u l-memorja tiegħu tajjeb li nżommuha ħajja.”