Ninu Xkora: Leġġenda ta’ martri jew misteru ta’ qattiel?
Ninu Xkora - il-priġunier li għadu jidher fiċ-ċimiterju tal-Ħabs sal-ġurnata tal-lum
Il-Gran Mastru Pinto, Ninu Xkora, Dom Mintoff, Eddie Fenech Adami u ħafna iktar huma biss ismijiet imnaqqxa fl-istorja tal-piena tal-mewt f’Malta. Kif, fejn u meta ħallew it-timbru tagħhom dawn il-persuni ġie spjegat f’aktar dettall fil-ktieb il-ġdid ta’ Edward Attard; Il-Piena tal-Mewt f’Malta.
Imma biex nibdew nifhmu xi ftit il-kuntest wara l-istorja tal-piena tal-mewt f’pajjiżna, ejja nibdew bl-iktar persuna li l-gazzetta ILLUM affaxinat ruħha bih.
Ninu Xkora - il-priġunier li għadu jidher fiċ-ċimiterju tal-Ħabs sal-ġurnata tal-lum
Dan kien wieħed mill-ftit li rnexxielu joħloq kontroversja b’mewtu li walset għal bidla radikali fil-mod kif issir il-piena tal-mewt.
L-istorja tibda meta Antonio Azzopardi magħruf aħjar bħala Ninu Xkora waqa’ f’dipressjoni liema bħalha wara l-mewt tal-għażiża martu u erba’ minn uliedu. Din id-dipressjoni waslet biex Ninu Xkora jaqa’ fil-vizzju tal-logħob tal-ażżard u x-xorb. Il-vizzji ta’ Azzopardi rikbuh u kien wasal f’punt fejn kien jirrifjuta jmur id-dar u jiekol maż-żewġt ibniet tiegħu. Minflok hu kien iqatta’ ħinu fil-ħanut tax-xorb ta’ ċertu Ġużeppi Camenzuli fil-Ħamrun, jixrob u jonfoq flus bla kontroll.
Lejla waħda, waħda mill-bniet ta’ Azzopardi, Stella ġiet twassal il-messaġġ lil missierha li l-ikel lest iżda hu ħatafha u għajjat magħha li ma jridx imur id-dar. Hawn kien fejn Ġużeppi ta’ 30 sena tefa’ għajnejh fuq Stella li kien għad kellha biss 15-il sena.
Hu staqsa lil Stella biex terġa’ tmur il-ħanut tax-xorb meta missierha ma jkunx hemm biex isir jafha u eventwalment inħolqot xi tip ta’ mħabba bejnithom. Sintendi Ninu xejn ma kien kuntent meta sar jaf b’dan, u pprojbixxa lit-tnejn milli jiltaqgħu, huma injorawh u kien dan li wassal għad-dellitt.
Għodwa waħda, fis-6 ta’ Diċembru tal-1907, Ġużeppi kien qed jiftaħ il-ħanut tiegħu meta Ninu Xkora ikkonfrontah b'14-il daqqa ta’ sikkina f’sidru u ħallih jgħum f’għadira demm. Meta l-maġistrat sema’ l-każ, ikkundana lil Antonio Azzopardi, il-piena tal-mewt.
Dik hi biss l-istorja wara is-sentenza ta’ Ninu Xkora li diġà qajmet kontroversja weħidha minħabba l-fatt li bosta saqsew; “missier m’għandux dritt jiddefendi lil bintu minn pedofilu?” Intant dan biss kien il-bidu.
Antonio Azzopardi ġie ikkundannat għal-mewt fid-19 ta’ Ottubru tal-1908 fejn inqagħlet it-tieni kontroversja u dik kienet tal-lingwa. Ħafna saqsew jekk kienx mogħti proċess ġust. Dan għaliex l-awla kollha tal-Qorti tkellmet bit-Taljan, kif kien soltu f’dawk il-jiem, u ħafna staqsew jekk ma fehemx dak li kien qed jingħad kontrih kif seta’ Ninu Xkora jiddefendi ruħu aħjar? It-tielet kontroversja kienet biss iċ-ċirasa fuq it-torta wara li xi ħadd minn dawk preżenti fl-eżekuzzjoni ħareġ informazzjoni li Antonio Azzopardi seta’ indifen ħaj.
Il-proċedura tal-eżekuzzjoni u d-difna tal-akkużat
Bħal kollox, l-eżekuzzjoni tal-forka kienet timxi b’konformità ma’ proċedura. Biex l-akkużat jiġi mgħallaq kif suppost, kien ikun hemm kalkolu tal-piż u l-istatura tal-ikkundanat li din twassal għat-tul tal-ħabel. B’dan il-metodu ta’ eżekuzzjoni, it-tgħalliq, jinkiser ir-rukkell fil-parti ta’ fuq tas-sinsla tad-dahar magħrufa bħala atlas vertebrae li tikkaġuna mewta immedjata. Uman jista’ jdawwar rasu f’angolu ta’ 180° iżda l-ksur ta’ dan ir-rukkell iwassal biex il-persuna ddawwar rasha ferm aktar. Dan kien it-test li jsir fuq l-ikkundannat eżatt wara l-mewt. It-tobba kienu jdawru ras l-akkużat u jekk iddur iktar minn 180° kienu jiċċertifikawh mejjet.
F’dan il-każ, Antonio Azzopardi kien magħmul bħala bniedem pjuttost ta’ statura kbira. Il-ħabel li intuża għalih kien ta’ erba’ piedi u 10 pulzieri iżda seta’ jagħti l-każ li ħabel ta’ inqas minn ħames piedi bħal ma intuża fuqu ma kienx biżżejjed biex joqtlu. L-istess test sar fuq Azzopardi u dan ġie ċċertifikat mejjet u midfun f’inqas minn siegħa kif kienet tgħid il-liġi.
Kienu Pietru Pawl Aguis, l-editur tal-gazzetta ‘Risorgimento’, Ġużeppi Mizzi, l-editur tal-gazzetta ‘Il-Malta’, flimkien ma’ Agostino Levanzin, l-editur tal-gazzetta ‘In-Naħla’ u li kienu kollha tobba, li l-ewwel tkelmu fuq dan kollu. Kienu dawn l-ispekulazzjonijiet li qajmu għagħa kbira li waslet biex it-tobba li ċċertifikaw lil Azzopardi mejjet jiftħu libell fuq l-edituri u jtellgħuhom fil-Qorti ta’ Malta.
Waqt li l-kawża kienet qed tinstema fil-Qorti deher xhieda fejn tkellem fuq kif jista’ jagħti l-każ li r-ras iddur iktar minn 180° anke jekk ma jkunx inkiser l-atlas vertebrae. Dwar dan tela’ jixhed ċertu Ġużeppi Galizia li kien tabib li semma każ ta’ tifla li weqgħet ġo bir u mietet mad-daqqa. Ir-rukell tas-sinsla ta’ dahra ma kienx inkiser iżda rasha dahret iktar minn 180°.
Santi u leġġendi: Ninu Xkora il-qaddis
L-aħbar li Ninu Xkora seta’ ġie midfun ħaj ma niżlitx sew ma’ ħafna u numru minnhom bdew ukoll iqisuh bħala qaddis. Saru s-santi tiegħu xi wħud kienu jmorru fuq il-qabar tiegħu fiċ-ċimiterju tal-ħabs u jpoġġu t-tazzi biż-żejt.
Hawn tidħol l-istorja ta’ waħda mara li kienet marret biex tieħu ż-żejt u tpoġġih fuq I-qabar ta’ Ninu Xkora iżda sabet il-bieb magħluq. Qabel ma daret biex tibda triqitha lura, għajtilha raġel u staqsieha x’kellha bżonn. Il-mara qalet lir-raġel li riedet tqiegħed ftit żejt f’lanterna biex tixgħel il-qabar ta’ Ninu. Ir-raġel offrilha biex jagħmel dan hu stess u ħa ż-żejt minn idejn il-mara filwaqt li rringrazzjaha mill-qalb.
Xi żmien wara, l-istess mara reġgħet marret fuq il-qabar ta’ Ninu Xkora iżda l-gwardjan ma ħallihiex tidħol minkejja l-insistenza tagħha li l-gwardjan ta’ qabel għamel fiż-żejt hu f’isimha.
Wara li l-mara rrakontat l-istorja mal-gwardjan iktar minn darba, il-gwardjan iddeċieda li juriha ritratt u staqsieha jekk tagħrafx lir-raġel fl-istampa. Hija mal-ewwel għarfet lir-raġel li kien l-istess wieħed li kien ħa ż-żejt u offra li jpoġġih fuq il-qabar ta’ Ninu. Hawn fejn il-gwardjan ta l-aħbar xokkanti, li r-raġel ma kien ħadd iktar ħlief Ninu Xkora nnifsu!
Wara din l-istorja, kien beda’ jingħad li r-ruħ ta’ Ninu Xkora bdiet tidher fl-inħawi tal-ħabs.
Minħabba dan kollu, l-awtoritajiet u l-gvernaturi ta’ Malta bdew iqabbdu l-aħjar kirurgi tal-pajjiż biex ikunu huma li joħorġu ċ-ċertifkat tal-mewt. Apparti minn hekk id-dfin tal-ikkundannat ma baqax isir fi żmien siegħa bħal qabel iżda jsir sigħat wara biex jiġi żgurat li l-akkużat hu mejjet.
L-iktar punti li laqtu l-gazzetta ILLUM dwar il-Piena tal-Mewt f’pajjiżna
Il-ktieb waħdu se jkun fih iktar minn 100 paġna u għalhekk mhux possibli nagħmlu sommarju ta’ dak li intqal iżda dawn huma numru ta’ punti li l-aktar laqtu l-gazzetta ILLUM.
Il-piena tal-mewt f’Malta kien ilha teżisti għal sekli sħaħ iżda sfortunatament ma tantx hemm ħjiel ta’ fejn kienet iseħħ l-eżekuzzjoni innifisha qabel il-miġja tal-Ingliżi. Li nafu żgur li l-piena tal-mewt eżistiet ħafna qabel ma’ kienet parti mill-Kodiċi Kriminali li inkiteb l-ewwel darba fl-1854.
Fost l-atti kriminali li kienu jwaslu biex akkużat jaqla’ sentenza bħal din kien hemm omiċidju, piraterija u serq b’vjolenza li kien jinkludi kollox, minn persuna thedded b’arma sa’ persuna torbot vittma.
F’Malta kellna każ uniku ta’ piena tal-mewt li ingħatat lil ċertu Carmelo Borg Pisani li kien akkużat bi tradiment tal-istat wara li ingħaqad fl-armata Taljana, meta Malta kienet parti waħda mall-Ingliżi.
L-eżekuzzjonijiet saru l-iktar f’dawn il-postijiet.
- Ir-Rabat fuq ‘is-Saqqajja’ fejn illum hu iktar magħruf bħala Misraħ il-Forok.
- Il-Belt Valletta, fit-tarf tal-Fortizza Rikażli li dak iż-żmien kienet magħrufa bħalha ‘Tal-Forok’ kif ukoll f’okkażjoni waħda fuq il-bastiment HMS Rodney fil-Port il-Kbir.
- Il-Glasis tal-Furjana, dak iż-żmien magħruf bħalha ‘t-Tomba’ jew ‘Tat-Tripunti'. Dan jiġi fejn illum hemm il-mafkar tal-Gwerra.
Intant l-istoriku Ġużè Gatt jirrakonta kif fiż-żmien il-Gran Mastru Pinto kienu għallqu seba’ min-nies li wara qatgħulhom rashom u poġġewhom fuq kolonna apposta fil-Belt l-iktar għażiża għalih, Città Pinto, Ħal Qormi.
Fl-1971, il-Gvern ta’ Mintoff kien ressaq mozzjoni fil-Parlament Malti li waslet biex il-piena tal-mewt titneħħa mill-Kodiċi Kriminali biss. Wara kienet biss sentenza li tista tingħata lis-suldati jekk f’gwerra jgħinu lill-għadu.
Fl-2002, bi preparazzjoni biex Malta tidħol fl-unjoni Ewropa, il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Eddie Fenech Adami, neħħieha kompletament.
Allura x’jinkludi fih il-ktieb il-Piena tal-Mewt f’Malta ta’ Attard?
Minn intervista ma’ eks-imħallef fl-1994 li jagħti raġunijiet għaliex jaqbel mal-piena tal-mewt għal ritratti esklussivi bil-kulur tal-forka kif kienet taħdem anke minn taħt il-patibolu, il-ktieb jinkludi assolutament kollox li għandu x’jaqsam mal-piena tal-mewt f’Malta.
Wieħed jista’ jaqra ukoll il-lista tal-170 darba li persuna ġiet mogħtija din is-sentenza. Inkluż fosthom dawk li nbiddlitilhom għal sentenza għal għomorhom il-ħabs. Fil-ktieb wieħed jista’ jsib ukoll in-noti tal-ġurnalisti li ttieħdu waqt l-eżekuzzjonijiet, spjegazzjoni ta’ x’inhuma l-bojja u r-rużarjanti kif ukoll kapitli fuq il-proċedura tad-dfin.
Fl-aħħar u mhux l-inqas il-ktieb se jinkludi kull it-tagħlim kattoliku fuq dan is-suġġett li qatt ma qal li kien kontra sakemm il-Papà Ġwanni Pawlu t-Tieni ħeles mill-forka priġunier Amerikan waqt żjara tiegħu fl-Istati Uniti.
Il-ktieb bl-aħħar aġġornamenti se jkun qed jiġi ppublikat fi ftit ġimgħat oħra iżda Attard diġà għandu numru ta’ kotba fuq dan is-suġġett għal min jixtieq jibda jaqra xi ħaġa relatata.
Min Pulizija għall-kittieb: Min hu Edward Attard?
Mwieled f’Tas-Sliema fl-1947, Edward (Eddie) Attard inagħqad fil-Korp tal-Pulizija fl-1966. Fl-ewwel snin tiegħu fil-Korp, Attard kien jaħdem f’xogħol amministrattiv iżda fl-1977 hu ġie inkarigat b’xogħol ieħor ferm interessanti.
Hu kien responsabbli mill-pubblikazzjonijiet tal-Korp, fosthom ir-rivista Il-Pulizija, Il-Kodiċi Kriminali, u Ir-Regolamenti tat-Traffiku. Filwaqt li hu kien għaddej b’dan ix-xogħol, Attard ħa interess f’riċerka dwar l-istorja tal-pulizija, tal-kriminalità, u l-ħabs f’pajjiżna.
Madankollu Edward Attard beda’ jagħmel iktar riċerka u jippublika l-ewwel xogħol tiegħu wara li spiċċa mill-Korp tal-Pulizija b’kotba bħal Il-Piena tal-Mewt f’Malta, Delitti F’Malta, Femiċidju f’Malta u s-serje popolari ta’ ħdax il-kotba; Delitti li Jibqgħu Jissemmew.