Letteratura | Anki n-Nazzjonalisti jisparaw...
"Bir-rispett kollu, imma int ..." Jeffrey Pullicino Orlando jepitomizza b’perfezzjoni l-espressjoni passiva-aggressiva Maltija f’With All Due Respect (Choppy Books, 2021, €12.99), awtobijografija divertenti u inċisiva dwar mumenti ewlenin tal-istorja riċenti ta’ pajjiżna. Mark Vella jarah simpatiku, imma mhux li jiekol il-kirxa miegħu.
Ta' tifel kmieni fit-Tmeninijiet, niftakar Anche i ricchi piangono, telenovela Messikana li kienet waslet għandna bis-saħħa tal-verżjoni Taljana mxandra mill-istazzjonijiet Sqallin. Jidher li tant kellha suċċess fl-Italja li t-titlu daħal fil-lingwaġġ ġurnalistiku biex jindika b’mod ironiku l-fatt li anki s-sinjuri u n-nies geddumhom fix-xgħir jgħaddu minn għawġ li jbikkihom.
Għal Jeffrey Pullicino Orlando, li minbarra l-ftaħir xejn mistur dwar IQ għoli megħlub biss minn ta’ Marlene, u kitba li ma titqammilx fuq il-pronom tal-ewwel persuna, speċjalment meta niġu għall-kisbiet, l-ironija ta’ dat-titlu taf tapplika.
Mhux biss għall-biki fi żmien il-każ tal-Mistra, li JPO jattribwih għal stress enormi miġjub mill-maniġġi politiċi li kkaratterizzaw dik il-ġrajja, imma anki għall-każ-skandlu stess, li huwa l-inqas wieħed li jaħli linka fuqu. L-għalqa nxtrat mill-flus li qala' mill-ħidma professjonali bla heda u mis-suċċess ġenerali tiegħu, u l-applikazzjoni għad-disco, insomma, ma kellux x’jaqsam magħha hu.
Tant li ġie immortalizzat bil-famuża belgħa te relax waqt il-konferenza stampa tal-Alternattiva, li żmien wara Daphne Caruana Galizia kellha żżidilha ammonti industrijali ta' alkoħol. Anki s-sinjuri jibku, imma huwa biki relattiv, minkejja li Pullicino Orlando joħroġ b’mod konvinċenti bħala paladin sinċier u effettiv għall-inkwiet tal-kostitwenti tiegħu, kif ukoll għal ġlidiet ċivili importanti, u dan imewwet minnufih ironiji faċli oħra li jistgħu jsegwu.
Imma l-espressjoni mnebbħa minn Los ricos también lloran hija ironika minkejja l-ovvjetà tagħha: filwaqt li nagħrfu li lkoll qegħdin f’dan il-wied tad-dmugħ, u minkejja kull ħrafa morali li tipprova tgħallimulna dan, spiss ngħixu fl-illużjoni patetika li l-ilħiq ta' ċertu qagħda fil-ħajja se jħarisna mill-isfidi tal-eżistenza. Donnha twissija lil dawk li jxandru l-ferħ u l-kisbiet tagħhom fuq il-midja soċjali biex juru ’l kulħadd li waslu, u li x’aktarx ‘qas il-ħajja ma tista ’għalihom: mit-tbissim jikxef snien ileqqu minn fuq jott Sqallija, sal-platti tal-għaġin imburġati frott il-baħar, bħal Ta' Ċaċu li kienu jħallu fdal it-tiġieġ fuq l-għatba, jew il-ħasil fil-gliegel tax-xampanja maġenb pixxina infinity.
Xeni li JPO stess immortalizza ruħu fihom biex Daphne billet sebagħha bl-akbar gost u profitt, sabiex talludi, u mhux bl-akbar sottiljezza, għal xi xorta ta' ħajja laxka noveau riche bla boxxla morali, kif imwassla mill-qsim gradwali ta' Pullicino Orlando lejn il-kamp Laburista, il-moviment li ftit li xejn kien baqa' jixbah dak li seta’ emmen fih nannuh fit-Tletinijet u l-Erbgħinijiet.
L-awtur isemmi bi kburija L-Ibleh ta' Ġużè Orlando, ħin minnhom kważi bħala l-manifest ta' għemilu u tas-Soċjaliżmu jkanġi li għadda minnu tul il-karriera professjonali u l-ħajja personali: mill-garar tal-molotovs kontra l-pulizija tar-reġim fit-Tmeninijiet, sal-ħbit tal-qrun ma’ Gonzi, il-Knisja u l-establishment konservattiv u l-ħbiberija ma’ Joseph Muscat, interzjat minn relazzjonijiet ma’ nisa b’rabta politika jew oħra li b’xi mod turi kontradizzjonijiet bejn is-sustanza u l-immaġni ta’ dak it-twemmin. Imma r-rumanz ta’ nannuh jikxef narratur differenti ħafna minn JPO, minkejja r-referenza għall-episodju tal-politiku Xriħa: ir-rakkont klassiku ta ’Orlando jlissnu leħen li mhuwiex biss diżilluż, iżda profondament moralistiku, kważi sal-irritazzjoni, b’serjetà u rettezza li żgur m’għandha xejn x’taqsam mal-eċċessi, perċepiti jew tassew iddokumentati bil-provi, li lewnu r-relazzjoni kumplessa bejn JPO u DCG taħt is-sħab li ma xebax jinġema’ tul it-treġija ta ’Muscat.
Relazzjoni li hija ċentrali għal din l-awtobijografija pjaċevoli u mexxejja, li miktuba b’Ingliż tajjeb iżda pjuttost pedestri (minkejja ftaħira oħra dwar il-profiċjenza fil-lingwa), imma li bħal f’Saying It As it Is ta’ Saviour Balzan maħruġ mill-istess pubblikatur, l-eleganza lingwistika tiġi ssagrifikata għall-għan siewi ta’ qarja tajba li tikxef il-qoħob u tissodisfa l-kilba tal-qarrejja għall-istorja ta’ wara l-kwinti, jekk mhux għal kollox vera, almenu tikka aktar minn tan-narrattiva uffiċjali. Il-kunċett tan-narrattiva huwa wkoll ċentrali għal xogħol bħal dan u troddlu l-importanza tiegħu: ir-rakkont minn ġewwa ta’ protagonist ewlieni jiftħilna l-bibien fuq realtajiet li spiss jinsatru b’suċċess mill-interessi medjatiċi u politiċi, u li l-istoriċi magħluqa fl-uffiċini tal-avorju qas biss jittantaw imissu. Huma l-veritajiet li ma nemmnuhomx għal kollox għax isefsifhom kulħadd imma qatt ma jkun jkunu ppruvati, sakemm jiġi xi ħadd bħal JPO li jikkonferma kull ma kont ilek temmen. Bħal, nagħtu każ, il-poter straordinarju tal-eminenzi griżi tal-politika Maltija, u, fil-każ speċifiku li żgur jinteressa lil kull qarrej, ir-rwol ewlieni ta’ DCG fil-ħolqien tal-aħbar u l-qrubija tagħha sew ma’ dawn il-marjunettisti setgħana u l-bdil tattiku u konvenjenti tal-alleanzi.
Għaliex in-narrattiva hija rakkont ta’ poter. F’awtobijografija trasparenti, taħdem b’mod ovvju u tieħu wkoll gost twaħħlu lil min għamel id-deni lill-awtur (hekk, ħudha ma ’saqajk), dik id-daqqa finali ta’ tpattija li anqas ħaqq tipprova tqum minnha. L-istess poter għandu sehem anki fin-narrattiva fittizja, iżda b'ħila awturjali u responsabbiltà wisq akbar. L-aħħar snin ilhom ikkaratterizzati minn rumanzi li b’xi mod jiġbdu mit-tensjonijiet politiċi tat-Tmeninijiet, imma li issa wkoll qed jitnebbħu mir-ritorn tal-ispettru ta ’Laburiżmu suspett u li ma tantx għamel ġieħ lilu nnifsu f’bosta istanzi. Kont tkellimt fl-ewwel reċensjoni dwar L-Aqwa Żmien ta' Immanuel Mifsud, li rajtu nħakem wisq mill-attwalità tal-mument biex tassew jirnexxilu jaqta’ fil-laħam il-ħaj tal-problema. Hija l-istess problema, li għad trid tiġi diskussa, ta’ Castillo ta’ Clare Azzopardi, u jaf hi r-raġuni vera għala dik is-sena ma kienx ingħata l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-kategorija tar-rumanz.
Castillo u l-allużjonijiet tiegħu, imkebba fil-poetiċità abbli ta’ Azzopardi fid-deskrizzjonijiet tal-ambjenti u t-tqabbil tagħhom ma’ ruħ il-karattri, jaf jiddiżappunta bħala ktieb ieħor remotament imnebbaħ miż-żminijiet tad-dlam tal-aħħar Mintoff, imma mqabbla mal-gold standard kurrenti ta’ Is-Sriep Reġgħu Saru Velenużi ta’ Vella Gera, jaf jogħtor bħala rumanz ieħor mibjugħ għal dak li fil-verità mhuwiex.
Is-suċċess tal-istorja ta’ Vella Gera narah anki fil-fatt li għażel li jisfida n-narrattiva, u li ma jċedix għal analiżi storika mhux medjata li tirrepeti d-dettati dominanti ta ’storja waħda li baqgħet f’moħħna sempliċement għax kienu kapaċi jirrakkuntawhielna, darba wara l-oħra. Mill-ftuħ dwar il-pjan tal-attentat fuq Mintoff sal-iżvilupp ta ’karattri tal-borgeżija Anglofona li qatt ma tkellem dwarhom l-awtur Malti – saħansitra l-esperiment irnexxut tad-djalogi u anki n-narrazzjoni spissa bil-patois Maltingliż – Vella Gera jidwi, u għalhekk anki jikseb aktar kredibilità fuq livell ta ’analiżi soċjali, it-tifkiriet ta ’Pullicino Orlando dwar l-ewwel attiviżmu tiegħu mal-Partit Nazzjonalista.
Apparti t-tifkira kważi kommwoventi ta' tfajla rqiqa terfa' bollard tqila sakemm tgaraha lill-pulizjott ġej iħebb għaliha, u li jinsab kważi ċert li kienet Daphne, isemmi ħwejjeġ li jridu bilfors jiġu rreġistrati u mwieżna b’serjetà. It-tfigħ tal-bombi inċendjarji, id-disubbidjenza ċivili organizzata, l-għoti tar-revolvers mill-partit liż-żgħażagħ għatxana għal daqsxejn azzjoni. Ħaġa li tant hi storikament ovvja li tħossok banali tiġġustifikaha, imma jidher li hekk hemm bżonn f’Malta, u saħansitra jekk l-awturi tagħna jridu jkunu tassew rilevanti u mhux għodod ta’ poter li jisserva bihom appuntu biex imewwithom u jġibhom bla snien. It takes two to tango u xejn ma jiġi mix-xejn: il-ġlieda politika Maltija, id-distinzjonijiet tal-klassi u kemm jippruvaw inessuhomlna, il-qagħdiet problematiċi li qed ngħixu fihom bħalissa – ilkoll għandhom storja twila u kumplessa li ma tistax tissolva bid-dikotomiji faċli jew bil-preġudizzji superfiċjali.
Biex nibqgħu fuq in-narrattivi. Pullicino Orlando joħroġ bħala essenzjalment sinċier f’din l-awtobijografija, politiku xieref u stratega intelliġenti li jasal għal dak li jrid u li jemmen f’dak li jagħmel, tant li jogħxa jħabbat lil min jipprova jitfagħlu l-bsaten fir-roti. Għalija, ħareġ ta' persunaġġ simpatiku u ta' min jammirah, u rnexxieli b’xi mod anki ninża’ mis-saffi tal-preġudizzju li, bħala qarrej fidil fost ħafna ta' Daphne, kont bnejt madwar il-personalità tiegħu kkarikaturizzata bla ħniena.
Miniex ngħid li rrid inkun party miegħu u ma’ sħabu, imma dan l-istil li ma jħalliha għall-melħa lil ħadd iqanqalli rispett għar-raġel. Forsi hemm xi mumenti ala Alan Partridge ta' "Needless to say, I had the last laugh”, fejn m’hemm l-ebda lok għas-sottiljezza dwar l-eżitu uniku, u għalhekk beżqa f’wiċċ il-kumplessità tan-narrattiva.
Imma jista’ jkun li hemm bżonnhom ukoll dawn il-mumenti ta' alabibiżmu editorjali fejn dak li jkun jaqlagħha minn fuq l-istonku, speċjalment fis-sinjurija ta' ħajtu attiva u movimenta, anki għalina l-fqar u l-imxennqin mill-veritajiet li jinħbewlna.