Letteratura | Biex ma tkunx mietet għalxejn
Fid-dawl tal-pubblikazzjoni tal-inkjesta dwar sehem l-Istat fil-ġrajja tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Mark Vella jintervista lil Gattaldo, l-artist Malti resident l-Ingilterra li ħareġ il-ktieb bl-istampi għat-tfal Fearless: The Story of Daphne Caruana Galizia (Otter-Barry, 2020). Ħabib ta’ Daphne u osservatur attent tas-soċjetà Maltija anki lil hinn minn xtutna, jesprimi bla tlaqliq it-tħassib tiegħu dwar dak li għaddejjin minnu bħalissa, u għala, minkejja kollox, Daphne trid tkun eżempju ewlieni għall-ġenerazzjonijiet li jmiss.
Lil Daphne kont ktibtilha wara li qrajt artiklu tagħha u kienet weġbitek: kif żviluppat il-ħbiberija tagħkom?
Aktar minn 30 sena ilu, ittra waħda qanqlet konverżżazzjoni twila. Kont biss tliet snin iżgħar minn Daphne, iżda kienet diġà qed trabbi familja filwaqt li jien kont għadni student insib saqajja l-Italja meta ktibtilha. Għal xi ħadd fuq barra, konna nidhru m’għandna x’naqsmu xejn ma’ xulxin, imma jidher li nxtiegħlet xrara bejnietna u l-ħbiberija bdiet tikber bil-mod. Rari konna nitkellmu fuq Malta. Minn età żgħira, ħassejtni mxekkel mill-konfini tal-gżira żgħira tiegħi, u ridt nitlaq. Nimmaġina li xi kelma dwar il-fehmiet politiċi u soċjali għeidnieha, iżda niftakar li dan kien ħafna aktar fuq livell globali milli fuq il-politika partiġġjana lokali. Anżi, ħafna mill-konverżsazzjoni tagħna kienet tkun aktar intima, dwar affarijiet li jitkellmu dwarhom il-ħbieb b’interessi komuni – il-familja, it-teatru, u ħafna dwar l-ikel u r-ristoranti favoriti tagħna.
X’inhi l-analiżi personali tiegħek tat-tmeninijiet f’Malta, anki għall-fatt li għexthom bħal Daphne, minn perspettiva politika u soċjali personali?
Niftakar lil Mintoff u Karmenu Mifsud Bonnici Prim Ministri. Kont teenager dak iż-żmien. Kulħadd bil-qaddis u t-tim tal-futbol tiegħu, u min ipejjep sigaretti tal-kaxxa blu u minn tal-kaxxa l-ħamra. Donnu kulħadd ried ikun parti minn grupp u l-ħsieb indipendenti ma kienx imħeġġeġ. Mintoff tnebbaħ mir- reliġjon organizzata u l-mod kif tittratta d-dixxipli tagħha – “Taħseb xejn, naħsbu għalik aħna”. Ma’ dan żieed l-għajta ta’ “min mhux magħna, kontra tagħna”, mossa populista biex in-nies ma jkollhomx għalfejn jaħsbu għax ikunu moħħhom biss biex jobogħdu. Jien ma kelli l-ebda interess fil-futbol, il-festi jew partiti politiċi, u allura ma kont inħossni parti minn xejn.
Kont konxju ħafna tas-setgħa li kellhom il-ministri individwali tal-Ggvern. Meta għandek bżonn xogħol, TV tal-kulur, it-tarmak lit-triq – “Għaliex ma tmurx tkellem lil dak jew l-ieħor?”. Sikwit kont tara serbut nies jistennew barra l-uffiċċji privati tal-ministri, u kien mod kif iżżomm liċ-ċittadin dejjem obbligat lejn il-poter. L-għażla limitata tal-korsijiet l-università ma kienet tolqotni xejn, u peress li familti ma setgħetx tħallasli biex nistudja barra, applikajt sena wara sena għal borża ta’ studju biex nistudja l-arti. Kellu jinbidel il-Ggvern qabel irnexxieli nagħmel dan.. Kienet din il-mentalità li imbuttatni ’l bogħod minn Malta. Ridt niżgura li dak li ksibt kien tiegħi stess u li ħadd ma seta’ jkun sidi.
Iċ-ċensura kienet komuni – mhux biss mal-politiċi, bħal meta Xandir Malta ma kienx issemmi l-Mexxej tal-Oppożizzjoni b’ismu, iżda wkoll maċ-ċittadini ordinarji. Ħdimt ftit għal programm televiżiv fiż-żmien meta s-suldati armati kienu stazzjonati barra l-bieb prinċipali tax-Xandir. Kien programm taż-żgħażagħ prodott u ppreżentat minn xi ħadd li mbagħad ingħata r-rigal ta’ pożizzjoni ta’ ambaxxatur. Darba ssugrajt nissuġġerixxi li nistieden liż-żeffien Felix Busuttil (ironikament issa parti mill-Partit Laburista) fir-rokna tal-arti ta’ kull ġimgħa li kont nieħu ħsieb. Il-produttur ħatafni u qalli “Ara ma ġġiblix ’l hawn ’il dak in-Nazzjonalist maħmuġ”. Kont tlaqt ftit wara.
Interessanti li f’dan il-ktieb għażilt li ma tinkludix l-aspett vjolenti ta’ tmiem ħajjet Daphne. Kif tqisu l-proċess tat-tagħlim, mill-ġenituri jew mill-għalliema, biex jispjegaw dak li verament ġara lil din il-mara minħabba l-missjoni kuraġġuża tagħha?
L-għan tiegħi f’ Fearless, The Story of Daphne Caruana Galizia kien li niċċelebra l-ħajja u x-xogħol ta’ Daphne. Il-qtil ta’ Daphne ma jiddefinixxihiex, għalhekk l-istorja bl-istampi li ħriġt ma ssemmihx dan. Nirreferi għall-informazzjoni dwar li ġara fuq wara tal-ktieb bil-għan li l-ġenituri u l-għalliema jitħallew jiddeċiedu x’jaqsmu mat-tfal tagħhom.
Daphne ġiet assassinata minħabba l-missjoni tagħha li tinforma, iżda wkoll għax l-istituzzjonijiet ta’ Malta ġew imċappsa mill-Ggvern u aħna lkoll ħatja li ħallejna dan ijseħħ. Kull darba li nużaw il-famuża “Fejn kont meta…?” jew “imma ta’ qabilhom għamlu hekk, ukoll, jew agħar…”, inkunu qed niskużaw il-korruzzjoni u nikkundannaw lil pajjiżna jibqa’ kif inhu.
Ma taħsibx li t-tfal għandhom ikunu esposti għall-brutalità tal-qtil ta’ Daphne? Jew kellek għan ieħor għall-produzzjoni ta’ din iċ-ċelebrazzjoni tagħha?
L-għan kien li l-ġenerazzjonijiet futuri jiġu mħeġġa japprezzaw l-importanza tal-ġurnaliżmu. Meta nabbandunaw il-fatti, inkunu qed nabbandunaw il-libertà. Jekk naċċettaw li xejn mhu veru, mela huma n-nies bil-flus u s-setgħa li se jsemmgħu leħinhom l-aktar. Madwar id-dinja, dan qed isir aktar evidenti. Ilkoll kemm aħna għandna t-tendenza li mmorru għal dak li rridu nisimgħu, imma rridu ninsistu li nsaqsu l-mistoqsijiet u nfittxu l-verità. L-opinjonijiet u l-fatti saru indistingwibbli daż-żmien.
Tgħallimt li t-tfal għandom qoxra ixref milli naħsbu. Għalkemm il-qtil ħallejtu barra apposta mill-istorja prinċipali, l-ewwel mistoqsijiet jew kummenti li wassluli mill-qarrejja tfal kienu dejjem dwar għala nqatlet. Nassumi li kellhom din il-konverżazzjoni mal-ġenituri tagħhom wara l-qari tal-ktieb. Kienu interessati dwar għala s-soċjetà tista’ toqtol l-istess ħaġa li riedet issalvaha.
Nixtieq ukoll inkun naf xi ħaġa dwar il-proċess artistiku involut fil-produzzjoni, iżda wkoll dwar l-għażla tal-Ingliż. Ma taħsibx li l-ktieb se jispiċċa jinqara min-“nies tas-soltu”? Taħseb li se jkollok verżjoni bil-Malti?
Il-punt tat-tluq tiegħi kien ir-rappreżentazzjoni viżiva tal-karattru. Kont naf lil Daphne personalment u l-memorja li għandi tagħha hija ta’ mara eleganti, żnella u twila. Ridt inwassal din ix-xbiha u ħidmt fuq l-istampi u l-kliem fl-istess ħin, u l-ktieb għadda minn reviżjonijiet varji. Kull stadju tal-ktieb qsamtu wkoll ma’ ħbieb li għandhom it-tfal.
L-akbar swieq huma r-Renju Unit u l-Istati Uniti. Kien hemm proposti minn pubblikaturi biex jittraduċu l-ktieb f’lingwi oħra. Nixtiequ jinqaleb għall-Malti jekk hemm suq għalih. Min jaf, forsi din l-intervista taf tħajjar xi pubblikatur lokali!
Daphne kellha l-punti ħżiena u l-preġudizzji tagħha, u wieħed xorta jista’ jagħmel analiżi sobrija ta’ dan u tal-ħbiberiji u l-alleanzi politiċi tagħha mingħajr ma titwarrab it-traġedja atroċi. Kif tħossok fil-konfront tagħha bħala persuna politika, li wriet ukoll ċerti preġudizzji klassisti u spiss ħarġet bħala mimlija odju lejn kull ma hu Laburist? Il-mewta terribli tagħha tikkwalifikaha awtomatikament għal mit jew simbolu, jew taqbel ma’ analiżi aktar sottili, f’kuntesti xierqa, ta’ aspetti oħra tal-personalità tagħha?
Daphne ma kinitx tiflaħha l-medjokrità fil-Ggvern, u s-sistema politika fuq din il-gżira Mediterranja għadha ’l bogħod milli twassal għal effiċjenza brillanti. Jidher li l-politiċi ta’ Malta ma jafux x’jagħmel sistema demokratika etika. Huma nieqsa wkoll mill-ideat u mhumiex lesti jinvolvu l-professjonisti kreattivi. Id-daqs ta’ Malta huwa sew il-barka sew is-saħta tagħha.
Iżda Daphne ma kinitx taħmel ukoll l-ipokrezżija, il-korruzzjoni, ir-razziżmu, il-lemin estrem u dak kollu li huwa ikrah f’din id-dinja. Jekk tħares lejn min kien jattakkaha, tara li kienu dejjem dawk li kellhom interess ma jinkixfux għal ħaġa jew oħra.
Kif għidt qabel, il-qtil ta’ Daphne mhuwiex dak li jiddefinixxxiha. Il-kobor tagħha kien fil-ħiliet ġurnalistiċi u l-mod intwittiv kif kienet tħaffer sa ma tasal biex tikxef l-għemil ħażin. Il-ġenju ta’ Daphne kien fil-kapaċità tagħha li ssib il-ħolqa bejn ħwejjeġ li fid-dieeher ikunu qishom m’għandhomx x’jaqsmu ma’ xulxin, u b’intelliġenza ssegwi l-istorja. Kienet ukoll il-ġurnalista l-aktar fdata biex iżżomm sigriet l-identità tas-sorsi kunfidenzjali tagħha.
Innotajt li tindirizza b’mod effettiv il-kawża ewlenija tal-problema meta tenfasizza l-problemi kulturali tal-pjaċiri u tal-ħbiberiji, il-vjolenza politika, l-inġustizzja, fost l-oħrajn, permezz ta’ dettalji partikolari ħafna fl-illustrazzjonijiet tiegħek. X’inhi l-pożizzjoni ġenerali tiegħek dwar is-sitwazzjoni soċjali u politika attwali f’Malta?
Jien soċjalist. U nixtieq naħseb li jiena konxju tal-privileġġ maskili abjad tiegħi. Nittama li l-esperjenzi personali tiegħi ta’ diskriminazzjoni bħala persuna gay għenuni nifhem aktar lill-oħrajn. Is-soċjaliżmu huwa l-empatija. Li ma rajna xejn minnha f’dawn l-aħħar snin f’Malta, imma biss egoiżmu u regħba.
Meta l-korruzzjoni ssir parti intrinsika ta’ kultura, iridu jgħaddu snin twal biex titfejjaq il-qagħda, u wisq nibża’ li f’din il-fażi qegħdin. Min-naħa l-oħra, jeħtieġ nibdew xi ’imkien. Nixtieq nara l-Maltin jeżiġu l-onestà mingħand il-politiċi u nistenna rieda bażika biex dawn iservu liċ-ċittadini. Jixirqilna aħjar. Nixtieq ukoll li nifhmu li l-kriminalità u l-korruzzjoni mhumiex mingħajr konsegwenzi.