Kotba | Leħħiet li ma jgħibux
Mark Vella jikteb dwar ir-raba’ ġabra ta’ novelli ta’ Joe Friggieri, pjaċir ta’ qari minn kittieb li jieħu pjaċir jikteb, u l-leħħiet li jibqgħu quddiem għajnejna anki wara li jgħaddu maħruba minn quddiemna
Hemm kittieba li jagħmlu x’jagħmlu, qatt ma jidhru daqskemm ħaqqhom. Mhux biss għax ma jkunux jiddelettaw bil-pantomimi pubbliċitarji jew għax ħajjithom tkun x’aktarx ifqar minn tal-qarrej li jħobbhom, imma sempliċement għaliex xogħolhom jitkellem lingwa mpespsa minn taħt l-ilsien. Lingwa li forsi wisq aktar faċli biex tinftiehem minn dik iddeklamata minn sħabhom ikkakkmati fiss fil-panteon tal-kbar; u anki jekk ġa ‘kbar’ huma stess, mhux biss għax minnhom, imma anki għax bilfors iridu jingħarfu hekk, xorta waħda ma ssibhomx fl-ogħla skaluna tal-palazz letterarju. Anzi, aktarx issibhom jitnikkru fuq l-għetiebi, inkella deħlin u ħerġin għax ma jifilħux isaddu ġewwa. Leħinhom minnu ma jistax jgħajjat, u sikwit huwa l-kliem minn taħt, jew saħansitra s-skiet, li l-aktar li jkollu xi jgħid.
Biex nerġgħu lura għall-proża. Parti mill-mekkaniżmi tas-sistema letterarja, bejn swieq, fama u xorti, hi li tinzerta fil-post it-tajjeb fil-ħin it-tajjeb; jiġifieri kittieba bħal dawn xorta jgawdu l-għarfien li jistħoqqilhom, u x’aktarx mhux qed igergru u kuntenti sew b’li għandhom. Imma għal din iċ-ċirkostanza jiġuni f’moħħi żewġ kittieba Maltin importanti: Victor Fenech u Joe Friggieri, li l-aħħar pubblikazzjoni tiegħu hija Widnet il-Baħar (Kite, 2020, €12.95), parti minn sensiela prolifika ta’ novelli ili ilhom joħorġu mill-2016, u li ssibhom anki miġbura (flimkien ma’ traduzzjoni għall-Ingliż ta’ wieħed mill-volumi) f’kaxxa ta’ preżentazzjoni maħruġa mill-Kite. Din id-dar tal-pubblikazzjoni żagħżugħa fiż-żmien imma anzjana bl-esperjenza ta’ min imexxiha ma tibżax timraħ fl-oqsma differenti tal-ktieb, kif mixhud minn pubblikazzjonijiet ta’ valur u interess bħall-bijografiji ta’ Sergio Grech, ir-riċerka storiko-soċjali intriganti ta’ Michael Refalo, u l-volum stupend dwar ħajjet Strickland.
Fil-letteratura wkoll, ma qagħdux lura. Sew bil-Malti u bl-Ingliż, il-Kite qed ikabbru l-għażla tagħhom bil-mod il-mod, minkejja xi falza stikka ’l hawn u ’l hinn ma’ kittieba li xortihom marbuta aktar mal-fama u xi konnessjoni para-politika li jaf kellhom fiż-żmien. Friggieri ma jaqax magħhom, m’għandniex xi ngħidu, u jista’ jingħad li huwa ż-żiemel rebbieħ li jiġri b’kulħadd mill-istalla ċkejkna li qed irawmu l-pubblikaturi. Żiemel li jaf ukoll sab daru, wara l-ġiri minn pubblikatur għal ieħor, u karriera prolifika li ratu jagħġen il-poeżija, id-drammi u n-narrattiva b’rata impressjonanti, speċjalment meta mqabbla mal-kostanza tal-kwalità. Kwalità li, bħal fil-każ tas-sieħeb ideali Victor Fenech f’dan il-kuntest li qed insemmi, jaf dovuta sew għall-gost ġenwin għall-kitba li jinħass minnufih f’xogħol dawn il-kittieba, kif ukoll għan-nuqqas ta’ pretensjoni jew ġiri lejn popolarità jew suċċess li sikwit ikollhom iċedu għall-modi tal-mument.
Sew Fenech sew Friggieri, jekk tħares lejn l-opra kollha tagħhom, żammew leħen li, aktar milli jiżviluppa jew jinbidel tant li tkun tista’ taqsmu f’fażijiet jew perjodi, jibqa’ l-istess u l-profondità tiegħu tintradd mill-mod kumpless u sottili kif ikanġi mingħajr ma jibdel l-ilwien essenzjali tiegħu. Il-poeżija ta’ Fenech tibqa’ żżomm ir-rabja u l-protesta kiebja u fl-istess ħin ironika tad-debutti tas-Sittinijiet, flimkien mas-sofistikazzjoni bla tlellix ta’ forma u espressjoni li dejjem jinħassu friski u aġġornati mingħajr ma jgħaddu minn tibdil sfurzat. Dan jidher ukoll fil-ftit proża li kiteb Fenech bħal fil-każ tar-rumanz Ix-Xitwa ta’ Wara s-Sjuf, li donnu jittraduċi din l-attitudni f’rakkont semi-awtobijografiku ta’ ħlewwa nostalġika u riflessjonijiet essenzjali dwar il-ħajja.
Friggieri, minkejja s-suċċessi ta’ xogħlijiet bħal L-Istejjer tar-Ronnie, il-ġawhar tiegħu ssibu fl-imkejjen siekta, jew inkella dawk li xorta jibqgħu jfsefsu minkejja s-snin li jgerbu u jheddu jidfnuhom taħt it-trab tan-nisi, bħat-‘togħma tal-pastizzi’ tal-poeżija Jekk Fhimtek Sewwa. Reċensjoni reċenti ta’ Mark Anthony Falzon ta’ Il-Fiera tal-Fuħħar, volum ieħor fis-sensiela tal-Kite, lir-rakkonti qosra ta’ Friggieri ssejħilhom ‘pjaċiri sempliċi’ li jitnisslu primarjament mill-ekonomija u l-konċiżjoni li joħorġu mit-tħaddim kliniku tal-kelma Maltija, imma wkoll, kif inkomplu naraw fl-aktar volum riċenti, minn kif il-ġrajja sempliċi jew anki r-rakkuntar ħafif jistgħu jħallu tifsir tqil li jkompli jidwi.
It-titlu tal-ġabra, Widnet il-Baħar, li jagħti wkoll l-isem lill-ewwel rakkont, donnu xhieda tal-universalità u l-kostanza ta’ ġrajjet il-bniedem. Il-fjura mxabbta mal-irdumijet taf l-istejjer kollha, minn tal-ibgħad żminijiet sa dak tal-lum, u l-istejjer ta’ Friggieri stess jinfirxu bħal imrewħa fuq kull aspett taż-żmien u l-ħajja, u jirrakkuntaw mill-istejjer ta’ slaten f’belt immaġinarji sal-battibekk amoruż jivvjaġġa minn mobile għal ieħor. Kull okkażjoni kapaċi tnebbaħ, u kważi tista’ tistħajjel lill-awtur jiċċassa nemmies lejn il-ħajja li tgħaddi quddiemu, anki fl-inkonsegwenzjalità tagħha, u kontinwament tfaqqaslu s-sitwazzjonijiet biex jinħadmu fi ġrajjiet li jibdew imma mhux neċessarjament jintemmu.
Fid-daħla għall-ġabra, Immanuel Mifsud ukoll iwissi dwar potenzjal ta’ ‘eżasperazzjoni’ għall-fatt li Friggieri kapaċi jkun inkejjuż u spiss jaf iħallik imdendel, tistenna tmiem li qatt ma jiġi, jew wegħda mhux miżmuma li l-istorja għandha tkompli. Din il-logħba, li l-qarrej xorta waħda jieħu gost jieħu sehem fiha, anki meta jaf li mhux bilfors se jirbaħ dak li jrid, tidher bħala r-riżultat tal-ħila fabulatorja ta’ Friggieri, li jiġborna għal ftit minuti biex jgħidilna storja bit-ton tal-ħarrief, u min-naħa l-oħra, l-ironija kontinwa li biha jaffronta sew ir-rakkont sew il-materjal tagħha, jiġifieri l-ġrajjiet tal-ħajja, li fil-varjetà immensa tagħhom huma essenzjalment kollha l-istess, u fihom irossu verità waħda, jew inkella ftit ħafna. Veritajiet li mhumiex bilfors isimhom magħhom; x’aktarx huma mistoqsijiet li jħalluna mdendlin, bħal ma spiss jagħmel b’gost l-awtur.
Il-pjaċiri sempliċi li semmejna qabel, madankollu, mhumiex sinjal ta’ superfiċjalità fejn tintreħa s-serjetà tal-ħajja jew tal-ġrajjiet. Anzi, din is-sensiela ta’ rakkonti donnha ċ-ċediment ta’ Friggieri l-filosofu professjonista li malli jmiss mal-arti, jintreħa għall-misteru, minkejja l-bażi intellettwali li dejjem tfittex it-tweġibiet. Il-pjaċir, iktar mill-qares jew il-ħelu li jħalli l-morr, huwa meħjut b’malinkonija rassenjata għall-veritajiet tal-ħajja li jagħmluha dik li hi, jiġifieri l-mistoqsija li l-filosofu qatt ma jweġibha imma xorta jkompli jistħarriġha u jsaqsi dwarha.
Ħajja li titbandal mill-monotonija sal-maġija, u mill-miraklu lura għall-mondanità, u f’dan l-ispettru kollu, Friggieri jirnexxilu dejjem joħroġ dak il-mument li jixgħel f’moħħ il-qarrej mal-għeluq, mhux dejjem mitmum, tal-istorja. Mit-tagħlima anti-didattika tal-ħrafa, sal-konklużjoni maħduma ta’ novella b’tidwira sodisfaċenti, jew il-kitbiet konċiżi bl-ekonomija tal-ħajku u l-effett potenzjali ta’ koan Zen, titnissel dik li l-poeta Jacques Prévert kien sejħilha il-‘mikroeternità’, u jkolli ngħid li ili biex nużaha dil-kelma, speċjalment fir-rigward tax-xogħlijiet poetiċi tiegħu.
Dik is-sekonda ċkejkna tal-eternità tal-poeta Franċiż hija l-leħħa li nimmaġina tiġi f’moħħ Friggieri kull darba li tnebbħu sitwazzjoni, u li spiss hija r-riżultat li jħalli fil-qarrej hekk kif xogħol il-poeżija jew ir-rakkont isir li jiżola mument tant miniskolu li jispiċċa jsir iċ-ċentru tqil u mgħobbi tar-riflessjoni, bil-bqija tal-ħajja, importanti kemm hi importanti, issir effimera. Leħħa poetikament paradossali, li tibqa’ tgħammex minkejja kemm taħrab maljar minn quddiem għajnejk. Ma nafx hux kumbinazzjoni, imma Prévert jissemma wkoll f’din il-ġabra, bħala wieħed mill-inkwatri fil-kafè Deux Magots ta’ Pariġi, li huwa l-ambjentazzjoni għal novella li tiffoka fuq koppja inċidentali li ma kellhiex tkun. Inċidentali anki għall-eżitu mhux mistenni, imma fl-istess ħin l-essenza tal-mumenti li kapaċi jaħfen Friggieri, fejn bħallikieku ż-żmien jieqaf, u mix-xejn, jew dak li r-realtà awtomatika tilludina li ma huwa xejn, tinħoloq dinja oħra, wieqfa quddiema imma li xorta għandha dawrien kollu tagħha, u li tħallina nħarsu mibluha lejha.