Letteratura | Għal min ma qarax il-ktieb

Mark Vella mar jara l-addattament ċinematografiku ta' Is-Sriep Reġgħu Saru Velenużi u ħareġ sodisfatt. Għal min ma qarax il-ktieb, huwa film li jżomm mal-ispirtu tar-rumanz imma jtih żvolta ġdida ta' valur, u jipprova l-każ għal aktar tnebbih mil-letteratura Maltija għall-istejjer ċinematografiċi u televiżivi 

Film suppost tarah sħiħ mill-bidu sal-aħħar, kif inhi d-drawwa f’bosta swali Ewropej. Imma l-intermezz tradizzjonali tas-swali l-kbar f’Malta jaf iservi għal għanjiet siewja, anki aktar mill-popcorn u l-mawra sal-kamra tal-banju. Mument fejn tista' wkoll tiddiskutih il-film, kif sejjer u huwiex jintgħoġob, u kif jista'jmur, jiżviluppa, saħansitra jistax jaqbad u jsir aħjar. Kurjuż dan ir-ritwal: ifakkarni fl-espressjoni a game of two halves, meta logħba futbol jkollha żewġ taqsimiet b’andament għal kollox differenti minn xulxin. Imma fil-każ ta' film, hija diskussjoni dwar prodott ġa lest, kontra l-partita li għad trid tiġi konkluża, u kull tbassir jew tama huma essenzjalment akkademiċi. 

Jista' jkun ukoll li l-addattament ċinematografiku ta' Is-Sriep Reġgħu Saru Velenużi (The Viper’s Pit) jarah differenti minn ikun qara l-ktieb ta' Vella Gera. Sikwit naslu għall-ġudizzju li l-film kien aħjar mill-ktieb jew viċi-versa, l-aktar meta wieħed ikun għoġobna u l-ieħor jiddiżappuntana jew ma jilħaqx dak li nkunu stennejna. Taf tkun logħba daqsxejn antipatika wkoll, din il-qabża minn ġeneru għal ieħor, bi problematiki differenti skont id-direzzjoni. Fil-każ tal-film dirett minn Martin Bonnici u skriptjat minn Teodor Reljić, dan il-ħondoq mimli perikli tista' tgħid ingħeleb sew, minkejja żelqiet li xorta waħda jinfdew b’kif jiżviluppa l-film fit-tieni nofs tiegħu. 

L-intermezz kien pawża meħtieġa. Jaf dnibt bix-xettiċiżmu li bosta minnha jkollna quddiem prodott Malti, speċjalment fil-films u anki bil-piż pubbliċitarju li Sriep ġarr miegħu. Inizjattiva li rat in-nisel tagħha bis-saħħa tal-Kunsill Nazzjonali tal-ktieb, imħatra mirbuħa li rat il-potenzjal immens għat-traduzzjoni għal fuq il-liżar ta' xogħlijiet letterarji ta' valur u anki ta' importanza kulturali nazzjonali. Kif ukoll, is-seħer tiegħi bir-rumanz ta' Vella Gera u l-kurżità li mort biha biex nara kif ġiet affrontata l-istorja. 

Din l-istennija x’aktarx ġabitli l-waqtiet tal-ħlewwa ta' qalb jien u nara l-ewwel parti, fejn imbagħad iddiskutejt fejn seta' jmur il-film waqt il-waqfa qasira. Jaf kien hemm diversi mumenti, forsi għax influwenzat mill-ktieb, li ġiegħluni niddubita setgħetx tingħeleb l-isfida, sa mill-ewwel kitba li tidher fuq l-iskrin li tissuġġerixxi li Malta għaddiet minn taqlib politiku apparentement kostanti bejn l-Indipendenza u t-Tmeninijiet. Falza stikka, u speċjalment fid-dawl tal-ħila straordinarja ta' Vella Gera li kien kapaċi joħloq analiżi ta'profondità rari dwar it-traġitt politiku Malti kif imsejjes mill-konfront bejn il-klassijiet. Klassijiet li wkoll huma mistħarrġa lil hinn mid-dikotomija għajjiena tal-upstairs downstairs, u li tintroduċi, għal darb ’oħra wieħed mill-waqtiet rari fil-kitba Maltija, il-kunċett ta' borgeżija partikolari, speċifikament kelliema tal-Ingliż, Nazzjonalista u sinjura. 

Imma hawnhekk ħarġet il-ħila ta' Reljić, li tingħaraf malli jitla’ s-siparju. L-addattament tar-rumanz ma jimxix man-nisġa tal-ktieb, anki fil-każ tal-ambjentazzjoni temporali li titressaq tikka ’l quddiem bl-introduzzjoni ta' Joseph Muscat bħala l-fulkru essenzjali għal eġemonija kulturali li ġġib anki lill-kuntrattur — li stagħna minn meta kien għadu bennej u attivist Nazzjonalist ‘fi żmien il-Labour’ — jaqleb mir-Rothmans Blue għall-ħomor. Dettall ċinematografiku ċkejken u intelliġenti, u li huwa l-quċċata ta' waħda mill-ħjut ideoloġiċi tal-ġrajja. Imma l-akbar sfida tar-rumanz ta' Vella Gera hija dik lingwistika, mhux biss f’sens narratoloġiku, imma wkoll għall-fatt li kien kapaċi jirriproduċi l-patois 

Maltingliż bħala l-lingwa ewlenija u l-konkretizzazzjoni tal-forma mentis ta' klassi li qajla ġiet studjata daqs kemm ġie studjat ftit li xejn id-djalett tagħha. 

 

Trid tkun wieħed minnhom biex tifhimhom sal-qiegħ nett. Jew inkella tkun għamiltha magħhom b’intensità. Vella Gera jaf x’qed ngħid, u ż-żelqiet tal-film jidhru l-aktar fil-mod kif ġie riprodott dan il-fenomenu, li nominalment jissejjaħ tal-pepè, iżda li huwa tikketta li faċilment tista' tkun riduttiva. Tant hu hekk li attur wieħed biss irnexxielu jkun kredibbli f’din l-interpretazzjoni, u hawnhekk il-ħlewwa ta'qalb li ħassejt kienet waħda tajba, għax intlaqat il-likk. Min-naħa l-oħra, bosta karattri tgerbu fit-t u t-th, ħaġa li taf tissewwa meta produzzjoni jkollha wisq aktar finanzi u tkun tista' timpjega kowċ tad-djalett, nagħtu kas; mument ieħor bħal dan kien il-karattru tal-omm tal-familja pepè, li l-karikatura potenzjalment effettiva tagħha bħala mara superfiċjali u ta' moħħha qasir tiżvinta f’teatrin eżaġerat li jispiċċa jmeri l-ispirtu tal-analiżi ta' Vella Gera. 

Għax ir-rumanz tiegħu huwa politiku. Il-film idur aktar fuq l-aspett tal-pjan tal-attentat fuq Mintoff, anki għal skopijiet ta' azzjoni, imma l-istħarriġ ta' Vella Gera jfannad fil-karattru tal-Malti modern, iffurmat minn seklu u nofs ta' ġrajjiet politiċi, bil-firdiet fi ħdanu u l-problemi endemiċi li għadu jiffaċċja jmorru lil hinn mis-sempliċi partiġġjaniżmu (li wkoll għandu xi xorta ta' rwol, bla dubju), imma jduru l-aktar madwar il-flus u l-klassi, kif ukoll il-hangover post-kolonjali li jżommna dejjem inċerti mill-identità tagħna. Huwa ċar li kien hemm qari u fehim attent tar-rumanz: dan mhuwiex xi Dear Dom, fis-sakra papali għall-impożizzjoni ta' narrattiva mill-idjaq. Iżda marda tittieħed din: minbarra l-kitba li tiftaħ il-film, hemm mumenti kkonċepiti drammatikament b’mod superfiċjali jew inkella storikament falz. Il-laqgħat tal-konfoffa, li jsiru bl-Ingliż u li jduru eċċessivament mar-religio et patria, sempliċement biex tiġi inkwadrata l-kwistjoni tal-iskejjel tal-1984. Diskussjoni f’każin Nazzjonalista taħt ritratt ta' Fenech Adami jagħti kolp tal-biljard li tiġi interrotta minn dagħa maħnuq u sparar ta' machine gun mill-bogħod (jew mill-qrib), u kull ma jagħmlu l-protagonisti u li jkomplu jixorbu l-birra u jgergru kontra l-gvern. Omm Sammut Petri, bil-laned tal-corned beef ippustjati strateġikament quddiemha, tissielet biex issajjar il-bukkun għax tal-merċa ma kien fadallu xejn, stil kjuwijiet Sovjetiċi. 

Żbalji jew għażliet li jistgħu jnaffru jew li jkomplu jimmitizzaw, b’effetti sew fuq min għex dawk iż-żminijiet, sew fuq min hu sajjem, imma l-aktar fuq veritajiet storiċi essenzjali. Għax in-narrattiva kollox, imma hawnhekk il-film jerġa’ jiġbor ġieħu f’xena importanti, fejn Sammut Petri, li qed jagħmilha ta'Taljan fuq vapur bejn Malta u Sqallija, jiltaqa’ ma’ tarznar Malti li jgħidlu li pajjiżu għadu żagħżugħ, u minkejja l-problemi kollha, għandu impjieg u saqaf fuq rasu, imma n-Nazzjonalisti u l-Knisa jridu jxekklu lill-gvern li tahomlu. Reljić hawn jikkonfermah il-qari serju, anki politiku, tat-test, u għalhekk jistgħu jinħafru ċertu nuqqasijiet li donnhom saru biex jinftiehmu minn udjenza barranija, speċjalment fil-mumenti tal-info dump storiko-politiku, u anki l-użu żejjed tal-Ingliż jew inkella l-Maltingliż mhux iddożat fil-biċċa l-kbira tal-film. 

Temi kbar u ibsin biex taqlibhom kollha għall-pellikola, iżda dan fl-aħħar mill-aħħar jirnexxi għaliex Reljić kien kapaċi jidħol fil-qalba tar-rumanz u anki jipproponi żvolta ġdida lin-narrazzjoni li tispiċċa ssaħħaħ il-mottivi tal-ktieb. Sriep ta' Vella Gera huwa wkoll saga dwar il-missirijiet u wliedhom, u tmiemu jieħu t-trajjettorja tipika tal-anti-eroj tar-rumanz modern li jispiċċa jaħrab minn pajjiżu, fil-każ ta' Noel flimkien ma’ ibnu u lil hinn minn mara li ma setgħetx tinqala’ mill-klassi tagħha. Il-film jirrivoluzzjona l-karattru ta' Frances Tabone, b’wirja qawwija li tara ’l bint il-kuntrattur eks-attivist idealista ddur kontra missierha u tieħu sehem fit-tiftixa għall-verità. 

Liema verità ma tinstabx, għax did-darba l-anti-eroj m’għandu la l-privileġġ li jaħrab, la li jirtira, wisq anqas li joqtol lilu nnifsu, u dan x’aktarx huwa l-akbar mertu ta' Reljić fl-iskript ta' dan il-film. It-tmiem sorpriża u f’waqtu jsolvi l-ġrajja b’mod differenti minn tal-ktieb u jrodd dimensjoni ġdida lid-direzzjoni tan-narrazzjoni tipika Maltija, imma b’dan il-mekkaniżmu jirnexxielu jissiġilla r-rebħa tal-flus u s-setgħa u d-dettat ineżorabbli tagħhom. 

More in Arti