Kotba | Jagħli għax jisbaħ
Mark Vella jerġa' jaqrah sew mill-bieb il ġewwa ta' Loranne Vella (Ede Books, 2019, €15), imqajjem mill-fantażmi li jiġġerrew fl-imħuħ u l-erwieħ tal-karattri bla isem f'din is-sensiela ta' kwadretti li jsawru nisġa emottiva u psikoloġika, bi ftuħ imqanqal u tmiem miftuħ u potenzjali
Wieħed mill-ħafna sħarijiet tal-kotba hu li xi drabi jiġu għandek huma, donnhom ikunu reqdin tul xitwa li ma titkejjilx bl-istaġuni sakemm jinbtu meta jidhrilhom il-waqt. Minn fuq it-turrun fuq il-komodina, moqrija nofshom jew le, spuntali fil-linja tal-ħars lubiena mill-bieb 'il ġewwa, u rnexxieli naqrah għat-tieni darba, u did-darba sew u aħjar, wara ħolma kerha li tqajmek fnofs ta' lejl u ma tħallikx terġa' mqar tongħos. Ħolma minn dawk fejn jaf tiltaqa' mal-persunaġġi tagħha malli tirfes l-għatba ta' barra, tad-demm u l-laħam daqskemm kienu meta moħħok tellagħhomlok, min jaf minn liema qigħan, biex iħarbatlek lejl u jiftaħlek għajnejk għad-dlam ta' kamartek.
Il-ġabra ta' Loranne Vella, akkumpanjata mill-fotografija ta' Zvezdan Reljic, sid l-Ede Books, hija kollha ambjentata f'sensiela ta' kmamar li jieħdu l-ħajja malli l-bieb jinstabat wara l-parata ta' karattri solitarji, li tista' anki tistħajjilhom kollha jgħixu fl-istess binja ta' appartamenti mingħajr qatt ma jmissu ma' xulxin.
Anki jekk għandhom lil xi ħadd jgħix magħhom fil-kmamar ta' ħajjithom, dawn qegħdin dejjem fl-isfond, kważi żieda fastidjuża, u kull nukleu possibbli jiddiżintegra fl-iżgħar partiċelli individwali. Il-bniedem waħdu, minkejja kollox, kundizzjoni kożmika universali li Vella timmira dritt lejha. F'intervista riċenti, il-mużiċista Michael Azzopardi tkellem dwar il-kwalità tal-arti Maltija qed tikber għax l-artisti qed iħallu lilhom infushom isiru aktar vulnerabbli. L-individwi bla isem ta' Vella huma fil-fatt imneżżgħa minn kull armatura, jew aħjar, joħorġu ta' dak li huma wara li jirtiraw mill-jum pubbliku li għaddew minnu biex jerġgħu lura għall-fatati privati jħufu fi djarhom. Tant hu hekk li l-ktieb jiftaħ bi kronaka ta' jum bħall-oħrajn, ir-rutina mqaxxra minn kull xinxilla sa ma ssir biss sensiela ta' verbi, azzjonijiet mekkaniċi u ta' essenzjalità bażika li jġiegħlu l-leħen tar-rakkont jistaqsi jekk huwiex sempliċement "Dawra sħiħa mal-arloġġ/li ttenni ruħha minn jum għal jum?”.
Il-verbi ta' kuljum tiftaħ din is-sensiela ta' kwadretti li tintemm mill-bieb 'il barra, għeluq apparentement rebbieħ li jistieden għall-kuraġġ fil-ħajja u għall-awgurju tar-rebħ, minkejja li t-ton kollu tal-ġabra jidher mgħobbi b'piż li jxaqleb aktar lejn il-potenzjal ta' ripetizzjoni eterna, ma tintemm qatt ħlief bil-mewt, ta' ċiklu ta' ħajja mgħejxa fuq barra, maħsuba u maħsusa fuq ġewwa, u li tħalli lill-bniedem waħdu, kif beda. Kważi kważi, jinħass bħala tmiem ironiku, minkejja li b'rieda biex il-ħajja tingħex u tkompli tiġi kkumbattuta, għax kull mument ta' riflessjoni mill-bieb 'il ġewwa tista' tgħoddu ħmar il-lejl luċidu. Huwa l-ħolma kerha tal-passat mhux solvut u tad-diżappunti, imma wkoll ta' solitudni soċjali tant mifruxa imma tant moħbija, u li almenu fid-deher tinsatar taħt il-patina tan-normalità mekkanika ta' jum wara jum.
Hija solitudni li hija l-protagonista ewlenija tal-vinjetti ta' Vella, attiva għax mgħejxa u nnegozjata, u mhux solitudni patetika jew li tippresta ruħha għall-awtokommiżerazzjoni. Il-vulnerabbiltà tal-karattri hija wkoll il-vulnerabbiltà tal-awtriċi, li l-lingwa tagħha hija mneżżgħa minn kull pretensjoni jew artifizju. Lil hinn minn kull klixè patronizzanti, bħalissa nara li huma l-kittieba nisa li jeċċellaw f'dan it-tpittir tal-għera tar-ruħ, fi traġitt li storikament donnu jibda mill-frankezza ta' xi Maria Grech Ganado jew Doreen Micallef u jasal sa żmienna b'esponenti minn Clare Azzopardi sa Nadia Mifsud, Elizabeth Grech, Leanne Ellul, biex insemmu ftit mill-bosta. Hijiex il-famuża intuwizzjoni femminili, il-ġenetika jew il-gender, jew inkella mument ġenerazzjonali fertili, Vella tingħaqad ma' sħabha f'analiżi li taħfen minnufih l-essenzjalità tal-qagħda umana u ssarrafha f'poetiċità immedjatament riżonanti.
Dan isir ukoll permezz tat-tħaddim tal-lingwa, f'dan il-każ il-fenomenu ta' Malti li jqarraq bis-sempliċità apparenti, u li l-idejn it-tajba kapaċi jisfruttaw il-potenzjalitajiet tiegħu. Lingwa anċestrali ssir moderna minnufih bl-użu, fil-fatt, tal-verbi ta' kuljum, li jitwieldu minn għeruq eqdem minnhom, u dizzjunarju apparentement limitat jirnexxilu jiddeskrivi n-nevrożi, ir-ritwali, u l-logħob immaġinarju tal-moħħ u r-ruħ, minkejja l-preskrizzjoni inizjali tas-sekwenza ma tinbidel qatt ta' tlieta jew erba' konsonanti. Min-naħa l-oħra, il-ftit diskors dirett li tuża Vella, li fil-biċċa l-kbira huma aktarx monologi, jinqdew tajjeb ukoll mill-użu strateġiku u mkejjel tal-kollokjaliżmu u l-espressjonijiet ta' kuljum, antiki u tista' tgħid eterni wkoll, miġjuba lilna tul l-użu intimu tal-ġenerazzjonijiet ta' qabilna.
Is-solitudini tal-karattri ta' Vella hija wkoll waħda kontemporanja, lilhinn mill-ħamrija psikoloġika universali tagħha. Is-solitudni tal-atomizzazzjoni, li għandha wkoll dimensjoni soċjali, imwielda fl-ibliet iżda li tivvjaġġa sal-ibgħad irkejjen. Brussell, fejn hi bbażata Vella, jerġa' jfeġġ fil-letteratura Maltija, bħala komponent wisq inqas politiku minn kif jidher fi Stagno jew Vella Gera, imma bħala l-lok fejn, biex ngħiduha bħal Nikol Biancardi, "sa mill-imbiegħed 1934, bħal xmajjar ġo baħar wieħed jintefgħu l-problemi taċ-ċiviltà moderna.” Fuq pjan aktar immedjat, anki personali, imbagħad, Vella ddeffes is-solitudini Maltija konkreta, tal-espatrijat x'aktarx maħrub u qed ifittex ħajja ġdida, u li qed jinnegozja identità u preżenza soċjali f'dinja ġdida fejn l-anonimat huwa iktar ir-regola milli l-eċċezzjoni. In-nifs liberatorju tal-belt miftuħa jġib miegħu wkoll l-għeluq fl-appartamenti ċkejkna tal-ħsieb, ir-riflessjoni li tissogra ssir ossessiva, il-ftuħ li jittrasforma lilu nnifsu farba temporanja mill-uħux li jittormentawna.
Din il-proża tal-iżolament fiha, minkejja kull ironija traġika, il-mumenti liberatorji tagħha. Fosthom, ir-riżorsa tal-għaġeb tal-bniedem li jissielet biex ħajtu jagħmilha hu, kontra kull gwaj li jiġi quddiemu. Il-kriżijiet huma kotrana, imma daqstant huma s-saħħiet li ntellgħu min jaf minn fejn biex negħlbuhom.
L-ansjetà, anki fil-forom kontemporanji tagħha, fejn issir kundizzjoni mifruxa daqs riħ imbukkat malli jaqleb it-temp, għandha ġo fiha ż-żerriegħa għall-fejqan u l-irxuxtar, bħal fil-każ tal-leħen ta' baħħ, li jaħlef li mhux se jitlaq minn fejn qiegħed, minkejja kollox, imma li jhedded, x'aktarx lil xi xorta ta' interlokutur intern, donnu mera tiegħu nnifsu, li xi darba jaf għandu mnejn jgħib.
Fejn il-lejl imħarbat u għarqan tal-ħolmiet u l-ħsibijiet mhux mixtieqa, xorta waħda jintrebaħ mid-dawl u jagħtik l-opportunità tibda mill-ġdid, daqslikieku ma ġara xejn.
Nagħlu għax jisbaħ, imma s-sebħ wisq aħjar mid-dlam. Forsi l-ħajja dik kull ma hi, ħolma kerha kontinwa li nqumu minnha kuljum.