Kotba | Skont iz-zokk, il-fergħa
L-aħħar xogħol ta’ Sergio Grech huwa sorpriża editorjali pjaċevoli, li tibda bħala rakkont personali ta’ missier u tispiċċa twassal għal riflessjonijiet profondi anki dwar l-eżistenza tagħna bħala wlied ta’ missirijiet u ommijiet. Mark Vella qrah, mingħajr il-piż tal-ulied, imma b’involviment profond fir-rakkont ta’ tfulija li hija ta’ ħaddieħor daqs kemm hi b’xi mod tagħna wkoll.
...U tisbaħ missier! (Merlin, 2021, €9.95) huwa l-aħħar sorpiża sabiħa fid-dinja tal-pubblikazzjoni Maltija mill-pinna prolifika ta’ Sergio Grech, li jinża’ mil-libsa tas-soltu tar-riċerkatur u l-istoriku u jagħtina rakkont personali, umoristiku u, tista’ tgħid, rari dwar l-esperjenza ta’ bosta, imma dejjem unika, tat-twelid tat-tfal u l-bidu tar-rwol patern. Grech għandu kwalità partikolari ħafna għax-xogħol kollu li pproduċa, mill-kitbiet akkademiċi u divulgattivi sal-bijografiji li ħadem fuqhom bħala editur u bħala kittieb: is-sempliċità u n-nuqqas ta’ pretensjoni. Simili għal xi Arnold Cassola, huwa żiemel għax-xogħol u r-riżultati konsistenti tiegħu huma apprezzabbli għall-aħħar, speċjalment għall-qarrej komuni għatxan għat-tagħrif u l-għerf aċċessibbli. Fl-istess ħin, l-interessi tiegħu huma varji, mill-persunaġġi politiċi apparentement periferiċi sa elementi ta’ kultura popolari li huma essenzjali għall-fehim tas-soċjetà kontemporanja u tal-istorja reċenti tagħna.
Is-sorpriża li jwasslilna Grech did-darba hija rakkont personali, li spiss idur għar-riflessjoni, dwar il-mumenti ta’ meta twildulu ż-żewġ uliedu. Bħalma jgħid fid-daħla, kien tħeġġeġ għal dan il-proġett minn xi wħud minn sħabu li kienu jieħdu gost jaqraw l-aġġornamenti qsajra regolari tiegħu fuq Facebook dwar il-mumenti ħelwin li kien qed jesperjenza ma’ wliedu ċkejknin. Din rarità oħra: fid-dinja virtwali fejn kulħadd irid jiftaħar b’kull ma għandu u kull m’għandux (jew jixtieq ikollu, jew inkella jrid lil xi ħadd, konkret jew mhux, jgħir għalih...), u jiddokumenta kull tentufa li jgħaddi minnha billi kważi jtiha xejra kożmika, Grech u ftit oħrajn huma l-uħud li ma jdejquni xejn meta jfaqqgħu aġġornament ġdid dwar ħajjithom. Lil hinn minn xi proġett personali u vanituż, miklub għal għajn in-nies, il-ħajja tat-tfal ta’ Sergio nfittixha u niggustaha, għax imwassla mingħajr ħażen, malizzja, jew għanijiet ulterjuri, u hija sempliċement il-meravilja pura ta’ ġenitur quddiem ħlejqa ċkejkna li qed tiskopri d-dinja.
Tista’ tkun anki ħlejqa li ma ħloqthiex int, jew inkella tista’ tħares lejha b’nuċċali tal-voyeur virtwali, imma mingħajr l-għira, l-indiġestjoni, jew inkella dik il-kilba tad-dipendenza mill-irritainment biex jerġa’ jkollok ċans tmaqdar l-aħħar pampalunata li tfeġġlek fuq in-news feed. Fil-każ tiegħi, hija d-distanza ta’ xi ħadd li mhuwiex missier imma ziju u parrinu ‘professjonist’, fejn id-dmirijiet mhux uffiċjali tat-trobbija jseħħu dik id-darba fil, x’aktarx mingħajr it-toqol tar-responsabbiltà ġenitorjali, imma xorta waħda bil-meravilja, l-istennija u l-imħabba ta’ min iħares lejn uliedu jikbru. Ulied Sergio, dawk tad-demm u l-laħam – u din naraha responsabbiltà kbira li ħa l-awtur – isiru personaġġi, karattri, għeliem li jfakkruna f’ulied u neputijiet oħrajn, jew li jistgħu jxewquna, dejjem bi ħlewwa sana u ottimistika, għal stat li nkunu għadna ma lħaqniex.
Imma Sergio u wliedu jfakkruna wkoll fit-tfulija tagħna, u kwalità oħra ta’ dan il-ktieb delizzjuż hija l-perspettiva li mhijiex egoċentrika, imma li tinkwadra l-ewwel mumenti tal-ħajja fi ħdan qafas ikbar. Sergio tal-ġenerazzjoni tiegħi, u l-mumenti diversi li juża biex xi kultant iqabbel tfulija ma’ oħra jdoqqu f’widnejn nies tamparna, mit-TV Taljan li konna naraw bis-serqa billejl sat-tifkiriet importanti marbuta mal-ġenituri tagħna. Ċikli tal-ħajja li jafu jwaqqgħuna fin-nostalġija, isimha magħha bħala s-sensazzjoni ta’ post li, fl-aħħar mill-aħħar, ma jeżistix: il-missier jintriga kull filgħodu biex jagħmel lunch sustanzjuż għal uliedu, u jinfiska meta jarah jerġa’ lura mhux mikul, l-aktar meta jiftakar kif kien iħarbtu hu malli ddoqq il-qanpiena għall-break. Karatteristiċi individwali li mhux bilfors jintirtu minn ġidd għall-ieħor, x’aktarx għax dak li noħolqu, anki minn ġisimna stess, huwa individwu ġdid, li għandu xi ħaġa minna imma mhux kollox, u dak li jagħmlu speċjali, uniku u l-oġġett għal din ir-riflessjoni.
In-nostalġija hija xi ħaġa li madankollu Grech jiġġilidha. Hemm diversi waqtiet fejn jistaqsi lilu nnifsu jekk konniex aħjar aħna mit-‘tfal tal-lum’, imma spiss jew iwaqqaf lilu nnifsu milli jkompli sejjer f’din it-triq, anki bil-mistoqsija stess, jew inkella jħalli r-riflessjoni miftuħa. Jien ukoll nipprova niġġilidha din, ikolli ngħid, u l-imgħoddi dejjem isbaħ, ngħiduha, għalkemm Grech jirnexxilu wkoll iqanqalli dad-dubji tal-mezz’ età, meta jsemmi ħwejjeġ li għalkemm forsi m’għexthomx bħalu minħabba trobbija f’xi aspetti diversi, xorta waħda jirnexxilhom jitilgħu fil-wiċċ. Ximindaqqiet, nibda ngħid li qisu missieri qed jitkellem meta jgħid, nagħtu kas, li konna nehdew bix-xejn fil-konfront tat-tfal tal-lum, u bilġri inkun kważi qed niġi fi kliemu, fi kliem missieri, fi kliem in-nanniet u l-bużnanniet, u ninduna li jaf qed insir bħalhom. Jew inkella, anki għax bħal Sergio, niġġieldu biex ma naqgħux fl-ideat lesti u mhux mistħarrġa, nissieltu ma’ dan l-istint tal-adorazzjoni tal-passat li donnha hija xi ħaġa innata fil-bniedem, u li ebda ġenerazzjoni mhi se jirnexxilha taħrabha.
Naħseb li tkun ħaġa ovvja jekk ngħid li tibda tiggustahom lil ulied Sergio, anki jekk qatt ma tkun rajthom jew iltqajt magħhom. Mhuwiex l-għan primarju tal-ktieb, imma huwa t-togħma ħelwa li jħallilek ma’ kull paġna. L-innoċenza, il-praspar, il-mistoqsijiet li joħorġu bihom li kważi l-ebda għaref ma jkun jista’ jwieġeb. Imma wkoll it-tensjoni, li tħossha kullimkien, tal-isfidi tat-trobbija: ulied Sergio għadhom żgħar imma jikbru bħall-oħrajn, u jaf missierhom ikollu jikteb volum ieħor dwar it-taqlib taż-żgħażagħ u l-insidji tal-ewwel adultezza. Il-missier u l-omm iridu jrabbu skont mudelli li raw xierqa mill-ġenituri tagħhom, imma l-ulied, anki għax individwi speċjali bil-maġija unika tagħhom, jafu jisfidaw, sew bil-ħlewwa rispostuża imma wkoll bil-modi partikolari tagħhom li mhux bilfors idoqqu għall-partitura li bija jitla’ fuq il-palk il-ġenitur. Taħt id-daħk u t-tbissim il-missier jinkiser quddiem in-nies għal xi bawxata ta’ wliedu, jew inkella l-isforzi kollha immaġinabbli biex idarrihom drawwiet tajbin, tixref l-isfida ġenerazzjonali eterna, kważi tħabbar il-pleasures yet to come, u terġa’ titfa’ d-dawl qawwi u jgħammex fuq l-identità tal-ġenitur.
Qabel maċ-ċirkostanzi varji tal-ħajja kkonvinċewni naċċetta b’serenità (u anki b’xi daqsxejn solliev) il-fatt li l-ulied u t-trobbija kienu se jkunu fażi li m’iniex se ngħixha, f’moħħi kien itambar dejjem il-vers ta’ Mario Azzopardi ‘taranixġgant għax ġgant m’iniex’. Il-missier fil-letteratura Maltija kapaċi jkexkxek u jtelliflek kull ħajra: minn Azzopardi mibluh quddiem it-tkomplija tal-ħajta ġenetika tiegħu, sar-Ribell ġentili u l-Pellegrin distratt ta’ Friggieri, jew is-saga tal-ġenitorjalità masikili f’Fl-Isem ta-Missier (u tal-Iben) ta’ Immanuel Mifsud. Minkejja l-leġġerezza kollha, Grech ukoll b’xi mod parteċipi f’din it-tradizzjoni: se naqraw u nidħku, se nifirħu u niggustaw, imma se nieqfu naħsbu wkoll, kważi anki b’xorta ta’ orrur tiela’ fin fin u li nitħabtu biex ma nħallux jikber, quddiem l-istejjer, fil-wiċċ forsi miktubin b’mod innokwu jew bil-kruha mliġġma sew, tal-ansjetà qabel it-twelid u tal-mard u l-imwiet tat-tfal. U anki tat-tifel mitluf fil-folla tat-Trade Fair: biżgħa li wkoll mid-dehra għaddiet u ngħexet minn ġenerazzjoni għall-oħra, u fejn il-ġenituri u t-tfal għal waqt minnhom isiru l-istess essri vulnerabbli!
Il-missier huwa iben, u l-iben għad ikun missier. Ovvjetà bijoloġika u ġenealoġika, li madankollu terġa’ tiġi espressa b’sengħa fl-aħħar xogħol ta’ Grech. Żgur mhuwiex manwal għat-trobbija għaliex l-awtur kapaċi joħroġ lill-missier fil-waqtiet vulnerabbli tiegħu jew inkella fil-mument fejn ma jafx x’jaqbad jagħmel. L-umoriżmu ta’ dan il-ktieb huwa wieħed ħlejju, mhux sfurzat, u li ma jfittixx l-ispettakolarità: huwa l-bażi ta’ rakkont sempliċi tal-esperjenzi ta’ familja bħall-oħrajn, għalkemm partikolarment Maltija u integrata fl-istorja u fid-drawwiet tal-pajjiż. Daħka ottimista u riflessjoni ta’ tama jibqgħu dejjem għaddejjin minn taħt il-malinkonija tal-għarfien tal-mument li daqt jgħaddi u jgħib, kif ukoll il-preokkupazzjoni akbar li bilfors tirfed waqtiet bħal dawn tal-ħajja.
Fl-aħħarnett, dan huwa ktieb siewi ħafna għall-iżvilupp tal-editorija Maltija. L-iskoperta azzekkata tal-Merlin Publisher tal-idea ta’ Grech hija pass ieħor fil-produzzjoni ta’ għażla aktar varjata ta’ pubblikazzjonijiet li żgur jilħqu pubbliku usa’, iħaddmu l-lingwa b’mod realistika mingħajr ma jheddu jew ikażbru l-Malti, u li wkoll irodddulna, għala le, mumenti ħfief, ħelwin u li jqanqlu tbissima, iżda li qatt ma jaqgħu fil-banalità.