Kotba | Bejnna u bejn ruħna
Mark Vella jaqra Frammenti ta’ Tyrone Grima: logħba bejn il-fiżiku u l-mentali, dak li jidher u dak li ma jidhirx, fejn id-dinja distopika li jqum għaliha l-protagonist taqleb ta’ taħt fuq il-kategoriji ta’ kif is-soltu naffrontaw l-esperjenzi personali tagħna
Minkejja li l-metafora tal-vjaġġ hija tant prominenti fil-letteratura Maltija, minn Dun Karm sal-antieroj ġej u sejjer u aktar lil hinn, ftit jew xejn jiġuni f’moħħi narrattivi Maltin ta’ vjaġġ attwali, jekk inħallu barra lil Ulied in-Nanna u s-saga tagħhom minn Malta għall-Amerka u lura, bil-waqfiet komiċi Sqallija u Pariġi. Forsi Malta żgħira wisq għall-vjaġġ a la Kerouac, impossibbiltà narrattiva, jew għal kwalunkwe xorta ta’ stil road movie, wisq inqas il-possibbiltajiet kollha bejn il-gonzo tip Hunter S. Thompson u r-romantiku modern bħall-films ta’ Salvatores. Forsi mhux biss il-vjaġġ madwar il-gżejjer ftit li xejn jiġi affrontat (għalkemm L-Għanja tas-Seba’ Niċeċ jaf għandha valur road reliġjuż!), imma anki s-safra jew il-vjaġġ attiv f’artijiet oħra bħala vejikolu retoriku għall-bidliet u l-isfidi fil-mixja ta’ karattru.
Il-mod kif inhu mqassam Frammenti ta’ Tyrone Grima (Merlin, 2021) ħadni lejn tqabbila mill-aktar inortodossa. Ir-rumanz huwa mqassam f’erba’ taqsimiet bl-ismijiet tal-istaġuni imma kkwalifikati wkoll bħala rotot, essenzjalment vjaġġi minn raħal Malti għal ieħor, li mbagħad jingħalqu b’memorja. Bħal fil-każ tat-Taxi Mary tal-Bamboċċu u l-Makk, il-protagonist ta’ Frammenti, flimkien ma’ Sophie, l-ispalla li jsib fi triqtu u li magħha jkompli l-vjaġġ, idur minn post għal ieħor immexxi minn tiftixa li għandha x’taqsam mal-imħabba. L-għannejja jaqbdu l-karozza biex iduru dawra li tibda minn Ħaż-Żabbar ħalli jżuru n-nisa li għandhom f’kull port. In-narratur ta’ Frammenti għandu intenzjonijiet ogħla, u s’hemm jieqaf dan it-tqabbil mal-kanzunetta popolari: bħalma Gregor Samsa jqum jum minnhom u jsib li sar wirdiena, il-protagonist tar-rumanz ta’ Grima jqum għal Malta battala fejn ma baqa’ ħadd iktar ħlief hu.
Premessa distopika li taqbdek mill-ewwel u li tirnexxi, forsi anki għaliex mhijiex l-intenzjoni ewlenija tar-rumanz, imma ambjentazzjoni milquta għal vjaġġ li huwa wisq aktar riflessiv mill-fiżiku, fejn il-passi tas-saqajn u d-dawrien bil-mutur jimxu flimkien mat-twerdin tal-ħsibijiet. Ta’ mument fejn wieħed tassew għandu bżonn ikun waħdu biex jaħseb, jew inkella mument ta’ ħajja maħsuba li jelimina għal kollox minn quddiema l-bqija tal-ħajja mgħejxa.
Iż-żewġ karattri jispiċċaw jivvjaġġaw donnhom bla ħjiel u bla direzzjoni, jew inkella lejn waqfien finali ddettat mill-ħsibijiet li qed jossessjonawhom. Bħal fil-vjaġġ distopiku tat-tifel u l-missier f’Amerika post-apokalittika ta’ The Road ta’ Cormac McCarthy, jafu x’qed ifittxu, b’xi mod, imma t-triq li twassal għall-baħar għadha twila u mimlija perikli. Frammenti wkoll jispiċċa fejn il-baħar, Fomm ir-Riħ, iżda Sophie u l-protagonist bla isem m’għandhom l-ebda ostaklu għall-mawriet u ż-żjarat tagħhom, ħlief it-trawmi li qed jossessjonawhom. Iħufu minn dar vojta għall-oħra, b’aċċess għal kull m’hemm fihom, ibda mill-ikel u l-provvisti meħtieġa, u jfittxu, jistennew, u jerġgħu jibdew il-vjaġġ lejn raħal ieħor.
Vjaġġ li madankollu xorta jsir metafora, fejn paradossalment il-mixi, il-ġiri u s-sewqan irikkbu fuqhom il-protagonisti ewlenin tar-rumanz, il-frammenti ta’ ħajja, frammenti ta’ ħsibijiet imferrxin u mħawdin b’tentattiv li b’xi mod isir sens minnhom. Sew Sophie sew il-leħen narranti għandhom kwistjoni xi jsolvu, marbuta ma’ nies għal qalbhom u rabtiet li tkissru jew intemmu. Malta vojta li qed iduru magħha ssir qisha l-ispazju meħtieġ, lil hinn minn kull folla li ġġennen, biex dak li jkun jagħmel sens, jew għallinqas jipprova, mill-ġrajjiet tiegħu. Pawża neċessarja, kważi idillika fid-distopija tagħha, u minnufih niftakru fil-vjaġġi personali importanti tagħna li nistgħu nimmaġinawhom bħala li jseħħu f’dinjiet li għal xi żmien donnhom ġew sospiżi.
Id-dinja ta’ Frammenti, għalhekk, donnha sseħħ tassew f’moħħ il-protagonist, b’kull taqsima tagħlaq b’memorja fiżika, tan-nies tad-demm u l-laħam u tal-oġġetti li jeżistu u jintmessu, filwaqt li l-vjaġġ huwa fejn jieħdu sura x-xbihat li jinbtu mill-ipproċessar personali tal-ħsibijiet u tal-memorji. Dan ir-rumanz, fil-fatt, għandu mumenti simboliċi importanti, li huma midmuma b’ħila mill-awtur għaliex ma jitbegħdux mil-fil ċentrali tar-rakkont u jaħdmu b’tali mod li jgħinu biex taqsima tinforma lill-oħra, sakemm titwassal il-konklużjoni, jew aħjar ir-riżoluzzjoni, tat-tiġrib tal-protagonist.
Sophie, l-uniku karattru ieħor attiv fil-ġrajja, hija mbagħad pjuttost enigmatika u gradwalment tgħib mir-rakkont, bħallikieku taqbad triqtha lejn ir-riżoluzzjoni personali meħtieġa tagħha, u tħalli ’l seħibha jaqdef għal rasu lejn is-salvazzjoni personali tiegħu. Kulħadd isalva waħdu, kif jaf hu. Hija relazzjoni, għalhekk, li mhijiex mingħajr id-diffikultajiet tagħha, kważi vjaġġ li ġa predestinat li se jkollu jiġi konkluż individwalment. Tant hu hekk li, f’nofs ir-rumanz, il-karattri jqiegħdu saħansitra r-regoli tal-koeżistenza tagħhom. The first rule of Fight club is: You do not talk about Fight Club: l-ewwel regola li jiddetta lil Sophie hi l-istejjer tal-passat għandhom jibqgħu fil-passat, u mbagħad ikompli b’ħames regoli oħra ta’ loġistika għal vjaggaturi li ġa magħruf li qatt ma kienu maħsuba biex ikunu hemm għal xulxin.
Ktieb li fakkarni f’bosta kotba oħra wkoll, bħalma naħseb ġa sar evidenti. Jista’ jkun riflessjoni wkoll tal-qari u l-kultura narrattiva tal-awtur, li dan mhuwiex l-ewwel xogħol tiegħu, kif ukoll li huwa wieħed mill-waħdiet li jaffrontaw it-tematika queer u l-omosesswalità bi profondità adulta, u mhux neċessarjament għax mgħexja jew esperjenzata. L-imħabba omosesswali deskritta fir-rumanz, anki b’xena grafika ta’ sess, trid titqies sew fl-aspett imsemmi, imma lanqas m’għandha tirrelega ’l dan il-ktieb għal xi garżella.
Fil-qofol tiegħu, laqatni sew għal-kontroll tat-teknika tar-rakkont, fejn l-elementi kollha huma marbutin u konnessi f’għanqbuta maħsuba ta’ tifsiriet, imma wkoll għar-riflessjoni mhux tas-soltu dwar, aktar milli l-imħabba, tmiemha u l-qsim il-qalb li jġib miegħu. Esperjenza umana li faċilment tista’ titwassal b’pathos li ma jinfidx fil-qalba tal-kwistjoni, imma Frammenti jmur lil hinn minn dan biex jesplora l-vjaġġ, modern fil-preokkupazzjoni tiegħu iżda antik daqs l-ewwel bniedem li qatt ħass u ħabb, ta’ min irid jagħmel sens mill-waqgħa sabiex jerġa’ jqum u jkompli miexi.
Frammenti ġie ppubblikat b’kofinanzjament mill-Fond Malti tal-Ktieb immexxi mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.