Kotba | A Song for Europe
L-għan politiku qatt mhu innoċenti. Imma żewġ kotba dwar l-Ewropa għat-tfal u ż-żgħażagħ donnhom isejħu għar-ritorn ta’ purezza ċivili li qisha bdiet tintilef, u jeħtieġ infakkru lilna nfusna dwarha. Mark Vella jibqa’konvint dwar dan l-ideal
Fl-1 ta’ Novembru 1973, ħarġet A Song for Europe tar-Roxy Music, kanzunetta enigmatika għaliex titkellem dwar tmiem ta’ mħabba, forsi is-suġġett l-aktar frekwenti tal-mużika pop, fuq sfond ta’ kontinent mudlam, malinkoniku u dekadenti. It-tmiem tal-kanzunetta li żżiġġ mill-gondoli ta’ Venezja għad-dell tan-Notre Dame jitkanta bil-Franċiż u l-Latin, f’odi għal xi passat li m’għadux magħna jew inkella tpittir mitiku tal-identità Ewropea.
Hemm possibbiltà interessanti li tiġi kkumpilata sensiela żgħira, tipo mixtape tat-Tmeninijiet, ta’ espressjonijiet artistiċi, popolari l-aktar, jew inkella interessanti fil-periferalità tagħhom, ta’ għanjiet għall-Ewropa. Waħda fil-lista tista’ tkun Ragazzo dell’ Europa ta’ Gianna Nannini, ir-rakkont malinkoniku u mixtieq dwar żagħżugħ idur minn belt għal oħra, f’kontinent li qed jerġa’ jinstab bis-saħħa tal-InterRail, vagabond kunfidenti jaqbeż minn esperjenza ġdida għal oħra. Jew inkella, għat-togħma lokali, żewġ poeżiji tal-aħħar ta’ Doreen Micallef, li kienet waħda mill-ewwel entużjasti mhux magħrufa tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, hi wkoll tistħajjel il-kontinent qadim u ġdid fl-istess ħin bħala liberazzjoni minn għeluq sew nazzjonali sew personali.
Dawn żminijiet oħra. Is-sakra tas-sħubija issa ilha li għaddiet, u aktar milli xi hangover, kull ma jaf jibqa’ n-nisi tal-kompjaċenza, fejn kollox jista’ jiġi ffinanzjat minn fond jew ieħor, u l-effetti fit-tul tas-sħubija jibdew jittieħdu bħala fatta bl-istess mod li ma nimmaġinawx, lanqas jekk nagħsru moħħna, pajjiżna mingħajr servizzi soċjali universali u skejjel u sptarijiet b’xejn. Il-bdil ġenerazzjonali mill-2004 ’l hawn fisser ukoll li issa telgħin Maltin li ’l pajjiżhom ma jafuhx għajr bħala membru – ‘naturali’ – tal-għaqda Ewropea, u jaf hawn jibda jinbidel xogħol l-Ewropeista, li jkollu jippreżenta dan il-proġett taħt dwal ġodda.
L-aktar illum fejn donna lkoll qed nintebħu li qed ngħixu l-istorja aktar minn qatt qabel, b’dinja li qed tinbidel quddiem għajnejna b’ħeffa li taf tħallik taħtha. Tant li bidliet bħal dawn huma wkoll katalisti għal viżjonijiet ġodda dwar it-tqassim tas-soċjetà u fejn wieħed jaħseb li l-aħjar li tmur: dinja ta’ inċertezza li tagħti lok għall-feġġ ta’ varjetà sħiħa, xi drabi insidjuża, ta’ tentattivi biex nifhmu u nirridimensjonaw ir-realtà tagħna. Żid ma’ dan l-individwaliżmu ġdid u l-kriżijiet varji li għaddejja minnhom is-solidarjetà xellugija ta’ żmien ilu, u ħalliha ttektek sakemm jibda jfur ħelu ħelu lemin ġdid ta’ anti-vaxxers u Kattoliċiżmu radikali, jew inkella konfużjoni liberali li ma tistax tlaħħaq mas-sadd ta’ kull toqba ta’ inkorettezza u inġustizzja pperċepita, tant li drabi tispiċċa tinsa fejn tassew qegħdin il-ħofor il-kbar li tħallew wisq jittewbu miftuħin beraħ.
Is-Servizzi Ewropej f’Malta (SEM), li fi żmien ieħor bi ħtiġijiet politiċi differenti konna nsibuh il-MEUSAC (Malta-EU Steering Action Committee) huwa, fost l-oħrajn, ċentru ta’ informazzjoni Europe Direct tal-Kummissjoni Ewropea. Wieħed minn tliet ċentri simili mxerrda madwar Malta u Għawdex, xogħlu jinvolvi li jgħarraf lil firxiet diversi tal-pubbliku dwar l-operat tal-Unjoni Ewropea, u l-aħħar żewġ pubblikazzjonijiet għat-tfal u ż-żgħażagħ donnhom jagħrfu l-bidliet epokali li għaddejjin minnhom u l-ħtiġijiet li jġibu magħhom. L-Ewropa mistħajla minn Bryan Ferry u dik li aspirat għaliha Doreen Micallef taf tkun xbiha nostalġika jew kimera idealistika, imma hemm idea wisq aktar profonda ta’ xi jfisser il-kontinent, sew għal min hu ta’ ġewwa sew għal min jintlaqa’ fih. Mhux ta’ b’xejn li portafoll partikolari fil-Kummissjoni Ewropea huwa dak tal-ħarsien tal-istil tal-ħajja Ewropew: wieħed jista’ jiddibatti x’inhu dan l-istil ta’ ħajja, jekk hux dak tal-kurċifissi fil-klassijiet u tal-Milied bħala għelm ta’ tradizzjoni Nisranija millenarja, jew inkella dak tal-ftuħ demokratiku, tal-akkoljenza u d-diversità.
Jew inkella xi mkien bejn dawn it-tnejn, jew dan kollu jista’ jgħix flimkien f’armonija, b’riċetta ġdida li għad irridu noħolqu. #noħlomlixidarba donnu fehmu dal-bżonn, bħal ma fehmuh is-SEM bl-idea ta’ dan il-ktieb dwar il-valuri tal-Unjoni Ewropea miktub minn Clare Azzopardi u illustrat b’mod eċċellenti minn Naomi Gatt. Ktieb li x’aktarx huwa indirizzat għall-ewwel adolexxenza, bħalma huma l-karattri kollha f’din l-istorja li, għalina l-kbar, taf tidher qisha abbozz ta’ xi rumanz ta’ Azzopardi, ikkaratterizzata mill-empatija tipika tal-awtriċi kif ukoll mit-tħaddim tal-lingwa li jsib il-bilanċ perfett bejn l-isfruttament tar-riżorsi kollha tal-Malti u n-nuqqas ta’ biża’ mir-riproduzzjoni tal-mitkellem, speċjalment fil-każ ta’ kif jikkomunikaw in-nattivi diġitali.
L-għan ta’ dan il-ktejjeb huwa moltepliċi, u b’mod intelliġenti. Kull kapitlu jaf jitqies bħala tematiku, u jispiċċa bi kwotazzjoni minn persunaġġi magħrufa, minn Mahatma Gandhi sa Greta Thunberg, u bl-ispjega ħafifa politika tal-valuri Ewropej applikati għaż-żgħażagħ, bħas-solidarjetà, il-ħarsien tal-ambjent, u l-ugwaljanza fost l-oħrajn. L-istorja ewlenija hija ambjentata ftit wara l-pandemija, żmien ta’ sfida li jifrex mill-mikropersonali sal-ġeopolitiku dinji, b’Sam li jaħrab minn missier xurban u vjolenti li jispiċċa qiegħed minħabba s-sensji waqt l-imxija. Tintemm, fil-fatt, bil-kuntatti tal-iSchool Support Services u kellimni.com, is-sit għall-għajnuna psikoloġika, u tul il-ktieb, ħelu kemm hu ħelu, tinħass il-preokupazzjoni tas-solitudni żagħżugħa u t-telfien fid-dinjiet virtwali.
Il-karattri jinħassu Azzopardjani dak dawk tar-rumanzi, kif ukoll ifakkru f’ħafna mill-opra attwali ta’ bosta awturi żgħażagħ jew emerġenti, li sikwit jinżlu jteftfu fid-dinja taż-żgħożija kontemporanja, sew għall-ewwel tentattivi ta’ Bildungsroman li trid taqilgħu minn fuq l-istonku, jew inkella fit-tentattivi kontinwi ta’ żvilupp ta’ traduzzjoni ta’ letteratura aċċessibbli għall-adulti żgħażagħ. Fil-karattri kollha li jgħixu fl-istess blokka, jixirfu l-valuri Ewropej li nixtiequ u, li wara kollox dejjem hemm kienu, ħlief li jew qed ninsewhom jew inkella rridu nirrivalutawhom u nittraduċuhom għar-realtà inċerta li qed ngħixu fiha. Lil hinn mill-inkarnazzjoni tal-valuri, huma karattri b’uniċità u individwalità li mhijiex waħda ivvintata, iżda li nistgħu narawha, b’aktar attenzjoni u umiltà, fiż-żagħżagħ tagħna fit-toroq u l-iskejjel. Dan il-ktieb jaf ikun ukoll manwal biex nifhmu l-ġenerazzjoni l-ġdida: dak li tgħid u kif tgħidu, il-mod kif tinnegozja mal-eżistenza u anki testetizzaha, u fl-aħħar mill-aħħar, kif qiegħda tittama li tmexxi d-dinja ladarba r-riedni jgħaddu f’idejha.
Sena qabel, is-SEM ħarġu b’inizjattiva editorjali oħra, did-darba għat-tfal, u ingaġġaw lil Trevor Żahra, flimkiena ma’ Azzopardi x’aktarx fost l-aktar awturi moqrija. Il-ħrafa qasira Mas-Siġra tal-Ballut tantropomorfizza l-valuri Ewropej tas-solidarjetà, il-konvivenza u l-għaqda fid-diversità bl-annimali, għalkemm kollha differenti minn xulxin, li jsibu l-mod kif jgħixu f’armomija taħt is-siġra. Din l-introduzzjoni, miktuba bil-ħila issa leġġendarja ta’ Żahra, u b’illustrazzjonijiet u produzzjoni editorjali ta’ kwalità għolja ħafna, jgħaddu lill-qarreja ħelu ħelu għan-nofs l-ieħor tal-ktieb li huwa mimli spjegi faċli dwar x’inhi l-Unjoni Ewropea flimkien ma’ għadd ta’ eżerċizzji u logħbiet li jistgħu jitmexxew minn għalliem jew ġenitur.
Inizjattiva mhux biss ħelwa iżda tassew f’waqtha, u li tikkumplimenta l-ħafna xogħol dejjem għaddej għax-xandir tal-messaġġ Ewropew fl-iskejjel lil-livelli kollha, anki bħal fil-każ ta’ ktieb ġdid tal-Istudji Soċjali għall-ewwel u t-tieni sena tas-sekondarja li nħadem b’kollaborazzjoni bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u r-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta.
Minn dawn l-għanjiet mod ieħor għall-Ewropa li rridu, jaf ifeġġ dawl ġdid biex jeqred id-dlamijiet tal-inċertezza kontemporanja li sikwit nitqabbdu magħhom, mitlufin fihom.
Il-kotba ta’ Azzopardi u Żahra qed jitqassmu b’xejn u jistgħu jinkisbu mill-Europe Direct Valletta, Servizzi Ewropej f’Malta, 280 Triq ir-Repubblika, il-Belt. Il-ktieb tal-Istudji Soċjali jista’ jinkiseb mir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, 254 Triq San Pawl, il-Belt.