Kotba | Dak li aħna
Mark Vella jispiċċa jqalleb b’għoġba f’Karattri u Rakkonti ta’ Mario Thomas Vassallo, minkejja xettiċiżmu li jasal jammetti li xejn ma kien motivat. Mhux biss, imma l-pjaċir tal-qari jqajjem riflessjonijiet akbar dwar il-kunċett tal-kultura kif forsi missha tkun (b’tislima meħtieġa lil Antonio Gramsci).
Antonio Gramsci kien politiku u intellettwali Komunist mis-Sardenja, li fi żmien il-Faxxiżmu kien intbagħat il-ħabs fl-1926, fejn miet ħdax-il sena wara. Il-priġunerija welldet il-Quaderni dal Carcere – il-pitazzi mill-ħabs, li għalkemm għad m’għandniex bil-Malti, verżjoni magħrufa bl-Ingliż tagħhom ġiet fil-fatt tradotta minn wieħed minna, Joseph A. Buttigieg, missier il-famuż Pete li dan l-aħħar kien wieħed mill-papabbli Demokratiċi għall-elezzjonijiet presidenzjali fl-Istati Uniti.
Il-ħsieb ta' Gramsci huwa tista’ tgħid wieħed mis-sisien ewlenin tat-teorija kulturali, ħaġa li għalkemm hija qasam ta’ għarfien għal ftit, tippervadilna ħajjitna fil-mument fejn nagħmlu l-għażliet kulturali tagħna – minn dak li naqraw sa dak li nilbsu, nieklu u nikkunsmaw. Ħwejjeġ li għalkemm ma naħsbux dwarhom u nagħmluhom saħansitra inkonxjament, jafu jgħidulna ħafna dwar minn aħna u dwar kemm kull ma nagħżlu u nagħmlu fil-ħajja huwa b’xi mod politiku, anki meta ma jsirx b’mod deliberat.
Gramsci għadu tista’ tgħid magħruf u segwit mill-akkademja u l-intellettwali Malti, imma sikwit jintesa l-kontribut, fil-fehma tiegħi, ewlieni, dwar il-letteratura bħala indikatur importanti ta’ kif tissawwar is-soċjetà. F’Letteratura e vita nazionale, waħda mill-partijiet klassiċi tal-pitazzi, kif ukoll f’biċċiet oħrajn imxerrda ’l hawn u ’l hinn, Gramsci jipprova, fost l-oħrajn, iwieġeb mistoqsija li kien staqsa lura fl-1855 ċertu Ruggero Bonghi, li kien ministru tal-edukazzjoni, dwar għala l-letteratura Taljana nazzjonali ma kinitx popolari. L-idea kienet li l-pajjiż kien jipproduċi letteratura li xorta waħda ma kinitx tinqara mill-poplu u tiġi ‘adottata’ minnu, bit-Taljan kważi aktar imur għal xogħlijiet, anki tradotti, barranin, bħar-rumanzi popolari Franċiżi.
Din il-qagħda hija waħda li tista’ tidħol kexxun, bi ftit li xejn modifikazzjonijiet, għall-qagħda Maltija, forsi bid-differenza tas-snin meta mqabbla mal-iżviluppi storiċi tal-pajjiżi (li xorta waħda ġirien aktar milli naħsbu). Gramsci kien qed jitkellem dwar pajjiż li bħal Malta kien għadu arretrat u fil-bidu tal-ġrajja politiku bħala stat magħqud (jew mgħaqqad, skont fehmiet storiċi oħra) u li għadu qed ifarfar it-trab ta' ħakmiet essenzjalment kolonjali. Biex ma nġebbdux iżżejjed, Gramsci joħroġ bil-kunċett tan-‘nazzjonal-popolari’, fis-sens li prodott kulturali ideali jirnexxi meta ma jkunx maqtugħ mill-poplu u fl-istess ħin jagħmel riferiment għal xi xorta ta’ patrimonju nazzjonali.
Karattri u Rakkonti – Mir-Raħal u Mis-Safar (Kite, 2021) mhuwiex maħsub bħala letteratura kif nassumuha s-soltu, imma huwa ġabra ta’ memorji u ġrajjiet mill-vjaġġi ta’ Mario Thomas Vassallo. Gramsci wkoll kienu jinteressawh kitbiet bħal dawn, flimkien mar-rumanz tal-appendiċi (kunċett simili għal tal-faxxikli Maltin), il-polizjesk u ġeneri simili oħra. Tibqa’ idea rivoluzzjonarja anki għax mhux kulħadd tgħallimha, fejn il-prodott kulturali wieħed ma jarahx mil-lenti tal-intellettwali akkademiku maqful fl-istudju li jippontifika dwar x’inhu validu jew mhuwiex. Il-prodott, u f’dan il-każ, il-ktieb, jikseb is-siwi tiegħu anki mill-mod kif jintuża u minn min, u anki kif jirnexxilu jidħol fit-tessut intimu tas-soċjetà li jinbet fih. Biex inkomplu bil-ħassieb Taljan, kitbietu kienu (huma) stedina biex l-istudjuż u l-akkademiku jħarsu anki lejn kitbiet bħal ta’ Vassallo li jaf ikollhom potenzjal ta‘ ’użu’ mill-poplu wisq aktar minn dak li nistennew mill-kotba li nqisuhom, minn qabel, bħala aktar ‘importanti’.
Issa, ktieb bħal dan ta’ Vassallo s-soltu kieku ma nfittxux, imma kieku wkoll nieħu gost nirċevih, bħal ma ġrali f’dan il-każ. Kull qarrej għandu l-preġudizzji tiegħu, anki f’sens mhux negattiv, u forsi l-fatt li lil Vassallo ma nafux seta’ kien ukoll fatt li begħedli l-kurżità minn pubblikazzjoni bħal din. Imma lil kollox trid tagħtih ċans, anki għax il-preġudizzju jbarrilek kull potenzjal ta’ sorpriża u skoperta. U allura sibt li Vassallo, nagħtu każ, tal-ġenerazzjoni tiegħi (tifridna sena) u li għalkemm trabba u ħadem f’ambjent raħli, tradizzjonali u attivament Kattoliku, b’xi mod differenti minn tiegħi, xorta waħda jiftakar fi ħwejjeġ li anki jien nista’ nidentifika bi sħiħ magħhom. Dan għaliex huma, jekk nibqgħu nsegwu t-tagħlima ta’ Gramsci, reminixxenzi dwar wirt kulturali komuni u essenzjalment nazzjonali, fis-sens li fih elementi kruċjali għar-radd tal-identità. Li hemm differenti bejni qarrej u Vassallo awtur huwa l-intensità relattiva tal-esperjenzi, imma d-deskrizzjoni tal-festi tal-irħula, l-abbatini li jitilgħu l-Vatikan, in-nanniet jisolħu l-fniek – flimkien ma’ mumenti storiċi għadhom friski mill-istorja riċenti, bħall-kwistjoni tal-iskejjel – jgħaqqduna flimkien sew bħala nies ġejjin minn poplu wiesa’ li jaqsam karatteristiċi identitarji u nazzjonali.
X’inhu nazzjonali-popolari, biex inkomplu niftiehmu? Għall-Amerikani, nagħtu każ, il-western, li jirrakkonta l-konfronti li wasslu għad-definizzjoni ta’ nazzjon, minkejja s-suċċess universali eventwali minn fuq il-liżar kif ġabhulna Hollywood. Għat-Taljani, minn fejn ħareġ it-terminu, spiss isemmu huma stess il-wirjiet sportivi nazzjonali, speċjalment fil-futbol, u l-festival ta' Sanremo, mumenti fejn poplu li huwa pjuttost differenti mit-tramuntana san-nofsinhar, jingħaqad għalenija lejn idea nazzjonali waħda. U għall-Maltin? Nimmaġina l-Eurovision jaf ikun xi ħaġa hekk, minkejja li nkantaw bl-Ingliż, iżda huwa evidenti li jingħaqdu l-Maltin ta’ kull kredu u saff bit-tama li għad nirbħu u bid-diżappunti u r-rekriminazzjonijiet varji li ġġib magħha kull disfatta.
Ir-rakkonti ta’ Vassallo jimxu wkoll mal-idea ġenerali tal-kultura ta’ Gramsci għaliex miktubin minn ottika organika, fis-sens li l-ħassieb u l-kittieb jitlaq minn postu kif magħġun intimament mal-poplu u l-interazzjoni miegħu. L-awtur jaf dak li qed jirrakkontalna għax għexu u ħa sehem fih, anki kif naraw mill-impenn Kattoliku attiv tiegħu li jlewwen il-viżjoni kumplessiva tal-ktieb mingħajr ma jeskludi jew idarras bl-imperattivi moralistiċi. Preċiżament għaliex il-viżjoni tibda minn ġewwa (jew minn ħdan) u minn taħt, u għalhekk tista’ tiġbor anki lili magħha, fost bosta oħrajn.
Vassallo l-Malti jiġih naturali daqs il-ħeffa li biha jirrakkonta. Malti idjomatiku bla sforz li jimxi id f’id ma' rakkont ġenwin li lanqas m’għandu bżonn il-kutrumbajsi jew l-arroganza stilistika biex jasal fejn irid. Huwa rakkont ta ’xi ħadd li tkun lest tisimgħu, kważi sieħeb dik li jgħidu dwar meta awtur tkun trid issir ħabib tiegħu tant tkun qed tieħu gost taqrah. Ħabib, jew almenu konoxxenti, li tista’ tidħol minnufih f’kunfidenza miegħu, mingħajr ma jkollok tħejji ruħek għal xi taqbida bejn l-imħuħ ma jafdawx lil xulxin.
Tista’, fil-fatt, tistrieħ, tinża’ għal ftit mill-armatura, u taqra xi ħaġa li hija, wara kollox, int. Li tagħrafha, anki meta mhijiex tiegħek għalkollox, u li tapprezzaha, għaliex b’xi mod missejtha jew tmissha. Mhijiex ħarsa nostalġika dik ta' Vassallo: xejn affattu. Huma memorji ta’ individwu, validi daqs kull memorja oħra, imma li dak li jkun jieħu l-intrigu li jagħtihom sura u jxerridhom mal-oħrajn. Forsi anki biex jagħmel sens mill-memorja, mill-ħajja, u minn biċċa mill-vjaġġ li ntemm u li għandu bżonn jingħata ċertu ordni, sens, tifsira.
Il-pubblikazzjoni ntbagħtet lir-reċensur mill-Kite Group.