Kotba | Għali dejjem
Mark Vella se jieħu tikka pawża mill-qari u r-reċensjoni tal-kitba għaż-żgħażagħ. Mhux għax dejquh...xejn affattu. Anzi, ilu ġimgħat intrigat mill-offerti l-ġodda tas-suq Malti, imma Noti Blu ta’ Jacqueline Mizzi u Mitt Elf Isem Ieħor ta’ Lon Kirkop issa jistednuh biex jieħu nifs u jirrifletti bis-serjetà
Kemm jarralna meta naħsbu li ż-żminijiet ibiddluh lill-bniedem! Jew meta nimmaġinaw nostalġikament, li l-hena u l-ordni kienu darba xi mkien ieħor, fuq gżira mbiegħda li ċ-ċpar taż-żmien ħbihielna għal dejjem, ħlief fil-memorja daqstant imċajpra. Forsi dil-ħaġa tgħallimhielna l-arti wara kollox, u minn fostha l-letteratura, li l-bnedmin u l-aspirazzjonijiet u l-passjoniiet tagħhom ilhom hekk minn ewl id-dinja, kif anki nistgħu naqraw fl-eqdem u l-ibgħad opri.
Jaf huma biss mumenti epokali fejn forsi tista’ tara li l-bniedem evolva f’xi ħaġa oħra tassew, bidla li forsi ssibha xi mkien fil-fond tal-kobba ġenetika. Aktarx, però, dan il-bniedem statiku, li għadu jixbah fundamentalment lil Adam u Eva qabel il-Waqgħa, u lil uliedhom wara li l-Għeden ma baqax, jaf jinbidel mill-ambjenti u ċ-ċirkostanzi li jkun jinsab fihom, mill-iżviluppi ’il barra minnu—storiċi, soċjali, teknoloġiċi u l-bqija — u li fihom jinnegozja b’mod differenti l-istinti essenzjali tiegħu.
Għax bħal f’Noti Blu (Horizons, 2021) ta’ Jacqueline Mizzi, in-nostalġija tiegħi ċċarat u ħassejtni żagħżugħ ta’ dejjem nara li t-tfal ta’ żmienna mid-dehra għadhom jibagħtu d-dikjarazzjonijiet anonimi tal-imħabba u jibqgħu xorta l-fatati mxennqa minkejja l-konnettività li tiġihom naturali lin-nattivi diġitali. Jien ukoll darba kont żerżaqt ittra taħt bieb tfajla li qatt ma kelli kuraġġ inkellimha wiċċ imb wiċċ, u tajtha appuntament fejn il-funtana l-Belt, bħal ma jiġri f’dan ir-rumanzett ċarament intenzjonat għal udjenza żagħżugħa. Il-friefet itiru mġienen fl-istonku ġegħluni noħroġ mid-dar sagħtejn qabel u nimxiha mill-Balluta sal-Belt, fejn dit-tfajla naturalment ma dehritx. U forsi sewwa għamlet. Insomma, jekk qed taqra, jien kont!
Daż-żmien m’hemmx bżonn ittri u bolli u envelopes. Għamilt ħabta ngħir fl-istess ħin li nifraħ għalihom liż-żgħażagħ li jgħixu f’dan iż-żmien fejn m’hemmx bżonn taqbad it-telephone li dejjem werwirni u kien jispiċċa jżommli lsieni. F’età adulta, jien ukoll gawdejt mill-ħeffa ħafna aktar milli relattiva li titfa’ l-lixka permezz ta’ messaġġ elettroniku, ħaġa li kien ġa rreġistraha kittieb bħal Immanuel Mifsud huwa u jirriproduċi ċ-chats tal-IRC b’font Courier New f’ ‘kont ħsibt li l-fjuri kollha kienu mietu’ (L-Istejjer Stambi ta’ Sara Sue Sammut). Imma ta’ tfal mod ieħor, u l-insidji huma kbar: mhux biss il-faċilità tal-anonimat u qerq ta’ kull tip, iżda l-pass lil hinn fix-xagħri mhux magħrufa tal-identità.
Il-ktieb ta’ Jacqueline Mizzi jaf jinżel għasel maż-żgħażagħ: l-impressjoni li jagħtini hija li Mizzi, bħala edukatriċi professjonista, anki fil-qasam tal-gwida personali, ħafnet sew il-lingwaġġ tal-udjenza tagħha u taf dwar xiex qed titkellem. Mhux biss l-esperjenzi, li donnhom il-laqgħa ideali bejn dak li ilu jsir għal ġenerazzjonijiet sħaħ u l-mod kontemporanju bit-twieqi tal-Messenger u bin-noti blu mwaħħlin mal-lockers, imma wkoll b’Malti produttiv, potenzjali, u għadu jferfer ħaj kemm trid (minkejja kulma jgħidu) u l-islang ġenerazzjonali li jiġi jitmellaħ mill-puriżmu u jidħol kexxun fir-realiżmu tad-djalogi u n-narrazzjoni. Imma, lil hinn minn dan, għandu valur pedagoġiku mhux ta’ min jarmih, sew għall-ġenituri u l-għalliema, imma wkoll għal min irid jiftaħ twejqa, ċkejkna kemm hi ċkejkna, biex jifhem il-motivazzjonijiet tal-ġenerazzjoni l-ġdida.
It-teknoloġija l-ġdida li taqleb kollox ta’ taħt fuq tissejjaħ, f’termini tekniċi, disruptive. Distruttiva, mhux għax tkisser kull m’hawn, imma għax tassew tbiddel il-modi stabbiliti ta’ kif ninnegozjaw ir-realtà. Bħalma t-televiżjoni mmarkat ġenerazzjonijiet qabilna, l-elettroniku qed iħarbat, f’dan is-sens, lilna lkoll, minn dak li twieled fina bħala default, sa min għadu jxoqq l-għaraq għalih fil-ġunġla tal-pjattaformi u l-imperattivi kontinwi tal-like send subscribe. F’Mizzi, din id-dinja għadha waħda maniġġabbli, fejn donnu l-bidla tal-komunikazzjoni ma tirkibx fuq storja b’saħħitha għax tipika: l-ewwel namur żagħżugħ, l-għira u t-tqabbil li jwasslu għall-ewwel klassifikazzjonijiet, u l-passjonijiet u l-pressjonijiet varji tal-iżvilupp adolexxenzjali.
Imma wkoll il-fatati jduru madwarna, bħal Gordon li jinten seba’ pesti, u jżiġġ u jfeġġ fl-istorja bħala figura inkwetanti, daqs il-persunaġġi reali li bħalissa qed nisimgħu dawrhom fl-aħħar aħbarijiet. Din il-preokkupazzjoni, issuġġerita minn Mizzi, tiġi żviluppat b’intensità ttarrax minn Lon Kirkop (Marlon Chircop) f’Mitt Elf Isem ieħor (Merlin Publishers, 2021), rebbieħ tal-edizzjoni 2020 tal-Konkors ta’ Kitba – Letteratura għaż-Żgħażagħ. Ismu miegħu, dan il-ktieb huwa essenzjalment l-istorja ta’ identitajiet virtwali li jistgħu jinbidlu u jiġu mmanipulati kif ġieb u laħaq. U dan ir-rumanz għandu natura online daqs kemm tal-karta li nqallbu aħna u naqrawh, u forsi l-proġett grafiku stupend ta’ Kirkop u l-Merlin kien meħtieġ biex jikkonkretizza storja li essenzjalment isseħħ fuq livell ċibernetiku, bejn videos fuq YouTube, fastidju fuq Instagram, u l-messaġġi jżiġġu minn naħa għal oħra.
F’din il-ġrajja tal-identitajiet, il-leħen ġdid ta’ Kirkop jirnexxilu jsemma bil-qawwa d-dilemmi ta’ min jgħix il-biċċa l-kbira ta’ ħajtu f’dimensjoni elettronika li xejn mhi innokwa. Naħseb huwa ovvju meta naraw x’jgħaddi fuq il-pjattaformi soċjali, jew inkella, biex insemmu dak li jidhirli eċċezzjoni tat-twerwir u li għadni ma nistax naqbad tarf tiegħu, il-fenomenu tal-ħammallaġni u l-imbeċillità grassa fuq it-TikTok. L-awtur jirnexxilu jbill subgħajh kemm hemm bżonn fil-fond oskur ta’ din id-dinja ġdida u potenzjalment tat-tkexkix, bil-profili foloz, l-assassinju spreġudikat u ardit tal-karattru, u l-isplużjoni tad-dismorfija żagħżugħa. Fejn f’Mizzi għaraft l-isfidi adolexxenzjali ta’ żmieni, kemm kemm tradotti u aġġornati għall-ġurnata tal-lum, f’Kirkop inkwetajt dwar il-mostri ġodda li qed ifeġġu f’ħajjet iż-żgħażagħ.
Mitt Elf Isem Ieħor rumanz ikkalibrat b’qattara preċiża, bi żvolti sottili iżda sorprendenti li jmexxu l-istorja ’l quddiem lejn epilogu essenzjalment traġiku u li jibqa’ bla riżoluzzjoni. Il-karattru ta’ Manda jikseb il-konkretezza fiċ-ċirkostanzi li jinsab fih, mit-tbarrija soċjali miċ-ċrieki tal-eliti (jaf xi mkien ieħor isibuhom bħala perfs, jew inkella l-‘perfetti’ li tant jobogħdu l-incels) sa ċirkostanzi familjari tant identifikabbli. Is-sinċerità ta’ Kirkop, kif ukoll il-polz fuq id-dinja li qed jiddeskrivi jidhru wkoll mill-mod skjett kif tiġi ppreżentata l-ħajja ta’ Manda hija u tissielet ma’ dinjiet li ma tistax issib tarfhom: il-familja, l-iskola bħala dik il-metafora letterarja tal-ħajja (kważi Għeden mhux utopiku qabel il-waqgħa fid-dinja ikreh tal-adultezza) u x-xewqa li tkun xi ħaġa oħra.
U, fl-aħħar, l-identità. Il-mod kif inħarsu fil-mirja li issa saru kotrana, ikellmuna lura, u li anki nistgħu neħduhom f’idejna biex ngħawġuhom skont il-ħtieġa. Mirja li mhumiex biss ir-rifless tagħna weħidna, bejnna u bejn ruħna, imma anki s-soċjetà li tilma minn riflessjoni waħda fl-oħra fl-oħra sal-infinit, f’geġwiġija ta’ ilħna u b’ħeffa miċidjali, fejn l-insult akkanit u l-istinti tal-merħla jinġabru u joktru b’effetti dejjem aktar qerrieda.
Ikolli ngħid li ma ngħirx wisq għaż-żgħażagħ issa. Forsi anki għax dir-realtà tal-perikli elettroniċi ma hija xejn ħlief adultezza prekoċi, innoċenza ġa mitlufa, dik li għalina l-kbar saret bla ma rridu l-ħobż ta’ kuljum, malli niftħu għajnejna kemm biex naraw l-aħbarijiet sa għal min il-mobile sar estensjoni ta’ ġismu. Imma ngħir xi ftit, forsi, għall-kittieba l-ġodda, li bosta minnhom għarfu jaqbdu l-barri minn qrunu, u kapaċi jinterpretaw żminijiethom b’kuraġġ, effettività preċiża u, għala le, anki b’dik id-daqsxejn ta’ eleganza.
Dil-paġna qed tiġi ppreżentata lilkom mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb