Kotba | Desiderata
Mark Vella jiskopri dinja kbira u ġdida fil-bijografija kważi rumanz ta’ Peter Serracino Inglott, miktuba minn Daniel Massa. Għaxar snin mill-mewt ta’ dan il-ġgant intellettwali, dan il-volum huwa qarja essenzjali għal analiżi mod ieħor ta’ kif jintrabtu l-ħsieb u l-għemil attiv fl-istorja politika u soċjali moderna ta’ pajjiżna.
Intbaħt kemm ma kont naf assolutament xejn dwar Peter Serracino Inglott. Ilħaqtu ta’ student xieref għadu qed jibda jitgħallem il-ħajja – x’aktarx it-trawma moħbija tal-istudent tipiku Malti relattivament immatur fil-waqt tal-qabża għall-istudji terzjarji. Fr Peter, li bosta kellhom bokka bih (speċjalment ta’ persważjoni politika speċifika), u li kliemu kien qisu deheb maħlul, għalija kien ir-Rettur distanti, surmast plenipotenzjarju, magħruf għall-intelliġenza u l-kultura enormi tiegħu (Massa jazzarda l-opinjoni li kien l-aktar intelliġenti fil-Mediterran!), imma wkoll persuna li, x’aktarx minn wara l-kwinti, kien strumentali għal ċertu destini kruċjali tal-pajjiż.
Il-bijografija voluminuża u monumentali ta’ Daniel Massa żgur tagħmel ġustizzja għal din il-figura intellettwali importanti ta’ żmienna. Irriċerkata bi profondità u kważi b’fittaġni, kapaċi tinqara bħal rumanz, għaliex flimkien mat-tagħrif annotat u d-djalogi ma’ PSI stess, il-bijografu jirnexxilu jirrumanza bosta waqtiet emblematiċi mill-ħajja tal-‘Patri l-Aħmar’. Hija bijografija b’kapitli, simili għal ta’ Montebello dwar Mintoff, intitolati ‘Life as...’, b’kull taqsima b’nom abbinat, bħal ‘djalogu’, ‘vjaġġ’, ‘pellegrinaġġ’, fost oħrajn. Kważi kważi, isem samm għal kull fażi ta’ ħajja mgħejxa b’mod importanti, fejn kull pass li jittieħed huwa meqjus u maħsub fi ħdan għan u viżjoni bil-wisq akbar. Ma’ din, żid l-intimità li kellu Massa ma’ PSI, u jispiċċa f’idejk volum ta’ analiżi umana għall-aħħar ta’ bniedem imwassal fil-kumplessità kollha tiegħu.
Bħalma ma lħaqtux lill-PSI, u kelli biss l-idea ta’ persuna għalija inkomprensibbli dak iż-żmien, li jgħix f’razzett l-Università u li kellu l-ambizzjoni jsir buffu tal-kummiedja, ilħaqt lil bosta minn dawk li għallem u li influwenza. PSI kien tista’ tgħid dak li fforma l-ġenerazzjoni tal-intellettwali ta’ era li issa donnha għaddiet, u li mhux li reġgħet iġġeddet b’xi ferment qawwi. Minkejja kull dibattitu dwar l-effettività konkreta tal-Maltin ħassieba, jew almenu ta’ xi wħud minnhom, figuri bħal PSI donnhom m’għadhomx moda, f’dinja ġdida ta’ xbihat u frak ta’ kliem u kunċetti li jaslulna bla heda f’kawlata superfiċjali u spiss insidjuża. Serracino Inglott, imbagħad, huwa mudell ta’ Malti deżiderabbli għall-aħħar, tant li anki s-superjuri tiegħu u l-ambjenti klerikali donnhom rawh bħala patri li ma kellux isir, medhi kif kien bi Franza u l-filosfi tagħha, u kull meta jinżel Malta jiġi biex jittanta jbiddel xi ħaġa mill-qiegħ.
Malti ta’ kultura wiesgħa, li ma jibżax idaħħal l-ideat tad-dinja lura fi gżirtu, u li kważi kważi jaġġornaha waħdu, kif naraw minn bosta strutturi universitarji li llum neħduhom bħala fatta imma li kien strumentali li ħoloqhom hu wara li jitilgħu n-Nazzjonalisti fl-1987 u tingħeleb anki l-ħakma kontroversjali Mintoffjana fuq it-tmexxija tal-edukazzjoni terzjarja. Il-bijografija ta’ Massa tidħol fil-fond f’kull aspett ta’ ħajjet Serracino Inglott u tista’ tinqara minn diversi angoli: tagħfas ħafna fuq l-aspett spiritwali ta’ patri li l-kullar jaf sabu skomdu imma li kien kapaċi jilbsu bix-xieraq filwaqt li jibqa’ ħieles u ħassieb. Huwa l-ħsieb, fil-fatt, li jiddistingwih minn oħrajn tal-keffa tiegħu: il-kapaċità spikkata tal-analiżi u tad-diversi modi kif wieħed jista’ jħares lejn il-ħajja u l-isfidi tagħha, sakemm toħroġ sinteżi, saħansitra prattika, li twassal għas-soluzzjoni u l-innovazzjoni.
Deżiderabbli wkoll fil-mod kif kien kapaċi jinterpreta l-istorja u sa ċertu punt ikun fuq in-naħa t-tajba tagħha, f’sens li l-parteċipazzjoni soċjali tiegħu diffiċli biex tagħtiha tikketta li ma titħarrikx. Minkejja l-assoċjazzjoni storika tiegħu mal-Partit Nazzjonalista fil-ġlieda epokali ma’ Mintoff, naqraw storja interessanti għall-aħħar ta’ ingaġġ strateġiku li jibda mill-intellett u l-prinċipju, aktar milli mit-tattika. PSI Kingmaker, dak li donnu jżomm l-ispag f’idu biex imexxi l-marjunetti politiċi, joħroġ illum bħala annimal stramb, l-aħħar tal-ispeċi qabel l-estinzjoni li wasslet għall-evoluzzjoni tal-ispin doctor. Il-kontribut tiegħu għat-tiġdid tal-PN huwa l-ewwelnett ideoloġiku, fejn wassal partit storikament meqjus bħala tradizzjonalisti u tal-elit biex jimxi lejn forma ġdida ta’ demokristjaniżmu xellugi, u b’bosta termini u kunċetti, bħal nagħtu każ ‘id-djalogu’, li saru parti mill-vokabolarju politiku Malti. Għadx għandhom piż illum dawn il-kunċetti, imbagħad, diskors ieħor.
L-intellettwalità klassika ta’ PSI setgħet għamlitu karikatura: l-eċċentriku li ma tantx jafda l-ilma u s-sapun (ħelwin l-anedotti dwar it-tfulija li Massa jinseġ dwar ir-relazzjoni ta’ PSI mal-indafa), moħħu mxerred, u dejjem jasal tard. Imma toħroġ intellettwalità li madankollu taf tissarraf sew fl-istrateġija, it-tmexxija, u l-ħażen ta’ xi ħadd li minkejja jidher medhi fil-kotba u fil-ħsieb, kapaċi jmidd idejh biex joħloq u jwettaq. U fl-aħħarnett, xi ħadd li ried jipprova jifhem lill-ieħor. Serracino Inglott joħroġ bħala xellugi anki fil-ħidma pastorali tiegħu, u hija żviluppata b’mod interessanti ħafna r-relazzjoni li seta’ kellu max-xellug, u mbagħad mal-Mintoffjaniżmu: kien diġà għaraf l-eċċessi ta’Gonzi u sehmu fl-Interdetti, inkluż dak tal-1930, u kien lest jiddjaloga ma’ Mintoff fil-każ tar-riforma universitarja maħsuba tajjeb u mwettqa b’mod diżastruż.
Fl-għaxar anniversarju mill-mewt ta’ Serracino Inglott, jixraq li niċċelebraw moħħ u kuxjenza rari għal pajjiżna li, lil hinn mill-inklinazzjoni politika-partitika, taw xhieda ta’ kif nistgħu nkunu lil hinn minn dak li naħsbu li aħna kkundannati li nkunu. Mhux biss, imma ta’ min jiġi ċċelebrat mudell intellettwali li jgħaqqad il-ħsieb mal-prassi u li ħajtu hija xempju ta’ esperjenza mgħejxa u mhux moħlija, imsoffija sal-mudullun essenzjali tagħha. Jaf m’għadux moda dan il-mudell, speċjalment f’dawn iż-żminijet ta’ bosta eroj instantanji jew dubjużi, imma s-soċjetà tagħna żgur għadha għatxana għal figuri bħal dawn.