Kotba | Iċ-ċpar tal-gwerra
The Front Page on the Front Line (Midsea Books, 2022) jittratta l-gazzetti Maltin fit-Tieni Gwerra Dinjija, iżda mhux biss. Ktieb affaxxinanti li, anki bla ma jrid, jiskatta ħemel kunsiderazzjonijiet u mistoqsijiet dwar perjodu formattiv għan-nazzjon modern Malti.
Ix-xogħol ta’ Martin Debattista mill-ewwel ħatafni. Jitkellem l-ewwelnett dwar żmien li jinteressani, iżda lil hinn mill-preferenza personali, huwa mument storiku kruċjali biex niftiehmu fiex qegħdin bħalissa. Anki jekk it-Tieni Gwerra u ftit qabilha huma lbieraħ, jew saħansitra lbiraħtlula għal dejjem aktar uħud, huma l-waqt fejn in-nazzjon beda riesaq malajr lejn maturità li ratu jittanta jqum fuq saqajh u jimxi għal rasu, bl-aċċessorji kollha li dan iġib miegħu: il-partiti politiċi u l-konfront bejn il-klassijiet, l-influwenzi li jisseddqu biex itulu fiż-żmien, u anki l-miti dwar l-istess nazzjon.
L-angolu meħud mill-kittieb huwa affaxinanti, iżda wkoll diffiċli fih innifsu, u nara li mhux dejjem faċli tinnegozja suġġett li ġa hemm letteratura kotrana dwaru u l-intenzjoni ma tkunx preċiżament li żżid aktar ma’ dan il-korp ta’ xogħol. Imma Debattista jirnexxilu jgħaqqad il-professjoni ġurnalistika mal-interess fl-istorja, u donnu jħares lejn il-ġrajja kbira mis-serratura ċkejkna ta’ dar madankollu mill-kbar nett. The Times, il-ġurnal tal-memorja, isir iċ-ċavetta għall-ftuħ ta’ bibien oħra ta’ kull xorta: l-ewwelnett, il-ħarsa kritika lejn il-mitoloġiji neċessarji tal-gwerra kif imwassla mill-ġurnaliżmu, iżda wkoll analiżi tal-poteri differenti taż-żmien u l-influwenzi differenti li jissieltu biex ivinċu.
Minkejja li The Times u l-istorja ta’ Mabel Strickland bħala eminenza griża huma l-qalba tax-xogħol, il-ħarsa kumplessiva ta’ Debattista titfa’ dawl fuq dinamika akbar ta’ xenarju ta’ interessi, fost l-oħrajn dak tal-ġlieda għall-imħuħ min-naħa ta’ dinja editorjali attiva. Il-gwerra kellha tiġi miġġielda anki bl-ideat, u l-viżjoni Stricklandjana kienet tant essenzjali għall-Imperu li Mabel issir spiss il-fus li madwaru jkollhom iduru l-ġrajjiet importanti. Taħdem għal missierha, taf lil min għandha tkellem Londra, u saħansitra tikseb is-setgħa biex tneħħi Gvernatur dgħajjef li ma kienx qed jagħmel biżżejjed għall-isforz tal-gwerra u għall-moral ġenerali tal-popolazzjoni. Mabel u l-iskwadra tagħha li jlaħħqu, anki taħt ħbit wara l-ieħor tal-għadu, mhux biss mar-rappurtaġġ tal-gwerra, iżda anki b’xi mod jimmodifikaw in-narrattiva, sew għall-missjoni kontra għadu waħxi, imma anki sabiex b’xi mod ċerti affarijiet jibqgħu kif inhuma.
F’dan il-konfront intellettwali u propagandistiku, jiltaqgħu t-tliet erwieħ Maltin moderni: l-Imperu, l-istampa filo-Taljana u Nazzjonalista u l-idejn editorjali tal-Knisja. Ir-rakkont ta’ Debattista dwar il-ġurnaliżmu pro-Taljan jagħti kuntest xieraq u b’xi mod differenti minn tas-soltu dwar dan il-fenomenu politiko-kulturali li jmut wara l-internament tal-Uganda, u donnu qatt ma ġie studjat fil-fond li jeħtieġ, l-aktar minħabba s-sensittività politika tiegħu li spiss tirriduċih għall-iskemi dikotomiċi tas-soltu. Min-naħa l-oħra, ir-rwol ta’ Leħen is-Sewwa juri Knisja maqbuda fil-kontradizzjoni, fejn il-qrubija mal-konservattiviżmu Nazzjonalista u, b’estensjoni perikoluża, mal-Faxxiżmu u n-Nażiżmu, ikollha, anki għall-konvenjenza, tiddikjara l-fedeltà lill-Imperu.
Din tal-aħħar fost l-aktar li laqtitini f’dan il-ktieb, għaliex tiftaħ qasam li rari jiġi ttrattat. Il-Knisja tinftiehem ukoll bħala bastjun tal-konservattiviżmu li jġerragħ lill-Ingliż b’diffikultà. Imsikkta politikament, anki mill-intervent neċessarju fuq l-informazzjoni fi żmien kunflitt, tispikka fil-kruċjata kontra dik li qieset bħal mewġa ta’ immoralità, speċjalment fit-taħlit tan-nisa u l-irġiel fuq il-post tax-xogħol, u anki l-modi laxki tan-nisa fl-ilbies u l-irtokk, li hija wisq aktar politika minn kemm tidher. Dan l-aħħar, kelli żewġ okkażjonijiet niddiskuti ma’ Immanuel Mifsud suġġett li jħassibna t-tnejn: kemm l-awtur Malti, l-aktar in-narratur, rari kiteb dwar mumenti epokali li għaddiet minnhom is-soċjetà Maltija,
bil-kolonjaliżmu u t-Tieni Gwerra fost l-ewwel eżempji. Il-ħarsa lejn il-ġurnaliżmu Kattoliku mqiegħed f’dal-kuntest speċifiku għall-aħħar donnu jissuġġerixxi li r-reżistenza morali tal-Knsija setgħet satret ribelljoni idjosinkratika kontra l-kolonjaliżmu bħala anki żnaturar ta’ kuxjenza nazzjonali, mitika kemm hi mitika. U dan minkejja d-dipendenza assoluta fuq il-ħakkiem Brittaniku, speċjlkament fi żmien bħal dan. Interessanti, fil-fatt, żewġ ritratti ta’ ħarġiet ta’ Leħen is-Sewwa tal-1943, fejn l-artikolista jiddiskuti ċirkolari tal-isqof dwar il-qrubija soċjali dejjem tikber bejn in-nisa u l-irġiel, b’allużjonijiet pjuttost ċari għall-ġibda tal-uniformi li ma tistax tara dublett, u l-Ingliżati (fil-kliem u l-għemil) li qishom kalamita għat-telfien sew tal-identità sew tar-ruħ.
Lura għall-gwerra, għandu jiġi ammirat l-isforz ta’ Debattista, għaliex l-angolu tas-suġġett jisfida anki ċertu organizzazzjoni akkademika. Huwa ktieb dwar ħaġa, u dwar kull ħaġa oħra, bilfors: minkejja li xprunat mill-ġrajja ta’ The Times bħala n-narrattiva ġurnalistika dominanti, l-awtur spiss ikollu bżonn jispjega ħwejjeġ kuntestwali li jafu jissograw itellfu mis-suġġett ewlieni. Nagħtu każ, il-ġrajjiet tal-ispjunaġġ Taljan, l-istorja impreċiża tal-Faith, Hope and Charity, l-intriċċi tal-politika imperjali. Iżda Debattista jirnexxilu kontinwament jiġbed lill-qarrej lura għal dak li naħseb hu l-fil essenzjali tal-ġrajja: iċ-ċpar tal-gwerra, fejn xejn ma jibqa’ jidher kif tassew hu. Huwa ċpar siewi wkoll, u parti intriganti tal-analiżi ta’ Debattista hija dwar kif id-diffikultajiet spiss u evidenti li kienet qed tbati Malta u l-istat prekarju tad-difiżi tagħha, fil-biċċa l-kbira tort tal-Ingilterra stess, setgħu jinħbew u jiġu mmanipulati, sa ma saru ħamrija għammiela għall-bini tal-moral li kkontribwixxa mhux ftit għall-fidwa tal-pajjiż...u sussegwentement għall-miti li għadna ntennuhom sal-lum.
Kollox jitgħatta minn dan iċ-ċpar, u għalhekk dan il-ktieb huwa dwar kollox, ikolli ngħid b’gost kbir għall-kurżità intellettwali u għall-għatx għall-fatti u l-ġrajjiet. Mhux biss nifhmu l-mit tal-ajruplani żgangati li kellhom iħabbtuha mal-ewwel attakki, imma nitgħallmu wkoll dwar il-priġunieri tal-gwerra, it-tradiment u l-ispjunaġġ (trattament ieħor tajjeb minn Debattista dwar il-kwistjoni tal-quislings u r-rinnegati), jew inkella s-setgħa inkredibbli tal-karikaturi ta’ Alfred Gerada, ir-rappurtaġġ tale quale tat-Times kontra l-liċenzja narrattiva ta’ Il-Berqa, u kors ħafif f’kif jittellgħu u jitniżżlu kumissarji, gvernaturi u isqfijiet. Huwa ċpar li jfixkel u jagħmi, u aspett intriganti ieħor ta’ dan il-perjodu huwa l-mod kif The Times setgħet kienet ukoll strument ta’ ċensura, anki għar-raġunijiet tal-isforz għall-gwerra, iżda li kellu jkun iż-żerriegħa għall-iżvilupp tas-setgħa tat-tfassil tal-aġenda politika u soċjali li l-ġurnal baqa’ jkollu.