Il-kumpanija Ġermaniża CAP-Sounds tippubblika kanzunetti Maltin popolari fuq pjattaformi diġitali
20 silta oriġinali bil-Malti jiġu ppubblikata fuq kull pjattaforma diġitali fosthom Spotify u iTunes mill-kumpanija Ġermaniża CAP-Sounds

It-tieni kumpilazzjoni b'siltiet oriġinali bil-Malti ġew ippubblikati fuq kull pjattaforma diġitali fosthom Spotify u iTunes.
L-aġenzija CAP-Sounds, kumpanija bbażżata ġewwa l-Ġermanja, ħasset li l-portafoll mużikali bil-lingwa Maltija fuq il-pjattaformi diġitali kompla jikber u jiżdied. Kien għalhekk li ħasbet biex tniedi t-tieni kumpilazzjoni ta’ kanzunetti oriġinali bil-Malti.




Maltese Hits Vol II jinkludi fost l-oħrajn: iż-żewġ rebbieħa ta’ Mużika Mużika: Ħarsa Biss ta’ Glen Vella u Bla Tarf ta’ Kurt Calleja; ir-rebbieħa tal-aħħar żewġ edizzjonijiet tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza: Kuruni ta’ Ruth Portelli u Nifs ta’ Cherylis kif ukoll uħud mill-favoriti tal-pubbliku minn spettakli oħra ta’ kanzunetti oriġinali bil-Malti: Jien Ma Naħdimx ta’ Karen DeBattista, X’Jimpurtani ta’ MARA, Għażiż ta’ Danica Muscat, Ġmielek ta’ Claudia Faniello, Fjamma ta’ Fabrizio Faniello u Teżor ta’ Janice Mangion u George Curmi l-Puse’.
Tul is-snin, dik l-istess dar tad-diski kompliet tagħti sapport u sostenn lill-artisti Maltin tant li sentejn ilu nediet l-ewwel kumpilazzjoni diġitali bl-isem ta’ Maltese Hits b’kanzunetti bħal: Sal-Aħħar ta’ Fabrizio Faniello; Kewkba ta’ Janice Mangion; Ħolma ta’ Thea Garrett u Lest Ngħix Biss Għalik ta’ Glen Vella fost l-oħrajn.





Kemm ilha li ġiet ippubblikata din il-kumpilazzjoni, il-kanzunetti li ġew inklużi, ndaqqu aktar minn 300,000 darba b’semmiegħa minn pajjiżi varji, inkluż: l-Awstralja, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, Spanja, il-Finlandja, l-Iżvezja, l-Italja, u sintendi Malta.
L-20 kanzunetta tat-tieni volum tistgħu tisimgħuhom fuq Spotify, jew inkella tixtruhom minn fuq mezzi oħra tal-midja diġitali bħal: iTunes, Amazon Music jew Apple Music fost l-oħrajn billi tagħfsu hawn: https://bfan.link/maltese-hits.
Għal aktar informazzjoni dwar CAP-Sounds, inħeġġukhom sabiex tagħtu ħarsa lejn is-sit uffiċċjali tagħhom fuq: https://www.cap-sounds.de/