Kotba | Klassiku issa
Mark Vella jiġġennen wara l-aħħar rumanz ta’ Loranne Vella, Marta Marta (EDE Books, 2022). Għalih, klassiku instantanju u waqt ta’ maturità għal letteratura Maltija li issa tfarfret u kibret. Maturità li ġġib magħha responsabbiltà, tistabbilixxi mudell, u ttella’ tarġa oħra li minnha bilfors għandna nkomplu telgħin
Din is-sena fejn donnu r-rumanz nixef u għotor, sintomu ta’ kkalzrar kważi deliberat fis-sqaqien tat-tifsir, Loranne Vella ġa tiġbrilha ġieħha b’opra monumentali li twieldet klassiku, minkejja li mhux bilfors se tinqara fil-wisa’ inkella taf tkun għadma iebsa għall-qarrej mezzan. Mhux li huwa xi xogħol diffiċli jew inkomprensibbli: anzi, bil-kontra, jien u naqrah stħajjilt is-sorpriża li jistgħu jieħdu l-qarrejja insoliti, li kieku jiltaqgħu jew jitlaqqgħu miegħu, huma u jqaxxru pass pass it-tifsiriet ta’ din il-ġrajja unika. Bħal frotta tixpakka bil-meraq tat-togħmiet, tiggustaha mhux biss int u tigdmilha laħamha biex issoffilha kull tjubija sa tħalliha titnikker fuq ilsienek, iżda wkoll mill-proċess tattili int u ddawwarha f’idek sakemm tgħaddi biex tneżżagħha minn kull għata biex tasallek għerja lesta biex tittiekel.
Dal-pjaċir senswali huwa parti mill-appell ta’ Marta Marta, fejn il-kontroll perfett tal-materjal tagħha Vella ddewwaqulna b’ħila liema bħalha, mestier misnun li jdaħħlek fil-ġrajja u li jżommok sal-aħħar int u tiggosta d-dimensjonijiet varji tagħha skont ritmi li jvarjaw minn taqsima għal oħra. Dal-ktieb li jaf jinqara mill-ftit imma għad jasal għand il-ħafna għalissa anonimi huwa wkoll sforz impenn editorjali kuraġġuż. Vella, ġa maħruġa mill-Merlin u li kull pubblikatur lest jaħtafha, donnha li tat xogħolha esklussivament lill-EDE, waħda mill-friegħi għammiela tal-koperattiva kulturali Kixott, b’tali mod li jinħoloq il-paradoss ta’ ktieb importanti li jagħżel li jeħles mit-traġitti tad-distribuzzjoni kbira u kapillari, forsi għall-fatt li l-għama tal-monopolju Malti fuq it-tqassim tal-ktieb jaf ikun ironikament il-mewt immedjata tiegħu u ta’ kull tifsira misrura fiha. Dan il-kuraġġ editorjali, għalhekk, donnu jħalli l-ktieb jiżviluppa kif imiss, tista’ tgħid mingħajr ebda ħjiel ta’ impożizzjoni tkun liema tkun, u r-riżultat huwa tour de force ta’ bizzilla ta’ kitba imma anki ta’ xbieki kumplessi ta’ tifsiriet, f’tagħqida għalkollox ġdida għal-letteratura Maltija u ġa lesta għat-traduzzjoni u l-importazzjoni.
Għax lil hinn mill-fatt li dan ktieb għalkollox Malti, mhus biss għall-ambjentazzjoni ewlenija imma wkoll għall-ħakma inkredibbli ta’ lsien qadim li kapaċi jitlibbes l-iġded ilbies biex iġib ruħu fid-dinjiet kumplessi tal-lum, huwa wkoll volum universali u dinji, li meta taqrah issib lilek innifsek ma tistax tlissen ‘ta’ barra mod ieħor’, minkejja li jinqara daqs rumanz ‘barrani’. Donnu l-ilħiq ta’ maturità letterarja tant mixtieqa li fl-aħħar waslet, u int u tiflih tintebaħ li qed taqra xi ħaġa mikwija bix-xemx tiżreġ li ddettatlek ħajja tegħreq taħtha, iżda li ssir parti minnek minnufih minkejja li għandha minn ħwejjeġ li mhux bilfors tkun imdorri għalihom. Romeo Roxman Gatt, f’kumment fuq il-ħarsetta tal-ktieb, jissentizza lil Marta Marta bl-aħjar mod possibbli: “il-kors intensiv fil-femminiżmu li Malta tant kellha bżonn.” U nżid, kors aċċellerat, kważi l-impossibbli li jsir estremament possibbli u fattibbli b’Vella li tterraq tul is-snin tan-nixfa fil-leħen letterarja femminili li tassew jitkellem b’ilsienu, u tagħmel tajjeb għal dan id-deżert billi tippreżenta l-galvu li fuqu għad jissawru xogħlijiet oħra ta’ dan it-tip.
Ktieb femminista anki għax imur lil hinn mid-dikotomiji giddieba li spiss tista’ tistrieħ fuqhom l-esperjenza artistika tipika tal-mara li taħdem fi ħdan il-konfini politiċi u industrijali ddettati mill-irġiel jew mill-irġulija ideoloġika. Ffemminiżmu li jissentetizza l-ġlidiet storiċi li l-patrijarkat ironikament jikkonvinċi li n-nisa li huma biżżejjed u m’hemm għalfejn jiġġieldu għal aktar, li anki bħalissa narawhom espressi fil-karikatura tal-kwoti roża, id-drittijiet apparentement indaqs, u l-famuż tifrik tas-saqaf tal-ħġieġ f’ġieħ diversitajiet nominali li jibqgħu xorta qaddejja ta’ kapitaliżmu li ma jista’ għalih ħadd. Kisbiet ukoll tal-
femminiżmu Malti storiku, minkejja l-limitazzjonijiet ovvji tiegħu, li madankollu l-ġrajja ta’ Vella tissuperah bil-mewġiet ġodda tal-politika sesswali li, lil hinn mid-distrazzjonijiet tal-#metoo u tal-ġlidiet pronominali, jaslu għal analiżi profonda tas-sess u l-ġeneru minn kull angolu possibbli, fosthom dak politiku. Marta Marta huwa għalhekk kors li missu jkunobbligatorju, u li jaf jispjega għala, nagħtu każ, il-mara power dresser tmexxi bord irġiel illamtati, xorta waħda ma tistax tagħmel li trid b’ġisimha.
Il-kumplessità tas-suġġett puntwalissimu li taffronta Vella huwa wkoll iebes għalija bħala reċensur raġel, jien u nipprova ninża’ minn kulturi li writt, u li sikwit għamilthom tiegħi konxjament, jien u niddiskuti xogħol li ma’ kull paġna jitfa’ l-identità kulturali tiegħi f’dagħbien mill-kbar nett. B’xi mod, esperjenza li għaddej minnha wkoll jien u nittraduċi x-xogħol ta’ Irene Chias, Ezercizi di Sevizia e Seduzione (Mur Ġibek, Horizons 2022), sew għax marti li qed tħalli li tinqaleb minn żewġha, li huwa u jaħdem tant isib xebh skomdu mal-irġiel li l-karattru ewlieni tagħżel li tittortura biex turihom triq oħra għall-espressjoni tas-sesswalità kulturali tagħhom.
Fit-triq l-oħra li tieħu Vella, id-dikotomiji fissi, li huma anki għelm tal-kultura Maltija, ma jibqgħux sostenibbli, u ż-żewġ mhux biss ikollu jittellet, imma saħansitra jmur lil hinn mill-fissità tal-għadd u tan-numri, u jixpakka fi priżma ta’ possibiltajiet. Lil hinn mit-tielet sess, lil hinn mill-griż ta’ bejn l-abjad u l-iswed, kważi anki lil hinn mill-qawsalla LGBTIQ+. X’imkien fl-ispettru bejn il-mara bl-għenieqed r-raġel bil-bajd, hemm post anki għall-mara-raġel, il-kostruzzjoni unika Maltija li skomda tipprova ssolvi dan l-attakk fuq id-dikotomija, u s-sess u l-ġeneru, lil hinn mill-ġenitali u fejn misshom ikunu, jew il-proteżi tagħhom bħala kostum sinifikattiv tal-esplorazzjoni sesswali u tal-politika tas-sesswalità, jistgħu jibdew jinftieħmu bħala sensibbiltà u ruħ ingaġġata attivament f’qagħda soċjali definita.
Id-dar fejn isseħħ il-ġrajja ta’ marta għandha hi wkoll ruħ attiva, daqskemm għandha għajnejn, widnejtn u ħalq, u l-ġrajja tiftaħ u tiżviluppa anki skont it-traġitt ta’ din il-binja, organizzata skont il-prinċipju tal-beginaġġ Belġjan, li jilqa’ fih in-nisa biss u fejn l-irġiel jidħlu biss bi stedina, u li fil-bini tad-dinjiet ta’ Vella jitbandal fi sturdament eċitanti bejn istitut jew orfanatrofju tas-sorijiet għal burdell ta’ debuxxar ħieles u liberatorju li jieħdok lura għal de Sade u l-qċaċet tal-letteratura tal-erotiżmu sal-case tristi ta’ żmien il-Faxxiżmu Taljan li jitlaħħmu taħt is-sikkina misnuna tas-Salò ta’ Pasolini. F’din id-dar, tista’ taqra l-kotba kbar u ddandan l-ifejn drappijiet, filwaqt li tieħu sehem fit-teatrini miżgħuda dagħa gratwit li jserrħek daqs id-dagħwa bil-Madonna li tiġbor L’ora di religione ta’ Bellocchio. U f’din l-organizzazzjoni ġdida, lil hinn mis-sikkaturi tas-sens komun soċjali, jinbet rumanz polifoniku uniku, irrakkontat sew mid-dar sew mill-karattri ewlenin tiegħu, li jirnexxi wkoll bis-saħħa tal-fatt li l-ġrajjiet individwali, sew jekk narrazzjoni, monologu, jew saħansitra biċċa teatrali, huma maħdumin bħala mod li l-ħin kollu jinfurmaw lil xulxin hekk kif Vella tinseġ għanqbuta mill-ifjen u labirint li tixtieq tkompli tintilef fih, fejn it-tifsir iwelled kontinwament tifsir ieħor, mhux biss sempliċement għalih innifsu, imma anki bħala sejħa u pjan għall-azzjoni u għall-ħtif tal-ħajja.
Rumanz li huwa manifest, u li wkoll jintroduċi ħemel referenzi kulturali essenzjali, mil-letteratura femminista kontemporanjja sal-ħajjiet tal-qaddisin, li kontinwament ibaqqnu fil-ħitan taċ-ċertezzi akkwiżiti bi preċiżjoni u konsistenza, li xorta ma jdarrsukx bit-toqol jew b’xi kumplessità konxja minnha nfisha. Ktieb politiku li ma jippritkax, anki fil-mumenti fejn jgħaġġel biex jaġġornak b’bullettin storiko-politiku (parti mid-digest tal-kors aċċelerat) sabiex jikkonkretizza x-xbihat u l-poeżija tal-immaġini li tant tissensel b’ħila. U anki ċelebrazzjoni tal-ilsien u kull ma hu Malti, minkejja kollox, fejn, kif tgħid waħda mill-ilħna tar-rumanz, l-eżilju huwa l-bidu tal-ħelsien biex tibda tifhem min u x’int.
Hemm ħafna Vella f’dan ir-rumanz, l-aktar fir-rabta bejn il-Belġju u Malta, li t-tnejn huma dar l-awtriċi, kif ukoll fl-enfażi fuq l-element teatrali u performattiv, li huwa l-qalba ewlenija ta’ ġrajja li l-ħin kollu tissuġġerixxi li dik li tkun (u anki dak li jkun) isiru meta jittantaw jaħdmuha ta’ dak li mhumiex, ta’ dak li jixtiequ jkunu, ta’ dak li ma jafux li huma. Il-ġeneru huwa identità, għal darb’ oħra, li tmur lil hinn mill-bijoloġija apparenti, għalkemm marbuta sfiq miegħu, iżda li kapaċi timmaġina lilha nnifisha u toħloq potenzjali u eżiti infiniti. Hemm ukoll sfruttament inkredibbli tal-potenzjalitajiet tal-Malti, għal darb’ oħra l-attwalizzazzjoni tal-qedem tal-ilsien, l-aktar fil-mumenti tad-deskrizzjonijiet intensi ta’ ħwejjeġ bħal drappijiet u fjuri, ħbabat u għamajjar, u l-użu ta’ figura retorika li tant taffaxxinani, l-ipotipożi, jiġifieri d-deskrizzjoni mirquma jew inkella t-tfassil ta’ listi dettaljati b’vivaċità u rikezza tali li kważi tara x-xbiha tieħu l-ħajja u taqbeż lil hinn mit-tipa.
Hija l-ħajja li hija r-raġuni għala għandu jinqara dar-rumanz, huwa stess stedina għall-possibilitajiet qajla esplorati għall-ħajja li tant nixtiequ imma li ma jħalluniex ikollna, ħajja li tassew jistħoqqilna lkoll, tixpakka bil-ħelsien ta’ identitajiet esplorati u adottati bil-kburija u lil hinn minn kull skiel u lġiem.
Marta Marta jista’ jiġi akkwistat minn Kixott, 169 Triq il-Kbira, il-Mosta u mingħand Mallia & D’Amato Booksellers malliadamatobooks.com