Il-Palazz li qed tinħietlu libsa ġdida b’għożża u sengħa
Huwa wieħed mill-akbar xogħlijiet ta' restawr li qatt sar f'pajjiżna - dak tal-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta. Daniela Attard Bezzina minn Heritage Malta tagħti lill-qarrejja tal-ILLUM ħarsa qasira lejn dan il-proġett li se jiswa' €28 miljun...
Immaġina ftit. Gran Mastru jżanżan palazz f’belt ġdida bħala d-dar u l-uffiċċju tiegħu; il-post fejn jaħdem u jistrieħ, u jieħu d-deċiżjonijiet li minnhom tissokta tissawwar il-ġrajja ta’ ġensna. U issa kompli stħajjel ... il-paġġi għaddejjin b’ħidmiethom, il-qaddejja jbaħbħu l-art taċ-ċangatura, irwejjaħ ta’ ikel bnin itektek fil-kċina, iż-żahar tal-larinġ ifewwaħ fil-ġnejna, għasafar ta’ kull lewn jgħannu l-bidu ta’ jum ġdid fl-Uccelliera. Fi kliem ieħor, il-bidu ta’ vjaġġ li ra t-twelid ta’ dan iċ-ċentru tal-poter u lin-nazzjon Malti jifforma u jitrabba, jissielet u jissaħħaħ, jitgħallem u jiġġedded. Vjaġġ li s’issa terraq għal 450 sena li matulhom il-Gran Mastri nbidlu fi Gvernaturi u mbagħad fi Presidenti. Vjaġġ li jibqa’ sejjer sakemm tibqa’ tħabbat il-qalb ta’ dal-poplu.
Għal diversi xhur issa, il-bieb kbir tal-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta qed jinżamm magħluq għall-viżitaturi. Minnu qed jidħlu minflok ħaddiema mogħnija b’kull tip ta’ sengħa, u l-ħsejjes fis-swali nbidlu mill-għagħa ta’ turisti jitħaddtu b’kull lingwa għat-tektik u ż-żarżir ta’ għodod differenti u d-diskors eċċitat tal-konservaturi u l-kuraturi mal-kxif ta’ saffi qodma ta’ żebgħa fuq il-ħitan. Hekk twieled u kiber l-aktar proġett ambizzjuż li qatt daħlet għalih s’issa Heritage Malta, megħjuna minn fondi tal-Unjoni Ewropea – il-proġett tar-restawr tal-Palazz tal-Gran Mastru, li meta jitlesta se jagħti lill-viżitatur esperjenza tal-palazz differenti għalkollox minn dik ta’ dari.
Issa se tkun tista' tgawdi 85% tal-Palazz...
Qabel ma ngħalaq għar-restawr, il-Palazz tal-Gran Mastru kien l-aktar sit ta’ Heritage Malta li jżuruh nies, b’madwar 200,000 viżitatur kull sena. Il-viżitaturi setgħu jidħlu fl-Armerija fis-sular ta’ isfel u f’ħames swali fil-Piano Nobile. B’kuntrast ma’ dan, meta l-palazz jerġa’ jinfetaħ, il-viżitatur se jkollu aċċess għal aktar minn 85% tal-binja, li jammontaw għal 25 kamra jew spazju differenti, grazzi għall-proġett li għaddej bħalissa.
L-ewwel fażi tal-proġett mistennija titlesta fix-xhur li ġejjin. Fi tmiem din il-fażi, l-Armerija se tkun ittieħdet lura fejn kienet oriġinarjament sa mill-1605, jiġifieri fis-sala fejn sa ftit snin ilu kien jiltaqa’ l-Parlament; se jkunu ġew restawrati l-kurituri tal-Piano Nobile, inklużi l-pitturi tas-suffetti li ħallielna b’wirt l-artist Niccolò Nasoni kif ukoll l-art tal-irħam interzjat; se jkunu ntemmu x-xogħlijiet fl-Uccelliera, fejn qabel kien hemm l-Uffiċċju tal-Ispeaker; u se jkun tlesta ċentru tal-viżitaturi fl-inħawi magħrufa bħala Casa del Monte (li kien l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali) u l-post fejn dari kien hemm ġnejna tal-larinġ.
Sadanittant għaddej ukoll xogħol ta’ restawr fis-swali statali u l-Uffiċċju tal-President, kif ukoll fil-btieħi tal-palazz. Fl-aħħar nett se jiġi riabilitat ukoll is-sular ta’ taħt l-art.
Fit-totalità tiegħu, il-proġett tar-restawr tal-Palazz tal-Gran Mastru hu stmat li se jiswa madwar €28 miljun. L-ewwel fażi tal-proġett qed tiġi kofinanzjata mill-Unjoni Ewropea bħala parti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għas-somma ta’ €10 miljun, filwaqt li l-fażi suċċessiva, li se tiswa madwar €18-il miljun, se tkun iffinanzjata mill-Gvern Malti. Il-proġett kollu għandu jkun komplut sas-sena 2025.
Sejba interessanti
Kif jispjega Emmanuel Magro Conti, Kuratur Anzjan ta’ Heritage Malta għal Palazzi, Fortizzi u Kollezzjonijiet Militari, għalkemm saru studji u riċerki fil-fond li jgħinuk tbassar x’se ssib int u għaddej bix-xogħol ta’ restawr, xorta waħda kien hemm sorpriżi li ġabu magħhom eċċitament u sodisfazzjon, bħall-iskemi ta’ lwien moħbija taħt saffi fuq saffi ta’ żebgħa mal-ħitan.
Sejba interessanti li saret dan l-aħħar tinvolvi t-taraġ li hemm fuq il-lemin malli tidħol mill-bieb ewlieni tal-palazz f’Misraħ San Ġorġ – ġmiel ta’ taraġ mibni għat-tond lejn tmiem is-seklu 16, fi żmien il-Gran Mastru de Verdalle. Fi żmien l-Ingliżi kienu saru diversi bidliet f’dan it-taraġ, fosthom li nkesa bl-irħam u ngħalqu aperturi li kienu jħallu d-dawl jidħol dirett fih.
Skont l-arkitettura tipika ta’ meta nbena, fi żmien il-Kavallieri, it-taraġ suppost jinkludi funtana. Iżda waqt ix-xogħlijiet ta’ restawr li għaddejjin bħalissa, fil-post fejn tipikament kien ikun hemm funtana nstabu għadd ta’ turġien minflok. Dawn it-turġien, donnhom magħmulin apposta biex fuqhom jitqiegħdu l-qsari, aktarx li saru fil-perjodu Ingliż. Għalhekk xorta waħda għad hemm il-possibbiltà li tinstab funtana li tmur lura sa żmien il-Kavallieri – prospett li ma jidhirx remot wisq billi qrib it-turġien instabu balavostri mkissrin li huma ta’ żmien de Verdalle u li kienu nbidlu b’oħrajn tal-irħam.
L-Armerija lura f’postha
Kif imsemmi aktar ’il fuq, bħala parti mill-proġett tal-Palazz tal-Gran Mastru, l-Armerija se tittieħed lura fis-sala oriġinali tagħha wara kważi 50 sena. Bi tħejjija għal dan, sar xogħol strutturali estensiv fis-sala wara li din ma baqgħetx isservi biex fiha jiltaqa’ l-Parlament. Dan kien jinkludi t-tneħħija ta’ strutturi li ġew miżjuda matul is-snin; it-tiswijiet kollha meħtieġa; u r-restawr tal-ħitan, is-soqfa, is-suffetti u l-art.
Saret riċerka fil-fond biex l-Armerija l-ġdida tkun tixbah kemm jista’ jkun lil dik oriġinali, inkluż l-iskema ta’ kuluri fuq il-ħitan u l-mod kif l-artefatti kienu esebiti oriġinarjament. Inventarju li sar fl-1969, meta dawn l-artefatti kienu ġew dikjarati bħala ta’ interess mondjali, ġie kkonsultat b’mod estensiv f’dan ir-rigward. Biex l-artefatti ta’ mal-ħitan jiddendlu fil-panewijiet eżatt bħalma kienu qabel, se jiġu proġettati ritratti fuq il-ħitan li permezz tagħhom se jiġi ffrankat ħafna ħin filwaqt li l-oġġetti jitqiegħdu f’posthom bl-aktar mod preċiż possibbli.
Ta’ min isemmi li l-Armerija l-ġdida se tintroduċi mill-ġdid element li kien ilu nieqes minnha mal-200 sena, jiġifieri l-pitturi li kienu jżejnu l-ħitan tal-Armerija fi żmien il-Kavallieri. Dawn il-pitturi issa se jerġgħu jinġabru taħt saqaf wieħed wara li kienu tferrxu f’postijiet differenti, għat-tgawdija tal-viżitaturi – li qabel setgħu jaraw biss pittura li turi xena tal-mewt ta’ Dragut.
Billi l-Armerija baqgħet miftuħa għall-pubbliku sa ftit ġimgħat ilu, fil-post fejn kienet fis-sular ta’ isfel tal-palazz, bosta artefatti – fosthom oġġetti kbar bħal kanuni – għad iridu jittellgħu fis-sala l-ġdida fis-sular ta’ fuq. Sadanittant għaddej ħafna xogħol minn ħaddieda u mastrudaxxi tas-sengħa biex fost oħrajn jitlestew il-karrijiet ta’ wħud mill-kanuni. Dawn jinkludu sitt spingardi, li kienu kanuni rqaq ħafna li jisparaw fil-bogħod, b’mira tajba ferm, kif jgħidilna Robert Cassar, il-Kuratur tal-Armerija.
Lil hinn mill-Armerija, il-ħidma fil-palazz tissokta f’kull rokna. Minn sbieħ il-jum sa nżul ix-xemx, għexieren ta’ ħaddiema għaddejjin fuq xogħolhom kuljum. Għax dan għadu biss il-bidu – tessera waħda mill-mużajk imlewwen li jsawwar dal-proġett maestuż tar-riġenerazzjoni tal-Palazz tal-Gran Mastru. U kull filgħaxija, hekk kif l-aħħar ħaddiem jerfa’ mix-xogħol u jagħlaq il-bieb warajh, il-palazz jorqod fin-nagħsa ħelwa ta’ min jaf li hu pass eqreb lejn it-twettiq ta’ ħolma li se tagħtih il-ħajja mill-ġdid, biex igawdiha bħal qatt qabel.