Kotba | Il-vizzji u l-virtujiet tal-vanità
Mark Vella jitlaqqa’ ma’ ktieb dwar persunaġġ storiku minimu iżda bi preżenza importanti fl-istorja tal-baned Maltin. Lil hinn mill-ktieb innifsu, ħidma ta’ mħabba u avventura editorjali ta’ Anna Farrugia dwar bużnannuha Antonio Micallef, iqumu bilfors ħsibijiet dwar il-ġrajja ta’ min iterraq sulu, kontra kollox, biex joħroġ il-ktieb li jkun hemm ġo fih
L-awtriċi tal-ktieb reċensit dil-ġimgħa trid taħfirli l-alliterazzjoni polemika tat-titlu. The Story of a Maltese Musician – A biography of Antonio Micallef: 1867-1940 (2021) huwa ktieb interessanti anki għal diskussjoni lil hinn minnu, speċjalment għaliex wieħed minn boton xogħlijiet li joħorġu kull sena, imma forsi inqas dan l-aħħar milli konna mdorrijin għalih, ta’ kotba awtoppubblikati. L-istorja tal-pubblikazzjoni f’Malta kif mifhuma f’sens modern hija l-ġrajja ta’ ftit pubblikaturi proprja, tant li llum baqa’ biss tnejn li jistgħu jissejħu storiċi, imma ħemel stamperiji li spiss ħadu x-xettru tal-pubblikatur għax mingħandhom ħareġ il-ktieb, jew inkella salt awturi li jfittxu f’buthom sabiex il-muża tagħhom, tkun liema tkun, titwettaq u ma tgħibx.
Minnu li r-riżultati ta’ dan se jkunu varjetà, biex inkomplu bl-alliterazzjoni, li mhux neċessarjament sejra tkun la varjegata u lanqas dejjem ta’ valur. Bl-Ingliż, l-idea tal-awtopubblikazzjoni (li aħna noħolquha mill-kunċett tas-self-publishing), xi drabi għandha isem aktar sinjifikattiv, vanity publishing, donnu l-kunċett li toħroġ xi ħaġa kemm biex tissodisfa l-ħtieġa tiegħek li, anki int, tkun ktibt xi ħaġa u tista’ tissejjah skont il-mestier. Imma, jekk niġu għall-mestieri tassew, fis-sens tas-sengħa u l-għarfien, id-dinja tal-ktieb f’Malta tbati anki malli tiftaħ għajnejha ta’ kuljum għall-ħidma, partikolarment fin-nuqqas ta’ għarfien tar-rwol tal-pubblikaturi. Preċiżament ta’ x’jagħmlu, jiġifieri negozjanti bħal oħrajn, li l-prodott tagħhom huwa x-xiri tat-test li jinvestu fih mill-a saż-żeta sakemm joħroġ, għall-pubbliku, biex jinbiegħ, jinxtara, u min jaf, iħalli xi forma ta’ qligħ.
Kull min hu f’dal-mestier jgħidlek kemm spiss jiġi mistoqsi għandux stamperija, għax l-ittri komuni jaf huma insidjużi aktar minn sempliċi logħob bil-kliem għall-finijiet ta’ titlu jiġbed l-għajn. Il-printer u l-publisher, li bosta ma jagħrfux id-distinzjoni bejniethom, saħansitra dawk li xi darba jqammrilhom li jiktbu ktieb, u li anki storikament, kif għadna kemm semmejna, għamlu żmien kienu l-istess ħaġa, jew inkella ħaġa żgur u l-oħra bħala konsegwenza ddettata mill-istruttura anomala tad-dinja tal-ktieb. U llum, fuq fomm kull min iqammarlu li jiktbu dan il-ktieb, daħal attur ieħor, id-distributur.
Dan, li bħalissa f’Malta hemm tnejn minnu biss, jaf sar l-insidja li ħadd ma jista’ jgħaddi mingħajrha. Il-famuż sensar, li għalkemm xogħlu, suppost ismu miegħu, huwa li jqassam il-ktieb, jew hekk kien sa ftit ilu, issa huwa wkoll pubblikatur u jmexxi l-ħwienet. Il-pubblikatur jiddependi minnu, anki għal raġunijiet ta’ skala ekonomika ovvja u spejjeż żejda li ma jagħmilx sens tidħol għalihom, u jaf ikollu jitqanna, anki għax fl-aħħar mill-aħħar, l-għażla hi dik li hi, u l-qligħ tal-kotba minn dak jiddependi. Imma tiskanta kemm tisma’ individwi, li għal diversi raġunijiet jagħżlu li jaqbżu l-pubblikatur (raġunijiet validi, u lil hinn mir-raġuni li ma jrid jippubblikak ħadd, li huwa każ komuni wkoll) li jinstarmu malli jisimgħu bit-tariffa li jżommilhom id-distributur biex xogħolhom b’xi mod jasal fil-ħwienet.
Issa ħadd mhu qed jgħid li dawn xi ħallelin. Għaliex minkejja li 50% sa 60% kummissjoni ddarras lil kulħadd, pubblikatur jaf jassorbihom fil-kuntest tal-kobor tan-negozju, u jekk tifli s-somom sew, min iqassam jaqla’ sew jekk kapaċi jqassam, għal darb’oħra, fil-kobor u fil-wisa’. Imma meta din l-istess kummissjoni tintalab lil xi ħadd bi proġett personali, x’aktarx l-unika ktieb li għad joħroġ f’ħajtu, il-kwistjoni jaf tieħu xejra oħra. U, ovvjament, m’iniex se nerġa’ nsemmi, biex naħrab id-dardir tal-ad nauseam, il-limitazzjonijiet oġġettivi li dil-qagħda timponi fuq id-dinja tal-ktieb Malti.
Il-pubblikazzjoni ta’ Anna Farrugia, fost l-oħrajn, m’intix se ssibha kif ġieb u laħaq. Tinstab esklussivament fuq Amazon, f’verżjoni fiżika u diġitali li għandhom prezz kompetittiv li żgur ma kienx jintlaħaq bil-famuża kummissjoni mċappas miegħu. Lanqas li hu xi ktieb b’suġġett li ma jappellax, u forsi seta’ kien nuqqas tal-awtriċi li ma għarfitx kif tinnavigaha d-dinja ċkejkna tal-pubblikazzjoni Maltija, iżda li xorta għandha mkeffna fiċ-ċparijiet tal-inkomprensjoni msemmija fuq. Anzi, The Story of a Maltese Musician huwa żieda sabiħa oħra, fis-sempliċità tiegħu, ta’ tessera, żgħira kemm żgħira, oħra fil-mużajk tal-istorja popolari Maltija, u f’dan il-każ tal-ġrajja mużikali u tal-baned bejn tmiem is-seklu 18 u l-ewwel nofs tas-seklu 19.
Il-‘vanità’ editorjali ta’ Farrugia għandha mill-innoċenza, u troddilha l-valur. Kif jiġri spiss, xrara ta’ għarfien taf tieħdok fuq vjaġġ twil u mill-isbaħ ta’ skoperta, u l-awtriċi taqbad tarf mill-istorja personali ta’ familtha biex tikteb il-ġrajja ta’ bużnannu mużiċista u kompożitur, magħruf fi żmienu iżda li l-memorja tiegħu ntilfet tul is-snin. Mhux biss, imma l-ġrajja tar-riċerka hija wkoll ġrajja komunitarja: Farrugia tirrakontaha hi stess kif minn taħdita ċkejkna ma’ xufier qed iwassal lil familtha minn funeral, qabdet it-triq biex tikteb din l-istorja li ħaditha, fost l-oħrajn, sa Ħaż-Żabbar, fejn tal-każin minnufih middew idejhom biex jgħinuha għaliex għarfu l-bżonn tal-bijografija ta’ artist kważi minsi imma li sa llum għadhom jindaqqu x-xogħlijiet tiegħu. Kurżità familjari dwar l-imgħoddi u dawk li ġew qabilna, li lkoll x’aktarx taqbadna fi żmien jew ieħor, issir avventura ta’ riċerka sabiex tinbena mill-ġdid ħajja li kienet biss teżisti fit-tentufiet orali qajla miftakra tal-ġenerazzjonijiet.
L-għażla ta’ Farrugia, għal diversi raġunijiet, kienet li tippubblika bl-Ingliż, anki jekk nifhimha bħala kemxejn diskutibbli sew għas-suġġett dejjaq kif ukoll fid-dawl tal-kimera li għandhom xi wħud tal-penetrazzjoni qisu xejn fis-suq globali infinit. Madankollu, din l-għażla tista’ tappella forsi għall-ġenerazzjonijiet tad-djaspora Maltija. Lil hinn minn dan, l-awtriċi, li hi stess tammetti fid-daħla anki ċertu lakuni fl-għarfien storiku tagħha, tagħmel, ta’ dilettanta responsabbli, xogħol xieraq ta’ riċerka li żgur jissodisfa lill-aktar qarrej sajjem. Tagħti biżżejjed spjegazzjoni u kuntest dwar kull ma hu storja u kultura Maltija, b’tali mod li qarrej barrani potenzjali jifhem mill-ewwel, u m’hemmx xi didattiċiżmu estrem li se jdejjaq li min jaf ikun ġa infurmat. Anzi, l-isfond huwa meqjus biżżejjed biex jilqa’ fih storja x’aktarx tipika ta’ mużiċist Malti (ta’ min ngħidu, professjonist u jgħix għal kollox mill-arti) li l-awtriċi jirnexxilha tiffizzjonalizza fuq il-bażi ta’ dawk li huma essenzjalment ftitiet ta’ materjal arkivjali biex jista’ jinbena l-karattru tal-protagonist.
Mill-ġdid, storja miktuba b’innoċenza, forsi anki idealizzata, iżda qatt falza, u dan ukoll billi Farrugia, għal darb’oħra tgħum konxjament fejn mhux bilfors jilħqilha, kapaċi tinkwadra ħidmet bużnannuha fi ħdan kwadru politiku u storiku preċiż, u l-ideoloġija u l-kunflitt politiku-lingwistiku jinfilzaw irwieħhom kexxun anki fil-ġrajja tal-iżvilupp tal-baned Maltin. Fil-każ ta’ Antonio Micallef, din setgħet kienet ukoll uġigħ ta’ ras kontinwu għal ħobżu, għaliex naraw li minn kmieni kien b’xi mod allinja ruħu max-xaqliba pro-Brittanika tal-ispettru politiku Malti taż-żmien.
Ktieb li, bħal m’għidna, huwa żieda xierqa fil-librerija tal-istorja popolari u apparentement minuri, u li kapaċi jgawdi wkoll minn traduzzjoni għall-Malti. Il-vanità, biex nerġgħu lura għal kif bdejna, fiha l-insidji tagħha, bħal dejjem, anki fil-pubblikazzjoni. Ngħidu minnufih li huwa xogħol maħdum b’ċertu reqqa, imma meta dak li jkun jaħdem waħdu, mhux bilfors ikollu l-għodod kollha x-xierqa. F’dan il-ktieb ninnutaw, pereżempju, bibljografija pjuttost folta li madankollu magħmula spiss minn hyperlinks li, minbarra l-permanenza prekarja tagħhom, spiss jintużaw bħala sors ta’ malajr biex jiġġustifika stqarrija mhux neċessarjament riċerkata jew li l-awtriċi tidher li ma kinitx imkissra fiha jew ċerta dwarha. U mbagħad, bħal dejjem dispjaċir tiegħi, il-ftit Malti li hemm huwa 99% spellut ħażin jew impreċiż, b’eżempji lampanti l-istqarrija li ‘għana’ għandha tiġi ppronuzjata ‘anya’ u l-inkonsistenza fl-artikli għat-tismija tal-irħula (il-Ħamrun u Ħaż-Żabbar konsistentament, imma mbagħad Żurrieq, fost oħrajn) jew il-kapitalizzazzjoni inċerta ta’ titli u ismijiet. Ħwejjeġ kbar jew żgħar, skont kif taraha, imma l-għelm tan-nuqqas tal-pubblikatur, għarfien limitat tal-bażiku tal-industrija u tal-mestier, u jaf okkażjoni mitlufa biex ħaġa tajba tkun dejjem dik it-tikka aħjar.