Kotba | Reżistenza
L-artisti ma jridux jafu b’aktar tkissir u żvilupp bla rażan, u l-ossessjoni tagħhom tkompli tiġi mgħajta minn fuq il-paġni. Mark Vella jaqra Tebut Isfar ta’ Clare Azzopardi, blokka oħra fil-binja tal-kliem kontra t-torrijiet tal-konkos li qed joħonqu soċjetà sħiħa
Kont ili ma naqra dramm, u b’daqshekk pjaċir. It-teatru, fl-aħħar mill-aħħar, mhux magħmul biex jinqara imma biex jintwera u jinħadem. U l-ewwel att ta’ kuraġġ huwa li tippubblikah, anki għall-posterità u biex ma jtirx mar-riħ li jibda jinfoħ malli jingħalaq is-siparju. Il-Merlin Publishers, anki fi żminijiet diffiċli għall-ktieb Malti, għażlu li jibqgħu mal-missjoni tagħhom li joħorġu l-kitba ġdida u innovattiva, li madankollu f’idejn Clare Azzopardi hija dejjem garanzija żgura ta’ kwalità.
Tebut Isfar kien inħadem bejn it-13 u t-28 ta’ Ottubru 2018 fl-MITP, l-ispazju teatrali multifunzjonali tal-Università l-Qadima l-Belt fejn, meta kont insegwi t-teatru wisq u wisq aktar mil-lum, rajt bosta mir-rappreżentazzjonijiet kotrana li kienu jsiru lejn l-aħħar tad-disgħinijiet. M’iniex espert fil-qasam, imma jaf dak kien żmien ta’ rinaxximent teatrali b’diversi gruppi u spazji joffru firxa wiesgħa ta’ esperjenzi: minn Stephen Florian u l-wiri ta’ drammi klassiċi fl-ispazju tan-NAAFI, sa xogħlijiet bħal tal-Aleateia u tat-Teatru Anon, fost bosta oħrajn.
Madankollu, qisu t-teatru Malti dejjem jirrokka, b’xi mod. Apparti nuqqas ta’ librerija ppubblikata tax-xogħlijiet, maħruġa bl-iskossi u sikwit b’mod indipendenti u inċert, hemm ukoll sulluzzu fil-kontinwità tal-produzzjoni u tal-kitba. Konkorsi bħall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb jew il-Konkors Francis Ebejer sikwit jispikkaw bid-diffikultà li jinstab test biex jiġi ppremjat (jekk jinstab it-test!) u, bħal fl-edizzjoni ta’ din is-sena, il-Premju jerġa’ jara biss żewġ parteċipanti, wieħed bil-Malti u bl-Ingliż, u dejjem l-istess nies, bħallikieku t-teatru oriġinali Malti huwa essenzjalment mejjet. Mhux biss, imma t-taqsima teatrali tal-eżamijiet tal-Malti baqgħet titwieżen mit-tridu ‘klassiku’ ta’ Ebejer, Sant u Calleja, li minkejja l-livell evidenti u l-kontenuti validi u anki attwali, jaf joħorġu astrużi wisq għall-istudent medju, kif ukoll xogħlijiet li diffiċli ġġebidhom tul sena skolastika.
Daż-żmien, madankollu, hemm ċertu vantaġġi li ta’ min jisfruttahom. Fosthom it-teknoloġija, kif rajna, nagħtu każ, mill-proġett ta’ Teatru Malta waqt il-pandemija fejn stajt tara produzzjonijiet ġodda mill-kumdità ta’ darek, u ovvjament il-faċilità tar-reġistrazzjoni. Każ speċifiku li juru l-kontradizzjoni tat-tixrid teatrali huwa Menz ta’ Francis Ebejer, bħalissa fis-sillabu tal-MATSEC, li nħadem darba fi żmienu u li m’għandniex artefatt irrekordjat biex imqar nuruh lill-istudenti. Id-diffikultà relattiva biex tippreżenta drammi bħal dawn lill-etajiet żgħar, u anki l-espressjoni forsi ‘datata’ tagħhom, donnha xorta waħda żżomm milli wieħed ifannad f’riżorsi teatrali oħra eżistenti, aktar aċċessibbli u aktar kontemporanji, u fl-istess ħin b’livell xieraq, li jafu jingaġġaw wisq aktar. Jiġuni f’moħħi x-xogħlijiet ta’ Simone Spiteri, iżda anki diversi rappreżentazzjonijiet oħra li ttellgħu dan l-aħħar u li jinvestigaw bl-idjoma kontemporanja l-problemi evidenti tas-soċjetà li qed ngħixu fiha.
Ovvjament, ma tistax tħabbatha ma’ xi Ebejer għal introduzzjoni fl-idjoma teatrali Maltija li għandha temi universali immedjatament applikabbli u li anki jtuk ritratt istantanju tar-ruħ letterarja Maltija fil-kumplessità tagħha. Jekk tilbes il-kappell tradizzjonalista u klassiku, ma tistax timmaġina moħħ tari Malti li ma jkunx mess ma’ Il-Ħadd fuq il-Bejt jew L-Imnarja Żmien il-Qtil. Iżda l-kappell pedagoġiku u anki l-urġenza tal-mument soċjokulturali kontemporanju jaf jgħidlek mod ieħor. Għalhekk, minkejja l-limiti u l-limitazzjonijiet apparenti tat-teatru Malti, għażla ta’ xogħlijiet bħal Tebut Isfar u bosta oħrajn jafu jkunu ċ-ċavetta għal ingaġġ u faxxinazzjoni potenzjali akbar b’din l-espressjoni artistika tant qawwija.
Id-dramm ta’ Azzopardi jiżviluppa b’battuti ċerti, waħda wara l-oħra, għat-tmiem traġiku u neċessarjament prevedibbli li jħalli mistoqsija kbira mdendla u sens ta’ dwejjaq u inkapaċità lejn it-tiswir ta’ destin ieħor. Mibjugħ u rreklamat bħala diskors dwar il-ġentrifikazzjoni tal-Belt, jittratta suġġett attwali li xorta waħda għandu għeruq fondi: lil Ebejer ixxommu kullimkien, u jiġbed mingħajr ma jirreferenzja mill-ispirtu tal-protesta daqqa kiebja daqqa qalila tal-poeti tas-Sittinijiet, fosthom xi Victor Fenech jew Marjanu Vella, sal-impenn pubbliku ta’ Immanuel Mifsud. Storja sempliċi ta’ tebutier f’qiegħ il-Belt li, b’diwi ta’ sitwazzjonijiet li x’aktarx missejna magħhom personalment ukoll, jissogra li jiġi sfrattat mill-unika dar li qatt kien jaf minn żviluppatur moħħu biex iħott biex jerġa’ jibni.
Tema affrontata b’ċertu qawwa anki minn Lara Calleja f’Kissirtu Kullimkien, iżda li f’Azzopardi tieħu xejra kkontrollata għall-aħħar bir-ripetizzjoni puntwali tax-xbihat tal-mewt u l-makabru li jidħlu qishom xejn fl-atti żgħar tal-ħajja ta’ kuljum, donnhom naturalizzati u integrati tant li ma tistax timmaġina l-ħajja mingħajr dal-fatat kontinwament ipespislek f’widnejk li t-tmiem daqt ġej għalik. Ix-xbiha l-oħra hija tal-kaxxi, il-forma tal-binjiet il-ġodda kollha l-istess, li l-iżviluppatur idendel bħaċ-ċejċa biex joħroġ lit-tebutier minn daru, jew forsi anki bħax-xitan jittanta lil Kristu fid-deżert: il-prezz għat-tkissir tat-tradizzjoni u tal-memorji huwa kaxxa ċkejkna l-Imsida, kemxejn ftit arjuża mill-kaxxa tal-mejtin.
Karattru kruċjali għal dan id-dramm hija Yasmina, bint it-tebutier, li minkejja t-tmintax-il sena tagħha, tirraġuna u tgħix ta’ tifla. Minkejja kollox, hija din it-taħlita miċidjali tal-maturità bijoloġika u innoċenza makakka, li tmexxi n-nisġa u li tipprovoka l-mistoqsija. Yasmina donnha l-ispazju inċert bejn l-għarfien ċiniku u l-possibbiltà ta’ ħolma innoċenti, u hemmhekk isseħħ ir-reżistenza. F’dan l-ispazju, il-bniedem komplut jibqa’ jżomm u jagħraf dak li ssawwar minnu, u ma jċedix kif ġieb u laħaq għall-forza tal-intrużjonijiet li lesti jkissru tessut soċjali bl-offerta ta’ premju jlellex.
Reżistenza li tista’ taqraha aktar fil-fond fejn ir-revolver li jdur min-naħa għall-oħra tal-palk, jinħeba u jinkixef, mhuwiex sempliċement il-pistola ddaħħan ta’ Chekov tant bażilari għan-nisġa narrattiva, imma forsi simbolu wisq aktar prożajku tas-soluzzjoni ddisprata għal dan l-attakk bla heda fuq l-identità u l-koeżjoni soċjali tagħna llum.