Kotba | Bil-punt u l-virgola
Mark Vella jinzerta manwal indispensabbli għal kull min imiss mal-ilsna f’xogħlu, imma speċjalment għall-professjonisti tal-lingwa, u jieħu gost bl-avventuri ġodda tal-kittieba u l-pubblikaturi lejn editorja lokali aktar varja
Kif jiġri, jien u nfittex ħaġa oħra, jew forsi għax id-drawwa tiġbdek biex tfittex, sibt ħaġa oħra. Il-ġrajja tas-soltu ta’ min jidħol f’ħanut tal-kotba, fejn quddiemi fl-ixkaffa tal-volumi l-ġodda, murija wiċċhom ’il fuq, naħbat ma’ dan il-manwal, ħlejju anki fid-disinn. Ismu miegħu, ktieb għall-idejn, u li x’aktarx se jintuża u jitqalleb sikwit. Manwal għall-Qari tal-Provi ta’ Gabriel Grioli ma kontx smajt bih, u nintebaħ ukoll li għal darb’oħra, proġett siewi ffinanzjat mill-Fond għall-Ktieb Malti. Apparti kemm laqatli għajnejja: produzzjoni impekkabbli min-naħa tal-pubblikatur, b’qoxra eleganti b’dettalji bħat-truf ta’ barra ġejjin għat-tond, u tipa u karta magħżula bix-xieraq.
Għax, m’għandniex xi ngħidu, l-akbar biża’, għall-kittieb u għall-pubblikatur, huwa li ktieb dwar il-qari tal-provi ironikament joħroġ bl-iżbalji jew inkella b’difetti li jxekklu l-qari. F’dan il-każ, żgur ma jiġrix hekk, u hija ċara l-attenzjoni mogħtija minn Grioli u l-pubblikaturi tiegħu. Forsi ħasra, għalkemm mhux esklussivament neċessarja, li ma tniżżilx isem il-qarrej tal-provi ta’ dan il-ktieb, anki fid-dawl ta’ wħud mill-ħafna pariri mogħtija minn Grioli, tal-bżonn ta’ distanzi u tekniki varji għall-oġġettività u ċ-ċertezza meħtieġa għal dan ix-xogħol.
Lil Grioli ma kontx smajt bih lanqas, u dan il-ktieb għandu saħħa partikolari għaliex huwa r-rakkont ta’ xi ħadd li jippersonalizza l-messaġġ tiegħu, bl-istruzzjonijiet u l-pariri mogħtija mill-esperjenza fix-xogħol u b’ħarsa lejn min prospettivament dieħel għal din il-professjoni. Milli fhimt, Grioli jgħix fil-biċċa l-kbira minn dan ix-xogħol, li diġà hija ħaġa ammirabbli fiha nfisha: kif jgħid hu, hemm aktar minn 500 qarrej tal-provi kkwalifikat f’Malta, u minkejja li ħerġin aktar kotba u li kiber sew l-għarfien tal-kopja nadifa u xierqa, hemm kwistjoni sew ta’ numri sew ta’ attitudnijiet li jpoġġu ċertu riskji għad-diversi professjonijiet tal-għoti tas-servizzi lingwistiċi.
Il-manwal tista’ tgħid li jaf isir il-vademecum essenzjali għall-professjoni tal-qarrej tal-provi u, kif anki jissuġġerixxi Grioli, kumpann siewi għall-ħidmiet anċillari bħat-traduzzjoni u l-editjar, kif ukoll ktieb neċessarju għal kull xogħol li se jkollu xi aspett lingwistiku x’jittratta: mix-xandir u l-pubbliċità varja, sa l-inqas tentufa miktuba li se tinqara minn udjenza. Grioli wkoll jagħmel distinzjoni siewja u neċessarja bejn l-editjar, il-copy editing u l-qari tal-provi, u fl-istess ħin qraba intimi ta’ xulxin: mhux biss il-qarrej professjonist se jagħmel daqqa waħda u daqqa oħra minnhom waqt li qed jaħdem test, imma utli ħafna l-konċezzjoni tal-editur li sikwit hija pass nieqes fid-dinja tal-pubblikazzjoni Maltija.
Il-ktieb jittratta l-qari tal-provi għall-Malti, u għalhekk jagħti wkoll ċertu ideat ta’ effiċjenza fix-xogħol li huma pertinenti għal-lingwa, iżda l-prinċipji ewlenin huma dawk universali, anki bħalma naraw mit-taqsimiet dwar ir-referenzi u anki mill-pubblikazzjoni utli u essenzjali tat-tabella tas-sinjali miktuba li l-qarrej tal-provi juża biex jindika l-bidliet li qed jagħmel. Tinħass kontinwament l-esperjenza prattika tal-awtur, li tista’ tgħid ikopri kull aspett tal-professjoni, jiċċara u jispeċifika fejn hemm bżonn, u anki jagħti dawk l-għajnuniet – il-famużi tips and tricks – ta’ kif dak li jkun mhux proprjament jiffranka x-xogħol, iżda jagħmel ħidmietu aktar effiċjenti u preċiża, anki bl-użu tat-teknoloġija.
Grioli ma jixxaħħaħx bil-kontenut, u jassumi li dan il-manwal se jinqara mill-prinċipjant. Kollox huwa spejgat bil-punt u l-virgola, inkluż tekniċi li għadni kemm semmejt bħal, ngħidu aħna, il-funzjoni tal-Find & Replace u kif tista’ titħaddem, bl-attenzjoni għall-eċċezzjonijiet insidjużi, fil-Malti. Jidher li l-assunzjoni hija li t-test elettroniku jkun fuq dokument Word, u forsi edizzjoni aġġornata tista’ tidħol fl-aspett ta’ meta jgħidulek taħdem fuq dokument PDF, fejn it-track changes mhumiex daqshekk dħulin u jkollok titqanna bis-sfura tal-pop-up u l-isticky notes. Forsi hawn qed nagħmel ċara l-frustrazzjoni tiegħi b’dan il-format!
Bl-istess mod, Grioli jidħol f’kull dettall, ta’ qarrej tal-provi li hu, anki tal-ergonomija tal-professjoni, kif ukoll ta’ tekniki rudimentali ta’dan it-tip ta’ qari: il-pinen u l-kuluri, il-qari bir-riga taħt il-vers, saħansitra l-qari bil-kontra (utli ħafna, fil-Malti, anki biex taqbad vokali li ma jistgħux joqogħdu ħdejn xulxin u li minħabba s-setting tal-linji, sikwit jaħarbulek). Ma jonqsux, ukoll, nozzjonijiet professjonali importanti, bħal dawk dwar il-ħlas kif ukoll dwar ir-relazzjonijiet mal-klijenti u anki l-attitudnijiet li dak li jkun għandu jkollu, lil hinn mill-ħiliet lingwistiċi, sabiex iżomm kwalità tajba u konsistenti, nagħtu kas, li jqassam ħinu sew, ma jiħux xogħol li ma jiflaħx għalih, jew inkella jagħmel il-maratoni tal-qari biex ilaħħaq.
Fil-każ tal-ħlas, Grioli ma jsemmix ċifri, u bir-raġun, iżda interessanti li eventwalment ikun hemm indikazzjoni tar-rati ta’ bħalissa. Mhux xogħol l-awtur, u forsi mhux skop dal-ktieb partikolari, iżda ilu jinħass il-bżonn li l-provdituri diversi tas-servizz lingwistiċi, minkejja ċ-ċokon tal-industrija, jingħaqdu dejjem aktar u anki jindagaw iċ-ċifri preċiżi madwar il-professjoni tagħhom. Hu x’inhu, il-ħarsa ta’ Grioli hija waħda għal kollox immirata lejn il-professjoni u l-professjonalità, u ma titqammilx jew toqgħod lura milli tagħti kemm jista’ jkun għodod u nozzjonijiet lil min qed jibda f’dan ix-xogħol jew inkella min irid jipperfezzjona ħidmietu.
Manwal għall-Qari tal-Provi huwa pubblikazzjoni essenzjali għall-ixkafef ta’ bosta, anki lil hinn mill-professjoni speċifika, u volum indispensabbli għal fuq l-ixkaffa tad-dizzjunarji, il-kotba u l-gwidi tal-grammatika, kif ukoll ktieb ieħor essenzjali fl-uniċità tiegħu bħal Ir-Reqqa tal-Kitba ta’ Mario Cassar (pubblikazzjoni Merlin tal-2006 li naħseb issa ilha barra mill-istampa). Biċċa xogħol li wkoll hija waħda ġeneruża għall-aħħar, imnebbħa sew mill-imħabba għal-lingwa u l-espressjoni u anki speċifikament għall-ilsien Malti, imma anki mmexxija mis-serjetà ta’ professjonist kuxjenzjuż.