Kotba | Noti għall-futur qrib
Mark Vella jerġa’ jaqra Taħt il-Kappa tax-Xemx ta’ Karl Schembri, bi vjaġġ fil-memorja ta’ meta ħareġ l-ewwel darba u kif jerġa’ jkellimna b’aktar urġenza għoxrin sena wara
Karl kien ra ’l bogħod, nerġa’ nikkonferma, wisq aktar milli rajt jien. Sew mal-qari mill-ġdid ta’ Il-Manifest tal-Killer(Merlin, 2020) u issa r-riedizzjoni ta’ Taħt il-Kappa tax-Xemx (Merlin, 2022) – jien u nipprepara għal dibattitu dwar in-novelli ta’ Schembri waqt il-Festival tal-Ktieb is-Sibt li ġej – nerġa’ mmur lura għaż-żmien meta kont ippubblikajtlu dan l-ewwel xogħol u rrifjutajt jew ittratenejt fuq l-ieħor. Il-qari mill-ġdid tagħhom, snin wara li ħarġu l-ewwel darba, mhux biss jikkonferma l-kwalità intrinsika tax-xogħol, iżda jiftaħ bibien interessanti u importanti dwar il-kontenuti u l-attitudnijiet. Fil-qosor, filwaqt li Il-Manifest, fost bosta ħwejjeġ oħra, iħabbar soċjetà ċivili organizzata li teħodha kontra l-eċċessi tal-poter ingarżat man-negozju u attivitajiet suspettużi, Kappa jbassar u jħabbar qagħdiet, kważi bi preċiżjoni klinika, li llum saru l-ħobżna ta’ kuljum malli niftħu għajnejna għal jum ieħor.
Bħala ktieb Minima, Taħt il-Kappa tax-Xemx seta’ bata għal diversi raġunijiet, bl-istess mod li Il-Manifest tal-Killer, fost ċirkostanzi varji, kont bgħattu lura ‘biex jerġa’ jinkiteb’ (jekk sarx hekk, ma nafx) u forsi kont qrajt il-manuskritt b’mod distratt wisq. Nintebaħ li fil-każ ta’ Karl, kien x’aktarx l-aħħar awtur ġdid li ppubblikajt, u minkejja s-suċċess relattiv ta’ xogħlu u anki r-riċezzjoni kritika, jaf kien l-inqas li ħdimt fuqu. Nimmaġina li l-fatt li d-dar tal-pubblikazzjoni kienet qed tfittex l-espressjoni letterarja u stilistika ġdida u li għamlet il-ħoss bi Stagno u l-iscoop b’Sara Sue ta’ Immanuel Mifsud, fisser li xogħol Karl kien akkwist ġdid u sabiħ imma seta’ xekklu n-nuqqas potenzjali ta’ fixfixò pubbliċitarju li rajtlu.
Mhix mea culpa, imma riflessjoni matura dwar żmien u ieħor. Xogħol Schembri stajt issottovalutajtu għaliex kien parti minn tradizzjoni stabbilita tas-satira, f’forom, formati u mezzi varji, u kellu l-karatteristiċi standard tas-satira la Maltija mħaddma tajjeb, kontra ċerti soluzzjonijiet għajjiena jew sterjotipati, u mbagħad id-dimensjoni superjuri li fil-foga ta’ dak iż-żmien, jaf m’apprezzajthiex biżżejjed. Il-karattri tas-satira sikwit ikunu jeħtieġu jkunu, jekk mhux ċatti, eżaġerati u jfakkru mill-ewwel f’tip, imma mhux l-ewwel darba li xogħol bħal dan jimbuttak mill-ewwel malli tara u tisma’ xi aċċent jew diskors sfurzat, inkella t-teknika għażżiena tal-kunjom doppju u triplu għal karattru soċjalment għoli, filwaqt li l-baxx dejjem Lippu jew Peppu b’laqam li xorta ma jiddistingwihx wisq mill-kotra tal-karattri oħra.
Taħt il-Kappa tax-Xemx għandu x-xamma ta’ din it-tradizzjoni kollha, imma l-intenzjoni awturjali u l-impenn ġurnalistiku, fost l-oħrajn, iqabbżuh bosta livelli minnufih. In-novelli jistgħu wkoll jitqiesu bħala metariflessjoni dwar il-mestier ġurnalistiku, miktuba minn ġurnalist li madankollu għandu l-ħila tal-awtur letterarju, u allura mhumiex biss riflessjoni jew riproduzzjoni ċassa tar-realtà, imma stħarriġ intimu tal-verità u l-intoppi fit-tiftix għaliha, kif ukoll l-esplorazzjoni tad-dilemmi etiċi u morali ta’ narratur protagonist impenjat daqs l-awtur reali.
Mark Micallef huwa ġurnalist potenzjalment intrepidu li madankollu jiftaħ id-djarju tad-disfatti tiegħu bl-ammissjoni tat-telfa, wara li jitwarrab baxx baxx mix-xogħol u essenzjalment jitqies b’xi mod bħall-ibleh ta’ Orlando. Iktar milli antieroj tellief, jibqa’ karattru attiv li xorta waħda jibqa’ jipprova jikxef il-borom u jtiegħem x’hemm ġo fihom, anki jekk ittiħdulu l-għodod tal-mestier. Jirnexxilu jagħmlu dan bis-setgħa tal-kitba, imma wkoll bl-għarfien matur sew tal-ambjent li jgħix u jaħdem fih – mgħarraf dwar Malta b’ għeruqha u xnixilha – iżda wkoll bl-għarfien qadim, korteżija tal-ktieb ta’ Koħelet, li m’hemm xejn ġdid taħt il-kappa tax-xemx.
Imma jista’ jkun li dak li kien qarraq bija dak iż-żmien. Il-ktieb kien ħareġ fl-2002, f’konġuntura storika ta’ ġenerazzjoni li kienet biss għexet eġemonija Nazzjonalista, għadha msejsa fuq in-narrattiva tal-eċċessi Laburisti u mqawwa mis-sentejn nieqes ftit tal-gvern ta’ Sant u x-xokkijiet varji tiegħu. Moralment, anki żmien jitbandal bejn sakra u hangover, dak li rnexxielhom jilmħu Stagno, Mifsud u oħrajn, iżda żmien, issa li nħares lejh minn hawn, xorta aktar innoċenti daqs kemm kont innoċenti jien. Innoċenti, iżda, appuntu għax kollox kien qed ibaqbaq minn taħt aktar milli jiżbroffa f’wiċċna bħal-lum. U Karl innoċenti ma kienx, anki għax diġà ġurnalist imkisser li seta’ jara t-tqegħid tas-sisien għal bidliet epokali li qed ngħixuhom issa.
Huma, fil-fatt, inevitabbli, il-paralleli mal-lum, u x’aktarx anki ma’ dejjem, bl-agħar aspetti tar-ruħ Maltija miftuqa bi preċiżjoni mill-analist li ma jaħrablu xejn. Kważi kważi, imma dan tmaħħiħ tal-kritiku fantażjuż, anki s-sekwenza tal-istejjer għandha donnu disinn deliberat: jibdew, fil-fatt, b’sakra u hangover, jgħaddu għad-desakrazzjoni ta’ baqra sagra wara l-oħra (fosthom dik li Paul Xuereb kien attakka bħala dell ikrah fuq Dun Karm, għax ra lil hinn mill-allużżjonijiet mhux daqstant oblikwi ta’ Karl), sa stejjer li jsiru aktar inkredibbli, mudlama u dejjem iżidu fit-theddida. In-novella tal-għeluq, imbagħad, donnha d-distillat taż-żmien li fiha nkitbet u li tibqa’ friska u universali, anki bl-għarfien li hemm ħajja lil hinn mill-intriċċ kontinwu li sar donnu jiddomina ħajjet pajjiżna.
F’dawn in-noti li qed nagħmel għall-futur qrib, għalhekk, nimmaġina x’noti kien għamel Schembri dakinhar li beda jbassar dak li kien se jiġri fi żmien għoxrin sena. Nara li l-ġurnalist għadu b’saħħtu, għadu ħaj, minkejja kollox, u daqskemm il-mestier huwa pilastru massiċċ tad-demokrazija, anki l-letteratura u l-arti jafu jagħtu daqqa t’id biex iwieżnu l-edifiċju soċjali tagħna. Il-protagonist ta’ Taħt il-Kappa tax-Xemx, minkejja l-qilla spiritwali imma anki s-sens tal-assurd, l-ironiku u r-redikolu, jidher kontinwament riesaq lejn l-impossibbiltà li jwettaq xogħlu u l-missjoni tiegħu. Kollox kontrih, għal darb’oħra b’disinn deliberat, daqs kemm huma l-iSLAPPS u l-maniġġi globali tal-lum. Imma jaf ukoll li l-ġurnalist tal-lum, dejjem aktar mhedded, sew mill-għedewwa tiegħu sew mill-qagħda tal-industrija, għandu xorta waħda aktar għodda milli kellu qabel, l-aktar minħabba kif it-teknoloġija laqtet lill-mestier, l-indaġini u anki l-mod differenti ta’ kif teżerċita t-twassil tal-aħbar. Aktar poter, forsi? U għalhekk, wisq aktar responsabbiltà?
Imma xorta waħda, jew għax wara kulħadd bravu, jew għax il-kittieb tassew laqat il-likk, jien u nerġa’ naqra n-novelli nħoss sens palpabbli ta’ biża’ u theddid, fejn il-karattri grotteski tas-satira donnhom wisq aktar reali u tad-demm u l-laħam milli nixtiquhom: mhux biss bis-saħħa li jagħmlu għalik minn fuq il-paġna, imma li jfakkruk fihom għax tkun għadek kemm għaddejt minn ħdejhom fit-triq, illum. Biża’, daqs tal-paraxutist għami f’“Il-Qabża”, in-novella li tagħlaq il-ġabra, tal-waqgħa f’dagħbien li m’għandekx biex tarah dejjem aktar riesaq lejh u tispiċċa ma tafx meta ser jispiċċa. Hija frustazzjoni telliefa u mbeżżgħa dik ta’ Mark Micallef, minkejja r-rassenjazzjoni ironika u anki żuffjettuża li sikwit jesprimi ruħu biha.
Bħalma kienu dokument f’waqtu għal żmienu, anki jekk bil-potenzjal li jintilef fil-qagħda storika partikolari ta’ dakinhar, għal-lum żgur, imma anki għall-futur fil-qrib, dawn l-istejjer jerġgħu jakkwistaw valur imġedded għall-istħarriġ tal-qalba mnawra ta’ pajjiżna.