Kotba | Xtaqt ktibtu jien
Sajf ta’ Ryan Falzon sejjaħ lil Mark Vella minn fuq xkaffa ta’ Kotba Calleja waqt il-Festival tal-Ktieb. U jaf ħossu kapaċi jibqa’ jidwi wisq aktar
Sajf xtaqt ktibtu jien. Jekk hijiex tifħira xierqa, ma nafx, għax jien min jien (?), inkella hija osservazzjoni li taqbad is-sensazzjoni li jtik xogħol frisk li jolqtok mill-ewwel u li jżommok sal-aħħar bil-vitalità u s-sinċerità quddiem il-kxif ta’ dinja li ma xxebbgħekx. Forsi huwa dak l-ewwel rumanz li jixtieq jikteb kull kittieb, ir-rumanz li b’xi mod jaqbad l-ispirtu taż-żminijiet, kważi l-uniku rumanz li hemm bżonn jinkiteb minn dak li jkun biex imbagħad jirtira għall-bqija tal-ħajja.
Bħall-one hit wonders ta’ ftit deċennji ilu, forsi inqas familjari mal-qarrejja millenjali potenzjali ta’ dan ir-rumanz li ħajjithom xort’oħra – sakemm mhux l-opra tal-kittieb frustrat fi Trojan ta’ Vella Gera – iżda li kif jindika Ryan Falzon, għandhom xorta waħda qalb tħabbat l-istess taħbitiet. L-awtur stess, f’kumment riċenti fuq Facebook, jittraċċa l-evoluzzjoni personali li skulat f’kitbietu: tifel tal-1988 li jgħix żgħożitu f’dak li jsemmi bħala d-disgħinijiet arċikonservattivi (nozzjoni storika li għad iridu jinkitbu l-volumi dwarha) li jaqra lil Stagno u Mifsud u jintebaħ li triqtu l-kitba. Sajf (Kotba Calleja, 2022) jista’ jitqies evoluzzjoni bla skossi minn dak iż-żmien fejn isseddqet il-kitba kontemporanja, u jawgura tajjeb għal ftuħ letterarju ġdid li jibqa’ aġġornat, u jfittex mogħdijiet ġodda filwaqt li jilqa’ b’serenità xogħol il-predeċessuri tiegħu.
Dar-rumanz ħadni lura wkoll għal dawk iż-żminijiet, minkejja l-qofol idur madwar l-iswipes tat-Tinder, l-istessi u ċ-chats, u diversi manifestazzjonijiet soċjali li issa saru għeliem tal-istatus iktar minn sempliċi divertita jew ħarġa. Ifakkarni f’weekend break f’lukanda Maltija, b’kamra mill-iprem bil-veduta, fejn kont stħajjilt li stajt nevita l-għawm u l-ispa biex nabbozza rumanz sajfi jien ukoll, xi ħaġa fuq il-linji ta’ xi Rimini ta’ Pier Vittorio Tondelli. Għax is-sajf tagħna lkoll, staġun uniku li ma jħabbathiex mal-oħrajn (forsi max-xitwa, suq, imma dak staġun klixè u iktar xieraq għall-imkejjen ġewwiena tar-ruħ). Imma wkoll staġun uniku għax is-sajf Malti m’hemmx bħalu, fis-sens li l-istaġun metereoloġiku xorta waħda għandu dimensjonijiet differenti skont il-konfini li jseħħ fih. Huwa s-sajf ta’ In the Eye of the Sun ta’ Ebejer, fejn tiġi kkunsmata diżgrazzja antierojka oħra, u l-għomma qerrieda tan-Nofsinhar Sajfi ta’ Briffa, bil-longa li ssikket lid-dinja waqt li l-ħanfusa tħabrek fuq ħmieġ il-bhejjem. Tant hu hekk li r-rumanz jiftaħ b’lista twila immensa ta’ x’tista’ tagħmel fis-sajf Malti, mhux fis-sens ta’ gwida għat-turiżmu intern, imma katalgu esperjenzjali ta’ xi jfisser dan l-istaġun sew fil-fasla soċjali Maltija sew fl-immaġinarju kollettiv.
Immaġinarju li huwa għalhekk mimli possibiltajiet għall-kittieb, flimkien mat-topos l-ieħor imħaddem tajjeb tan-narratur għalliem, x’aktarx kontra qalbu, li t-tliet xhur vaganzi jiftħulu possibiltajiet kważi infiniti, daqskemm jiftħu lill-kollegi tiegħu li jinfexxu fil-privatijiet jew fil-part-time, inkella li donnhom jgħixu biss fi u għal dawn it-tliet xhur franki. L-għalliem sikwit jintuża fil-letteratura dinjija bħala proċediment narrattiv importanti, speċjalment għal Sajf li għandu elementi interessanti tar-rumanz tal-formazzjoni u l-iżvilupp, il-Bildungsroman, favorit mill-kittieba żgħażagħ jew prinċipjanti, l-aktar għall-ewwel xogħol tagħhom, iżda li tant joffri spunti interessanti. F’Falzon, l-iskola sservi bħala kontrapiż għall-ħajja li qiegħda xi mkien ieħor, iżda żgur mhux f’istituzzjoni sottilment repressiva li gradwalment imma ineżorabilment tillivella u toqtol ir-ruħ.
Il-paraguni ma’ Stagno se jkunu inevitabbli, l-aktar minħabba l-element popolari fil-kitba ta’ Falzon, sew għas-suġġett u d-dinjiet impittra sew għal-lingwaġġi u d-djalogi kontemporanji riprodotti b’ħeffa u awtentiċità. Iżda jistgħu jieqfu minnufih, għax minkejja tislima inkonxja lejn waħda mill-influwenzi primarji, Falzon ma jiktibx bl-ansjetà għall-predeċessur ideali ta’ kitbietu. Stagno kien ġa ħareġ bħala kittieb aktar komplut, fis-sens ta’ interess f’nisġa kkontrollata, intriganti u strateġika anki jekk apparentement sempliċi, kif ukoll żviluppi mmirati tal-karattri, u malinkonija u rassenjazzjoni li fl-ironiji tagħhom jiftħu toroq ta’ tifsir wesgħin. Xogħol Falzon huwa aktar djarjistiku, lineari mqassam skont it-tliet xhur tal-istaġun, u ġrajja msejsa fuq relazzjoni ġejja u sejra, li tiddetermina l-ħsibijiet, il-burdati u l-għażliet tan-narratur.
Narratur madankollu b’indipendenza u personalità, anki fuq livell soċjali li jaqbel mal-analiżi tal-konfronti djalettiċi ta’ żmienu. Essenzjalment bniedem sħiħ u multidimensjonali, imma mhux bħal Clark Kent li jkollu jżomm is-superpoteri mistura u jmur ibiddel fil-kaxxa tat-telefown, imma xi ħadd b’ekwilibriju identitarju li kapaċi jinnegozja l-faċċetti differenti tiegħu. Idaħħal subgħajh f’għajnu biex iżomm l-impjieg bħala għalliem u dejjem bil-komma twila biex ma jikxifx it-tpinġijiet fuq idu, imma mbagħad dilettant tal-karozzi, tal-pjanti, tal-mużika u tal-qari, jaf imidd idejh u jaf anki (almenu skont id-deskrizzjonijiet grafiċi imma eleganti) iteftef fl-għemejjel karnali u tan-namur. Karattru letterarjament sodisfaċenti, għalhekk, li la jdarras u lanqas ma jġiblek ħlewwa ta’ qalb minħabba n-nuqqas ta’ verosomiljanza jew inkella għax ikkargat qdusija u eżemplarjetà.
Dal-ktieb kapaċi jisfronda mingħajr ħoss żejjed, li jidher li hija wkoll l-għażla editorjali tal-pubblikatur Kotba Calleja, li pproponih waqt il-Festival tal-Ktieb u ġa rreġistra bejgħ sorprendenti għall-ewwel ġimgħat u fil-kuntest tat-tiratura limitata u tal-appell tal-ktieb. Ta’ min jgħid li d-disinn lussuż ta’ dan ir-rumanz huwa l-istess bħal żewġ kotba oħra tal-istess pubblikatur, did-darba poeżiji ta’ Claudia Gauci (Max-Xatt tat-Tamarisk) u Caldon Mercieca (Tao): fasla tale quale daqs prezz kull volum biex jindammu bħala sensiela.
U, fuq riħ din l-intrapriża editorjali ġdida, donnu qed tinħass fewġa ġdida għaddejja fl-editorija Maltija, minkejja l-burraxki li qed jolqtuha u l-kriżi perpetwa tal-industrija, fejn il-pubblikaturi qed ifittxu soluzzjonijiet innovattivi imma fl-istess ħin jafu qegħdin jagħrfu li hemm pinen għatxana biex jiktbu u joħorġu. Rebbiegħa ġdida? Min jaf? Nippreferi nsejjaħlu sajf ieħor tal-letteratura, mingħajr ma nħalli l-entużjażmu jiġri bija. Imma Sajf tassew jirnexxi bħala manifest ġenerazzjonali, b’leħen li minkejja żgħożitu relattiva, wisq inqas balalu minn ċerti elementi tal-ġenerazzjonijiet ta’ qablu, tant li kapaċi jsawwar dinja li titbandal mill-frivolu u s-sentimentali għall-profond u l-impenjat b’unità narrattiva kkontrollata u maħduma kif xieraq.