Filmat | Wara l-festa tal-Kunċizzjoni Bormla se tinbidel f'villaġġ tal-Milied

Purċissjoni bil-Bambin, parata b'Santa Claus fuq il-baħar, bands, kunċerti, presepju ħaj u dekorazzjoni ta' kejkijiet ... dan u aktar f'Bormla fit-12 u 13 ta' Diċembru

Bormla bħalissa tinsab fl-aqwa tagħha hekk kif qed tiċċelebra l-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni li tilħaq il-qofol tagħha nhar il-Ħamis 8 ta' Diċembru.

Iżda l-attivitajiet f'Bormla mhux se jintemmu mal-festa, hekk kif minnufih din il-belt se tidħol fl-ispirtu ta' dan iż-żmien sabiħ u se tinbidel f'villaġġ tal-Milied.

L-attivitajiet se jkunu mqassma bejn it-Tnejn 12 ta' Diċembru u t-Tlieta 13 ta' Diċembru (Festa Nazzjonali). L-attivitajiet se jkunu mifruxa fl-inħawi magħrufa bħala Ta' San Pawl, viċin il-Baċir Numru 1.

Nhar it-Tnejn 12 ta' Diċembru, l-attivitajiet se jibdew fis-6:30pm bil-purċissjoni tradizzjonali tal-Bambin akkumpanjata mill-Banda San Ġorġ ta' Bormla. Fuq il-palk li se jkun qiegħed quddiem l-Għassa tal-Pulizija, se jkun hemm spettaklu ta' żfin u anke ta' mużika minn Gianluca Bezzina u Beatroots.

L-għada, it-13 ta' Diċembru, l-attivitajiet se jibdew fit-3:00pm bil-wasla ta' Santa Claus fuq il-baħar fil-Baċir Numru 1 u anke spettaklu tal-logħob tan-nar. Wara tkompli parata akkumpanjata minn Jackson’s Pipe Band.

Fil-5:00pm, il-Banda San Ġorġ ta' Bormla se tagħmel marċ b'innijiet u kanzunetti tal-Milied fl-inħawi u jibda wkoll spettakklu sat-tard fuq il-palk prinċipali li se jinkludi kantanti bħal Aldo Busuttil, Debbie Scerri u l-bands Dave and Friends u X-Tend and Choir. Se jieħdu sehem ukoll diversi skejjel taż-żfin.

Għad-dilettanti tal-futbol, se jkun hemm ukoll Big Screen għal-logħba tas-semi-finali tat-Tazza tad-Dinja.

Fil-ħinijiet kollha se jkun hemm Christmas Market, stalls tal-ikel u x-xorb, suq tal-artiġġjanat, presepju ħaj u anke se jkun għaddej xogħol ta' dekorazzjoni fuq kejkijiet.

Għal aktar dettalji żuru s-sit kulturabormla.org.

 

More in Arti