Kotba | Kwistjoni ta’ attitudni
Ktieb ġdid tal-Klabb Kotba Maltin jolqot lil Mark Vella għat-teknika friska mħadmma fuq ġeneri antiki u tradizzjonali inkella stabbiliti u mhux dejjem affrontata b’inventiva
Kont ġa għidt li ma tantx jogħġbuni t-thrillers u l-polizjeski miktubin. Madankollu, tal-aħħar kapaċi nikolhom fil-verżjoni ċinematografika, imma qed naħseb aktar dwar xogħol aktar kontemporanju bħal xi True Detective milli l-Poirot ta’ Agatha Christie jew anki l-Montalbano ta’ Andrea Camilleri. Id-ditektiv Sqalli, imbagħad, jiġbdek anki għax prodott immanifatturat a regola d’arte, kif jgħidu, b’dak l-Isqalli tal-Lvant li jbigħ fuq sfond ta’ plajjiet vojta bil-baħar iħabbat, ix-xemx taqli fuq il-Barokk Sqalli, il-qalja tal-ħut frisk taħt il-lumija u l-larinġa tal-bakkaljaw.
Ġeneru għalhekk li ma tantx nifhem fih għax ma nikkunsmahx, minkejja tradizzjoni żgħira imma interessanti anki f’Malta. Il-ftit xogħlijiet kontemporanji li joħorġu f’dan il-ġeneru għandhom xi merti, anki għaliex tendenzjalment jafu jsegwu l-kanonu bażiku, imma l-ftit li ttantajt naqra, anki biex nirreċensixxi, donnhom jippruvaw wisq: il-medjokri jeżaġeraw b’dak li jasħbu li jista’ jkun spettakolari jew xokkanti, il-mhux-ħażin jinħassu artifiċjali u imitattivi huma u jippruvaw jgħabbu storja Maltija b’livelli xximmjottati mill-qari tal-barranin.
Imma Dun Ġużepp (KKM 2022), id-debutt ta’ Gordon Pace, żammni u interessani. Kważi entużjażmani, ikolli ngħid, għax nara fih il-potenzjal anki ta’ żvilupp tekniku kif ukoll ta’ sensiela b’karattri dejjem jikbru u dejjem aktar profondi. Il-ktieb ġie rrakkomandat, jien u ndur il-Festival tal-Ktieb li għadda, mhux bħala sejħa ddisprata għall-bejgħ iżda sinċerament għax intgħoġob. L-awtur jidher imħarreġ fit-teknika tal-ġeneru, li madankollu, fil-forma klassika tiegħu, jaf għandu limitazzjonijiet inerenti għalih stess, għax bilfors irid isolvi l-misteru. Jiġrili hekk b’Montalbano, fil-fatt, sew film sew ktieb: nisker bid-dinja ta’ Camilleri, imma sa tliet kwarti tal-opra, l-inqas ħsieb dwar min kien il-qattiel.
Dun Ġużepp jolqotni għaliex opra għalkollox Maltija li tifhem l-ambjentazzjoni tagħha. It-titlu sempliċi kien se jdejjaqni, għax ħsibtu xi ħaġa ttendi lejn il-folkloristiku klixè jew inkella l-imitazzjoni pervażiva ta’ Wenzu u Rożi jew xi Gużè Chetcuti fl-għabex, li spiss tiskula anki f’bosta produzzjonijiet Maltin. Imma l-karattru kappillan-arċipriet hawnhekk jaf parti wkoll mill-bixkla, anki mingħajr ma jrid, u l-atti kriminali li jsawru n-nisġa tal-ktieb, minbarra li ambjentati fir-raħal tal-paroċċi pikużi ta’ Ħaż-Żabbar, ifakkru ħafna f’dak li qed jiġri madwarna, bħallikikeku konflazzjoni strateġika tal-akbar delitti u reati li seħħew dawn l-aħħar tletin sena. Ma jonqsux għalhekk il-karattri li narawhom ta’ kuljum fid-demm u l-laħam, mill-politiċi sal-ġurnalisti, il-barmen tal-każini u x-xufiera tal-irjus, kif ukoll ix-xamma dwar l-istituzzjonijiet li aktar jaħdmu milli ma jaħdmux, kieku ma jkunx għal funzjonarju żelużi bħall-Ispettur mara li tmexxi l-każ u l-Kummissarju li jafdaha b’għajnejh magħluqa.
U, f’dawn il-jiem tal-arrest tal-boss mafjuż Matteo Messina Denaro, l-intriċċ Sqalli tar-rumanz iktar jiġbed l-għajn. Madankollu, dan ma jsirx b’disprezz jew bil-faċilità li wieħed jista’ jaqbad biha nazzjonalità, tkun liema tkun, u jagħmilha għadu f’ġieħ sens patrijottiku imbeċilli. Pace jisfrutta dak li hu naturali, bi Sqallija bħala l-ġara tagħna li dak li jkun jista’ jaħrab lejha b’ċertu ħeffa, u li bilfors taqsam il-ħajja magħna, bħalma ilha tagħmel, b’mod jew ieħor, għal sekli sħaħ.
U hawn fejn Dun Ġużepp jgħaddi mit-test, almenu minn dak tiegħi. Bħalma daż-żmien, xogħlijiet bħal dawk li naraw fuq Netflix donnhom għandhom fihom li naturali jgħaddu mill-Bechdel test – li jgħidlek li opra narrattiva jrid ikollha almenu żewġ nisa, li jkellmu lil xulxin, u li tkun tittratta xi ħaġa oħra barra minn raġel – ir-rumanz ta’ Pace jgħaddi minn eżami aktar umli, kif imfantas minni, imma donnu meħtieġ, speċjalment fil-kuntest tal-letteratura popolari u tal-konsum tal-massa: idarrasni jew le?
U t-tweġiba hija ‘le’, huwa u jgħaddi mit-test tat-tidris, fejn jien u naqra sitwazzjonijiet li potenzjalment jistgħu jagħtu lok għal xi ġudizzju mill-awtur jew xi sitwazzjoni implawżibbli jew redikola, inkella tluq mill-intriċċ għal xi biċċa parapropagandistika jew moralistika (apparti l-klixè), Pace jikkontrolla n-narrattiva b’tali mod li l-misteru jibqa’ għaddej sakemm jissolva, imma bil-waqtiet fejn jikkumplika lilu nnifsu għas-sodisfazzjon tal-qarrej.
Il-kitba hija wkoll friska fis-sens li mhix pretenzjuża jew sfurzata, u minkejja l-ħafna deskrizzjonijiet tal-moviment tal-karattri jew inkella l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ xbihat kulturalment familjari, ċertu teknika ta’ narrattiva apparentement xotta qisha żżomm l-azzjoni miexja u dejjem tikkontribwixxi stadju ieħor utli fl-iżvilupp tal-ġrajja. Hawn, għalhekk, narah il-potenzjal ta’ Pace: aktar milli t-teknika maħfuna sew, hemm fih diġà ż-żerriegħa tal-attitudni. Din għalhekk tista’ tiġi sfruttata, fost l-oħrajn, billi jingħata aktar lok għall-iżvilupp, l-aktar permezz ta’ aktar profondità lil karattri pjuttost ċatti li xorta waħda għandhom fihom spirtu li jbegħedhom minnufih mill-karikaturali, imma anki l-kumment narratorjali, fejn donnu hemm dinja tibki biex tiġi mikxufa bl-għeruq u x-xniexel, imma li l-awtur jaf bħalissa qed joqgħod lura milli jieħu dan il-pass.
Nemmen li Pace kapaċi jagħni l-kitba tiegħu bl-aspett kontradittorju meħtieġ biex xogħlu jogħla skaluna jew tnejn mil-livell attwali tal-letteratura popolari jew għad-divertiment-konsum, fejn, anki jekk jaf dejjem ikun hemm bżonn dak il-gelgul regolari ta’ informazzjoni biex jiġi spjegat l-intriċċ, il-qarrej ikun jista’ jieħu wisq aktar mill-interazzjonijiet tal-karattri li jippopolaw ir-rumanz. Il-letteratura, fil-fatt, mhijiex ir-riżoluzzjoni pulita tal-misteru, imma t-tqajjim ta’ aktar mistoqsijiet. U minkejja kull kanonu, nafu lkoll li anki l-polizjesk modern u kontemporanju kapaċi jħaddan dan l-aspett ukoll.