Kotba | Kliem ix-xiħ żomm fih
XitaSkiet b’xi mod inzertatura feliċi għal Mark Vella, li jieħu gost jerġa’ jiskopri xogħol ieħor narrattiv ta’ Victor Fenech, li jittratta dejjem is-suġġetti tiegħu b’onestà u empatija, filwaqt li jagħti ritratt ġenerazzjonali rari li mhux ta’ min jiskartah
Xogħol Victor Fenech dejjem għoġobni, u lil ħafna oħrajn ukoll, minkejja li kittieb ġeneralment sottovalutat jew li inkella jibqa’ magħruf għall-marka li ħalla bil-poeproża tiegħu. Esperiment tipiku għall-perjodu tal-quċċata tal-karriera tiegħu, jidħol kexxun fl-esperjenza tal-Moderniżmu Malti, iżda wkoll it-timbru ta’ artist li dejjem, u mingħajr ebda sforz jew pretensjoni manifatturata, kien differenti mill-oħrajn. Dan jista’ jiġi attribwit anki għall-viżjoni tal-ħajja u tal-impenn artistiku li qatt ma kienet dik tal-irtir solitarju u intimistiku inkella tat-tbegħid lejn xi għoli preskritt jew preskrittiv, iżda attitudni pjuttost sofistikata u aġġornata (dejjem mingħajr wisq daqq ta’ trombi) li ssarrfet f’impenn prattiku konkret, bħal fil-każ tax-xogħol editorjali vast li wettaq fuq varjetà ta’ proġetti tul iż-żmien.
Sofistikazzjoni li hija wkoll waħda ta’ għajxien mgħajjex tassew, fejn it-tagħlimiet u s-sensazzjonijiet tal-esperjenzi tal-ħajja, mis-safar sal-impenn politiku kostanti permezz tal-kitba, jafu għeruqhom għal sitwazzjonijiet li jistgħu jingħarfu u jiġu immaġinati konkretament mill-qarrej. Fl-1976 Fenech kien ġa ppubblika fl-Ingilterra London Pictures and other Poems, wara mawriet ta’ xogħol u studju Londra li għandhom ukoll eku tat-tifkiriet tagħhom f’XitaSkiet (KKM, 2019). Hija esperjenza poetika li mhix qiegħda f’xi lok distanti fl-immaġinarju poetiku, jew inkella f’belt li isimiha biss huwa evokattiv, iżda tinħass id-dimensjoni senswali tal-parteċipazzjoni fil-ħajja tal-lok deskritt.
Terġa’, dan il-punt qed nagħmlu għaliex l-esperjenzi li sikwit isemmi Fenech jew jitnebbaħ minnhom, sew dawk tas-safar formattiv taż-żgħożija sew l-osservazzjonijiet tal-ħajja Maltija, huma ritratt ġenerazzjonali rari għall-aħħar. Snin ilu, meta ġa kont twebbilt għall-kunċett tar-reċensjoni u kont għamilt ħabta nqabbad lil xi nies jiktbu dwar kotba u films fuq rivista elettronika li żvintat qasir il-għomor, kont bdejt u ma komplejtx reċensjoni għal xogħol ieħor ta’ Fenech li kien għoġobni, Ix-Xitwa ta’ Wara s-Sjuf (Horizons 2010), rumanz rari fih innifsu wkoll għaliex riflessjoni post-facto ta’ żgħożija tas-sittinijiet f’Malta. Għal darb’oħra, esperjenza mgħejxa u dan l-għajxien jagħtiha s-sinċerità. U forsi għalhekk jogħġobni Victor, fil-fatt, għax ifakkarni f’missieri.
Ix-xiħ tal-’45, jiġifieri għaxar snin iżgħar minn Victor, imma l-influwenzi u l-esperjenzi simili, u jidħlu t-tnejn b’xi mod fil-kategorija tal-boomers, lil hinn mill-annu tat-twelid tagħhom: distinzjoni ġenerazzjonali li qabdet dan l-aħħar u li essenzjalment tikkuljuna lil din l-età, bħalma xi minn daqqiet jagħmlu bil-ħlewwa l-ulied ma’ missierhom, u li daqet Malta tqum mit-tifrik tal-gwerra, il-boom tas-sittinijiet, u t-trikki trakki tas-sebgħijnijet u t-tmeninijiet. Missirijiet u ommijiet li għexu ma’ Mintoff, Gonzi u Fenech Adami, u li fl-etajiet avvanzati tagħhom tista’ tgħid il-ġenerazzjoni l-aktar bikrija fil-memorja attiva, il-fergħa aħħarija li twassalna lejn l-aktar passat imbiegħed possibbli li għadek tista’ tisimgħu b’widnejk jiġi rrakkuntat.
Il-boomer, speċjalment dak Malti, jaf wisq inqas sofistikat miż-żagħżugħ tal-lum. Anki għax għex żmien Gonzi u Mintoff, għad għandu, f’ammonti diversi, xi biża’ t’Alla, niskata prudenza fl-infiq wara t-tifkira tan-nuqqasijiet tal-gwerra, u forsi anki idea kemxejn partikolari tas-sesswalità, id-droga u l-vizzji inġenerali. Karikatura vulgari u riduzzjoni estrema u assurda, imma mhix daqshekk imbiegħda mir-realtà, speċjalment letterarja: kemm-il darba ddiżappuntawna għadd ta’ kittieba tal-ġenerazzjoni ta’ Fenech, l-aktar jekk qrajniehom f’ċertu żgħożija, meta kitbu b’modi forsi moralistiċi, inkella mhux plawżibbli jew imbiegħda mill-għarfien immersiv, dwar is-soċjetà jew dwar id-dinjiet ġodda li dawk iżgħar kienu qed jgħixu jew iġarrbu?
Taf tiġri lejn l-aħħar tal-karriera tal-kittieba, għalkemm xorta waħda l-età mhix skuża għal ċertu distanza jew aljenazzjoni, inkella li dak li jkun jassumi li se jibqa’ jkollu l-verità dwar kollox. Fenech ma jbatix minnha din, u anki f’XitaSkiet, minkejja dak is-sens ovvju tad-distakk ġenerazzjonali, jittratta l-kontemporanjetà b’kurżità u empatija attivi. Ir-rakkonti ta’ Fenech prożatur, inqas magħruf, għandhom is-sensibbilità u l-impenn tal-poeżija ċelebri tiegħu, u ma jittantawx jagħmlu aktar minn dak li għandhom jagħmlu. Jiġifieri jirrakkontaw, anki jekk mhux bi strateġiji ‘letterarji’ li jiġbdu attenzjoni għall-użu tal-lingwa u għall-ħdim tan-nisġa kif forsi mistenni, imma li jħarsu b’qalb u għajnejn onestament fittiexa biex jifhmu dinjiet ġodda imma wkoll dinjiet kontemporanji, li bilfors tmiss magħhom lil hinn mill-età jew l-istat tiegħek, inkella huma qagħdiet universali b’libsa ġdida. Għalhekk, jolqtuk in-novelli dwar temi bħall- prostituzzjoni u l-immigrazzjoni, u anki fejn jidħlu d-droga u s-sess, forsi deskritti b’naivetè li tista’ tillimita ċertu effetti tat-test, xorta waħda hemm biżżejjed riskontru mar-realtà u mal-qagħda problematika li ma tistax iddawwar ħarstek u tinjoraha.
Għax l-esperjenza, il-ħajja mgħejxa, għandha valur ukoll, u anki jekk il-ġdid jiġi mistħarreġ minn nuċċali qadim u vista qed tiċċajpar, hemm siwi xorta. U forsi huwa dak li jrodd il-poetiċità, iżda mhux biss: l-impenn letterarju ta’ Fenech jiftaħ tieqa rari fil-letteratura Maltija fejn, min-naħa, għandek artist ta’ ġenerazzjoni mgħoddija u li spiss tissogra titqies sorpassata, li xorta waħda juri interess attiv f’dinja li mhux bilfors hi jew għadha tiegħu. U, mill-oħra, speċjalment fil-mumenti fejn jidħlu t-tifkiriet iktar milli l-analiżi tal-kontemporanjetà, tieħu idea storika ta’ kif kien iż-żagħżugħ ta’ żmienu, speċjalment tas-sittinijiet li ftit li xejn għandna xogħlijiet li juruhom, appuntu fil-ħajja mgħejxa tassew, sakemm ma jkunux strambi jew imdeffsa f’allegorizzazzjoni antierojka, jew inkella maqbuda qisha pedina bla setgħa fl-irwiefen tal-istorja qed tinbidel mingħajr ma toħorġu bħala tassew parteċipi fiha.
Huwa xogħol li kieku missieri ma jiddejjaqx jaqrah, u li jfakkarni wkoll fir-rakkonti tiegħu fejn nisma’ storja ta’ bniedem, iktar milli ta’ karattru fittizju jew sinjal narrattiv li qiegħed hemm aktar biex jaqdi funzjoni testwali kif ukoll vanità solipsistika, aktar milli bħala essri komplut jgħix il-ħajja ta’ kuljum. Dan il-ktieb fih diversi mumenti ta’ valur, mir-rakkonti qosra li jgħidu storja bl-innoċenza ġenerazzjonali imma bl-esperjenza tas-snin, kif ukoll fil-biċċiet iqsar li joqorbu lejn is-saġġ u li jaħdmu b’taħlita ta’ nostalġija u umoriżmu, u li joħorġu bħala karatteristiċi tal-libertà u l-esperimentazzjoni li Fenech dejjem kellu ismu magħhom.
Hemm is-simpatiku u l-gustuż, lil hinn mill-impenn kurjuż tal-iskoperta ta’ dinja li mhux bilfors l-awtur-narratur qed jabitaha għal kollox bħala parteċipi attiv u involut. Imma l-ħlewwa ta’ bosta minn dawn il-kitibiet m’għandhiex tqarraq: anzi, hija stħarriġa kolta u sofistikata, x’aktarx aktar minn ta’ kittieba oħra wisq iżgħar fl-età, li b’dinjità u anki b’ċertu eleganza, tagħtina ħarsa mod ieħor u rari lejn Malta u lejn il-bniedem mil-lenti ġenerazzjonali mneżżgħa minn kull pretensjoni u kull ċertezza. U għaldaqstant, lil hinn mill-età venerabbli u l-ħemel esperjenzi tal-awtur, xogħol Victor Fenech dejjem sorpriża ħelwa u interessanti, u jkun sew li xogħlu jservi bħala indikatur ta’ stil u attitudni minkejja l-għajbien ta’ ċertu xogħol f’ħambiet oħra ta’ did-dinja ġdida li lkoll qed nitqabbdu magħha.