Kotba | Il-feriti li dan l-aħħar bdew jiżdiedu
Elena Cardona tintroduċi ruħha għal din il-paġna permezz ta’ Tita Tmiss l-Art, ktieb immirat għat-tfal bejn it-tmienja u t-tnax-il sena li jwaħħad storja fittizja ma’ temi soċjali universali.
Nhar ta’ Ħadd filgħodu jew waranofsinhar, inħobb immur interraq fil-kampanja. Sakemm nibda nidħol fil-qalba tan-natura, fejn inkun nista’ verament ingawdi l-mixi qalb l-għelieqi u l-passaġġi dojoq u mħarbtin u l-baħar, insib lili nnifsi ngħodd. Ma nkunx ngħodd kemm fadalli ġranet biex indaħħal xi biċċa xogħol fil-ħin, imma l-krejnijiet twal u potenti li huma mxerrdin max-xefaq. Sikwit nibda nimmaġina li fuq l-ikbar krejn hemm Tita u ħuha jew nipprova naqta’ liema krejn tmejjel l-ewwel meta Tita u sħabha t-tfal qatgħu l-ħbula ħoxnin tal-alka.
Imma min hi Tita u dawn it-tfal fuq il-krejnijiet? X’inhuma dawn il-ħbula ħoxnin tal-alka? Tita u t-tfal li jgħixu fuq il-krejnijiet huma l-karattri li wieħed jiltaqa’ magħhom fil-ktieb Tita Tmiss l-Art ta’ Clare Azzopardi u Glen Calleja, b’illustrazzjonijiet ta’ Naomi Gatt. Dan il-ktieb ippubblikat minn Kotba Calleja (2022) u mmirat għal tfal bejn it-tmienja u tnax-il sena. Hemm żewġ formati tiegħu: il-ktieb iż-żgħir, maħsub biex jirrakkonta storja aktar imlaħħma, moqrija mill-ġenituri jew l-għalliema, u l-ktieb il-kbir, picture book għat-tfal, biex huma stess jaqraw u jesploraw l-istorja mill-istampi u l-kliem.
L-istorja ta’ Tita Tmiss L-Art hi din: Tita, ma’ ħafna tfal oħra, tgħix fil-pajjiż tal-krejnijiet – pajjiż li hu mdawwar b’ħafna ‘ilmijiet u storbji, ħafna sajjetti u żaqżiq, ħadid u sadid’. Dan hu pajjiż partikolari, fejn skont l-awturi jiddominaw il-‘ħafnajiet’ u fih issib affaijiet li aħna l-qarrejja żgur li ma nassoċjawx ma’ raħal jew pajjiż. Fil-pajjiż ta’ Tita, apparti l-krejnijiet li jiddominaw il-pajjiż, hemm xi ħadd ferm aqwa minnhom – il-Maltempi. Dawn qishom allat li jaħkmu fuq kulħadd u juru snienhom mat-tfal, li huma waħedhom għax darba l-Maltempi ġarrew lill-kbar kollha ġo ‘ferroviji ta’ rwiefen’. Karatteristika oħra f’dan il-pajjiż hi li l-art ma tidhirx għax miksija kollha ilma. Ix-xita ma tieqaf qatt u ġieli tkun akkumpanjata minn sajjetti tal-biża’. Il-krejnijiet iżommu ma’ rqajja tas-sema bi ħbula ħoxnin tal-alka. Imma xi darba l-ħajja f’dan il-pajjiż kienet differenti. Kulħadd kellu xi mkien fuq l-art fejn ideffes rasu. Kollox inbidel meta bdiet nieżla xita ma tiqafx u n-nies bla ma jridu kellhom jemigraw għall-krejnijiet biex jgħixu f’bejtiet fqar.
Però ankè dawn il-krejnijiet ma kinux is-soluzzjoni għax kienu mheddin mill-Maltempi u Tita u ħuha Fjan, kienu jafu li jridu jagħtu attenzjoni speċjali lill-krejn tagħhom billi jikkurawlu l-ħbula, li kienu jżommuh dritt. Hi u ħuha kienu mbeżżgħin li l-krejn tagħhom kien se jiġrilu xi ħaġa għax il-girfa li kellu kienet fonda wisq. Ħafna krejnijiet oħra kienu spiċċaw fl-ilma. Għalhekk Tita, ma ħallietx il-biża’ tegħlibha u kienet dejjem togħdos għall-alka biex issewwi l-ħbula. Imbagħad meta tkun togħdos, Tita tiftakar f’ommha, għaddasa mustaċċuna u tibda tisma’ leħinha. Ommha kienet tkanta għanja, li minkejja Tita qatt ma semgħet qabel, daqqitilha ħelwa għal widnejha u bdiet tkantaha hi wkoll. Dan hu l-mument li l-qarrejja jesperjenzaw il-ferħ – jiltaqgħu ma’ Tita ferħana, li trid terġa’ tmur l-Għadir għall-alka biex tfittex leħen ommha. Imma din id-darba mhux lil ommha biss issib imma lil niesha kollha. Ommha ħarġet mill-folla u hemmhekk Tita, li kienet tħawdet b’dak li kien qiegħed jiġri, fehmet kif tista’ ssalva l-krejn tagħha u krejnijiet oħra. X’inhi allura s-soluzzjoni? Kif se jirreaġixxu l-Maltempi? Se jirnexxielha Tita tagħmel dak li qaltilha ommha?
Wara li qrajt, kemm il-picture book, kif ukoll il-verżjoni ‘mlaħħma’, tqanqlu diversi mistoqsijiet f’moħħi. Il-qarrejja jiltaqgħu ma’ Tita – ‘nofsha tifla rqajqa u nofsha ħlejqa xiħa ta’ tlettax-il sena u nofs’. Tfakkarni f’Joan of Arc, li fis-seklu ħmistax mexxiet l-armata Franċiża kontra dik Ingliża. Imma x-xorti ta’ Tita daħkitilha għax fl-għeluq tidher bħala l-eroina tal-pajjiż tal-krejnijiet. L-istampi, speċjalment fil-picture book, jikkumplimentaw b’mod mill-isbaħ il-pinna eċċellenti ta’ Clare Azzopardi u Glen Calleja. Għall-bidu, meta ftaħt il-picture book u rajt ammont ta’ stampi bil-kulur iswed, kemmixt xufftejja, forsi għax l-iswed ma jogħġobnix. Però meta lestejt il-ktieb, irrealizzajt li l-istampi jkomplu jagħtu r-ruħ lill-kliem. Mhijiex storja mill-isbaħ, jew hekk tkun għall-bidu, u l-għażla tal-kulur iswed u kuluri oħra skuri jirriflettu li xi ħaġa mhix sejra sew fil-pajjiż tal-krejnijiet, li Tita maħkuma mill-ansjetà, li l-melankonija hi preżenti fost it-tfal. Barra minn hekk, it-tipa kbira u l-layout tal-paġni jħajru t-tfal biex flimkien jgħoddsu ma’ Tita biex isibu l-art. Il-kliem u s-sentenzi li huma miktubin b’ittri kapitali jew inkella t-tipa tagħhom hija ferm ikbar mill-bqija tal-kliem, jiġbdu l-attenzjoni tat-tfal u nazzarda ngħid li dan il-kliem jitkellem waħdu – iġiegħel lit-tfal jomogħodu dal-kliem u jsaqsu l-għaliex. Kemm-il picture book, kif ukoll il-ktieb l-imlaħħam, fihom xalata ta’ deskrizzjonijiet, aġġettivi oriġinali u sentenzi mhux tedjanti.
Għalija dan mhux ktieb biss għat-tfal jew tat-tfal. Staqsejt lili nnifsi jekk xi darba nistax nispiċċa bħal Tita mperrċa fuq xi krejn, bl-ilmijiet taħti u l-Maltempi jiżvugaw miegħi. Il-feriti ‘dan l-aħħar bdew jiżdiedu’ u l-possibilità qiegħda hemm tberren xi mkien. Għalija dan hu ktieb li jqanqal il-problemi ambjentali, il-bini eċċessiv u t-tibdil fil-klima, li kemm f’pajjiżna u madwar id-dinja għaddejjin minnhom. L-istorja ta’ Tita fiha l-eki tad-dulluvju u l-arka ta’ Noe u l-għanja tal-omm issir l-għanja tar-riġenerazzjoni tal-ħolqien – rakkonti bibliċi, li hawnhekk jieħdu sura u ruħ ġdida, isiru avvenimenti li diġà bdejna nismigħu dwarhom. L-awturi, b’teknika fina immens irnexxielhom jamalgamaw tajjeb storja fittizja ma’ temi soċjali u ambjentali, liema temi xi kultant aħna l-kbar ma naħsbux li huma addattati għat-tfal jew iktar u iktar li nisimgħu l-opinjoni tagħhom dwarhom.