Kotba | Pinen qodma, linka ġdida
Patrick Sammut jaqbad f’idu Pinna Poetika ta’ Anthony Farrugia, li minkejja li ġie ppubblikat mill-awtur innifsu s-sena l-oħra, baqa’ leali lejn il-forma tradizzjonali, il-forma li ħafna baqgħu jassoċjaw mal-poeżija
Il-poeżija għamlet passi ’l quddiem mit-twaqqif tal-Moviment Qawmien Letterarju fis-sena 1967. Grupp ta’ poeti, ħafna minnhom żgħażagħ, introduċew fil-qasam tal-poeżija Maltija stili ġodda bħalma huma l-poeproża, il-ħajku, il-vers ħieles, u anki esperimentaw bil-vers projettiv fejn il-forma tal-poeżija kienet b’xi mod tirrifletti l-kontenut u temi ewlenin tagħna. Dan kollu ta nifs ġdid lill-qasam tal-poeżija Maltija, imma dan ma fissirx li l-poeżija tradizzjonali kif suppost ma baqgħetx tinkiteb. Tant hu minnu dan li l-poeżija tradizzjonali – magħmula minn forom regolari li jirrikjedu dixxiplina bħas-sunett Taljan u Ingliż, is-saffika klassika u barbara, versi bħalma huma s-settenarju, l-ottonarju u l-endekasillabu – baqgħet u għadha tinkiteb sal-preżent. Anthony Farrugia, li llum jgħodd qrib id-disgħin sena, huwa wieħed minn dawn. Hawn se nittratta l-poeżiji li jidhru fi tnejn mill-ħames taqsimiet li fiha hija mqassma l-ġabra Pinna Poetika li tiġbor fiha ftit iktar minn 120 poeżija. Ta’ min jgħid li t-taqsimiet mhux imsemmija hawn huma: Twemmin; Versi Patrijottiċi u dwar il-Poeżija; u Poeżiji b’Ilsna Oħra.
Il-versi tan-natura
Taħt taqsima bħal din wieħed isib poeżiji ispirati minn ħlejjaq ċkejknin (bħal insetti u għasafar), fjuri, u elementi oħrajn (fejn it-tema Natura tintrabat ma’ tiġrib il-ħajja, u riflessjonijiet varji). Bħall-poeti Romantiċi, Farrugia jorbot elementi tal-mikro- u l-makrokożmu ma’ tiġrib il-ħajja. Dawn ta’ Farrugia huma poeżiji fejn joħorġu għad-dawl il-ħlejjaq ċkejknin li jabitaw lill-gżejjer Maltin - il-ħut, id-denfil, l-alka, il-merill, il-ħuttaf, il-bilbla, iċ-ċiefa, il-gawwija, il-werqa tal-buqar, il-freżja, il-warda, il-plejju, il-ġarġir, is-sagħtar, iż-żwiemel u l-baqar, il-lumi u l-larinġ, is-siġra tat-tut, in-nida, il-bugħarwien u n-naħla, u l-farfett -, imma anki l-elementi makrokożmiċi li jikkaratterizzaw art twelidna – l-għolja, il-wied, ix-xagħri, il-bwieraq, ir-riħ, is-sħab, is-smewwiet, il-baħar, ix-xatt, ix-xefaq, il-qamar, u x-xemx (mifhuma bħala “reġina tal-ħolqien” f’“Minn fuq l-Għolja”).
Jinħass li dan l-ispazju joffri lill-poeta serħan u opportunità għar-riflessjoni. Dak naturali hu spazju magħmul minn dawl u dlam, irwejjeħ, kuluri u ħsejjes mill-iktar ħajjin u differenti. L-ilwien u d-dawl jispikkaw f’poeżiji bħal “Sajda”: “baħar ikħal nir”, “Qamar fiddien”, “Fiddiena triq il-baħar”, “Sema sħiħ iġġammar”; “Minn fuq l-Għolja”: “xefaq dehbi”, “ġamar is-smewwiet/ inin, jiddaħħan, jiswied”; u oħrajn.
Jispikkaw anki l-ħsejjes: “il-għanja għodwija/ tas-sbejjaħ merill” u ċ-“ċafċifa ta’ maqdef” fi “Grotta Blu”; “Ir-riħ ifewweġ” f’“Ir-Riħ u l-Bniedem”; l-“għanja tal-bilbla” fi “Kmieni Filgħodu”. Permezz ta’ dawn is-sensi l-poeta jintrabat u joqrob sewwa lejn id-dinja li kien jabita bħala tifel jew jgħix fiha ta’ kuljum. Jissemmew ukoll l-irwejjaħ tal-post: “Xammejt riħet is-sagħtar/ li tħalltet ma’ tal-baħar” fi “Grotta Blu”; “u l-warda terġa’ tfewwaħ” f’“Rebbiegħa Oħra”; ir-“riħa ta’ plejju” f’“Mejju”; ir-“Riħa ta’ baħar/ u riħa ta’ mħar”, “Riħa ta’ alka”, “Riħa... ta’ freżja mill-ġnien”, “Riħa ta’ basal”, “Riħa ta’ demel/ taż-żwiemel, tal-baqar” fi “Rwejjaħ”.
“Kmieni Dalgħodu” hija wkoll riflessjoni u protesta kontra t-“triqat imqallgħa, binjiet bla rażan”, l-“istorbju u d-dħaħen” li qerdu “ġmiel il-ħolqien.” Fl-aħħar nett, f’“Nixtieq”, Farrugia jesprimi l-ħsieb li l-bniedem jgħix “ħajja aħjar” kieku jimita lill-ħlejjaq naturali, anki l-iċken fosthom.
Versi patrijottiċi
Fost il-poeżij ta’ Anthony Farrugia hemm ukoll dawk li b’xi mod juru l-imħabba tal-poeta lejn art twelidu. Hemm versi fejn jissemmew irkejjen partikolari jew toponimi marbutin mal-gżejjer Maltin. Iż-Żurrieq hu raħal twelid il-poeta u jissemma f’“Ir-Raddiena tar-Riħ”, sottotitolata “Lill-Imtieħen tal-Marsa (Żurrieq) li fi tfuliti ħdejhom qattajt sigħat sħaħ.” Poeżija oħra hi “Wied Babu” li tieħu l-forma ta’ sunett Ingliż, fejn ukoll tinħass in-nostalġija flimkien ma’ sentimenti kuntrastanti bħad-diqa (marbutin ma’ nżul ix-xemx) u l-hena u l-mistrieħ li joffri seħer dan il-post mimli bil-fwieħa tal-ġilju. Versi marbutin ma’ dan kollu huma “Filfla”: hawn il-poeta jindirizza lil din il-gżira ċkejkna waqt inżul ix-xemx li tfakkru f’Ħaġar Qim, imma anki “fl-eħrex gwerer,/missielta tul is-snin.”
L-abjad u l-aħmar, l-ilwien tal-bandiera nazzjonali, jissemmew fi “Ħdejn il-Monument tal-Gwerra f’Ħaż-Żabbar” u “Qronfla Mnaqqxa”. Il-monument ifakkar f’dawk kollha li mietu waqt il-gwerra filwaqt li l-poeta jesprimi sens ta’ patrijottiżmu u kburija. Anki fi “Qronfla Mnaqqxa” jaħkem sens ta’ kburija lejn art twelid il-poeta, imma tissemma wkoll “mara/ li ġmiel ieħor bħal tagħha/ ili tant żmien ma nara.” Wieħed jistaqsi min hi din il-mara: l-Omm Patrija ssimbolizzata fil-letteratura u oqsma oħrajn tal-arti?
Fl-aħħar nett Farrugia jesprimi sens ta’ patrijottiżmu anki f’“Lil Agatha”, eks President ta’ Malta, versi li jintrabtu mal-mafkar li nsibu f’Ħaż-Żabbar li jkompli jfakkar lil din il-personalità Maltija: “Min minn ħdejk jgħaddi xi darba,/ Kbir jew żgħir – ġieħek iqis.”
L-għażla metrika u prosodika
Kif wieħed jinnota mill-qari tal-poeżiji f’Pinna Poetika, bħala forma Anthony Farrugia jagħti prijorità lit-tradizzjoni, imma ma jonqsux poeżiji miktubin b’metrika u prosodija ħielsa. Mela, fuq naħa nsibu l-użu tal-kwartini fuq kollox, b’rima mqabbża, xi drabi alternata. Ġieli nsibu xi poeżija miktuba fil-forma tas-sunett Taljan (żewġ kwartini u żewġ terzini, bħal “Lil Santa Katerina”) jew Ingliż (tliet kwartini u distiku finali, bħal “Sriep”). Hemm poeżiji miktubin bil-kwadernarji, bis-senarji, bis-settenarju, bl-ottonarju, u bl-endekasillabu. Insibu wkoll bosta waqtiet meta Farrugia jagħżel il-vers u l-metrika ħelsin. Drabi oħrajn Farrugia bħal jesperimenta bejn forom tradizzjonali u ħielsa. Dawn tiegħu huma kollha versi ta’ riflessjoni, imwasslin bi kliem sempliċi u spiss b’ritmi mexxejja.
Inħoss li l-qasam tal-poeżija Maltija kontemporanja m’għandux biss jinkludi fih forom ta’ poeżija li mxew maż-żminijiet, imma anki dawk li jintrabtu mat-tradizzjoni ladarba dawn tal-aħħar għadhom jitħaddmu fil-preżent. Infakkar ukoll li m’hemmx tip ta’ qarrej wieħed li jippreferi l-poeżija moderna biss jew il-poeżija tradizzjonali biss, imma multipliċità ta’ qarrejja li għandhom kull dritt jagħżlu l-ġabra ta’ poeżija li tgħodd għalihom. Nemmen però li fiż-żewġ każi - poeżija moderna u dik tradizzjonali - min jikteb għandu jżomm ċerti livelli kemm bħala forma kif ukoll bħala kontenut biex kemm jista’ jkun il-qarrej jiġi ppreżentat bi prodott deċenti u ta’ livell.