Kotba | Fil-Qiegħ ‘Sibt il-poeżija’

Elena Cardona taqbad “Imbagħad il-Qiegħ” ta’ Murad Shubert, persuna oħra li twieldet lil hinn minn Malta, imma qabdet il-Malti tajjeb biżżejjed biex ħarġet din il-ġabra poetika li dan l-aħħar intgħażlet għal-lista finali tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, u li kif jixhed isimha, skont Cardona, tieħdok sal-qiegħ

X’inhi poeżija? Kif tikteb poeżija? X’messaġġ trid twassal il-poeżija tiegħek? Fejn issib il-muża biex tikteb? Dawn huma xi mistoqsijiet li xi darba jew oħra matul il-proċess tal-kitba jew wara l-publikazzjoni, il-poeti jħabbtu wiċċhom magħhom.  

Xi kultant insibha diffiċli wisq biex inweġibhom għax dawn huma mistoqsijiet kumplessi u t-tweġiba mhux daqshekk faċli. Ibda biex dan jiddependi minn min ikun qed isaqsik dawn il-mistoqsijiet. Nagħlaq għajn waħda, anke t-tnejn jekk ikun hemm bżonn, meta dawn il-mistoqsijiet ikunu ġejjin mingħand nies li mhumiex letterarji għax napprezza s-sinċerità tagħhom li minkejja li ma jifhmux jippruvaw jirreaġġixxu għall-kitba tal-poeżija.

Però meta dawn il-mistoqsijiet ikunu mingħand nies li jaqraw, japprezzaw il-letteratura u esposti għaliha, inħossni mbarazzata u wkoll kemxejn irrabjata. Kif tista’ tirriduċi xi ħaġa artistika f’messaġġ? Bħalma jgħid il-poeta Adrian Grima, il-messaġġi nħalluhom għall-mowbajl u m’għandhomx jitħalltu mal-poeżija. Messaġġ hu propjament xi tip ta’ informazzjoni qasira li tintbagħat li xi ħadd meta wieħed ma jistax ikellem lil dak li jkun direttament. Żgur li l-poeżija mhijiex hekk.  

Il-poeżija tista’ tiġi definita b’diversi modi fosthom sensiela ta’ emozzjonijiet li jilmaw u jieħdu sfumaturi skont ix-xejriet tal-ambjent li tkun fih. Il-poeżija hija riflessjoni ta’ proċess ta’ tiswir fejn kliem u ideat minn xogħlijiet letterarji oħra jidħlu kexxun f’dan l-ispazju artistiku. Tista’ tkun ukoll ‘balla’ – balla li tgħaddi ‘żbrixx minn miegħek, qisha memorja stramba. U mbagħad tibda tħoss it-tiċrita fil-laħam il-ħaj’. Dan hu parti minn kumment li Adrian Grima jikteb dwar il-ġabra ta’ poeżiji ta’ Murad Shubert li ġġib l-isem Imbagħad il-Qiegħ.

Din il-ġabra, li ġiet ippubblikata minn Klabb Kotba Maltin fl-2022, tinkludi fiha ’l fuq minn tmenin poeżija minimalista. Dawn il-poeżiji skjetti u b’lessiku sempliċi huma ta’ ftit vrus jew ta’ ftit strofi – aħjar il-ftit mill-ħafna li jxebba’. It-titli tagħhom huma ġeneralment nomi u magħmula minn kelma waħda u xi kultant  jinkludu wkoll dedika. 

Allura l-poeżija ta’ Shubert tferi u tħallik muġugħ? Li hu ċert hu li tieħdok fi vjaġġ sal-qiegħ. Dan mhux il-qiegħ li jidher meta tlegleg xi flixkun inbid, il-qiegħ tas-sodda li tesperjenza meta tkun marid jew il-qiegħ li tmiss meta taqbad it-triq il-ħażina. Dan hu l-qiegħ li jaf biss bih il-poeta imma li jaqsmu magħna u bħala qarrejja nesperjenzawh kull darba li naqraw xi poeżija minn tiegħu. Nazzarda ngħid li dan il-qiegħ qisu dik il-balla li ċċarrat il-laħam il-ħaj. Hu qiegħ li jesponi l-verità, isir il-kuxjenza skomda u jigref biex jesponi l-inġustizzji.

Għalhekk il-qiegħ, għall-kuntrarju tal-idjoma Maltija, jinbidel f’forma ta’ eżistenza u ta’ sopravivenza għal Shubert, li minkejja l-malikonija u l-memorji personali tqal li tħalli fuqu l-ħajja, iservi ta’ katarsi għal kitbietu. Kif jistqarr hu stess f’‘Poeżija’, meta fittex il-‘patrija’, l-‘imħabba’ u l-‘ħbiberija’ sab biss il-poeżija.  

Barra minn hekk, il-qiegħ jieħu dimensjoni oħra meta wieħed jara l-qoxra tal-ktieb. Hu l-qiegħ tal-baħar li jiġbdek ’l isfel jekk ma tkunx taf tgħum jew ikun il-maltemp. Fil-fatt numru ta’ poeżiji jittrattaw it-tema tal-immigrazzjoni, tal-vjaġġi perikolużi li jsiru minn xatt għall-ieħor tal-Mediterran u kif tiżvolġi l-ħajja ta’ dawn in-nies wara li jirfsu f’pajjiżi Ewropej. Din it-tema toħroġ b’saħħitha f’ ‘Twaħħid’. Shubert fit-tmien versi tiegħu, juża l-kelma ‘differenti’ erba’ darbiet biex jisħaq fuq il-fatt li n-nies li kienu fuq id-dinghy kienu ta’ nisel, ġilda, fidi u lsien differenti u kienet twaħħadhom biss il-ħolma għall-ġejjieni aħjar. Sfortunatment il-ħolma nbidlet f’post sigur f’qiegħ il-baħar.

Imbagħad hemm Abdul – fil-poeżija li ġġib l-istess isem. Ix-xorti daħkitlu għax b’xi mod irnexxielu jasal Malta u qiegħed jaħdem. Kien iwaħħal l-irħam fit-tlettax-il sular. L-ewwel irħama waħlet, iżda mat-tieni waħda skappatlu l-kazzola minn idu u magħha skappat ħajjet Abdul. L-ironija hija fina immens – in-numru tlettax li ħafna jassoċjawh mal-affarijiet il-ħżiena u l-irħam li hemm kemm trid minnu fiċ-ċimiterji.  

L-element tad-dinja Għarbija ma jonqosx f’din il-ġabra. Hemm imsemmija l-inħawi Marokkini li fihom trabba Shubert, il-pajjiż ġar tal-Alġerija u l-kultura Għarbija inġenerali. Jispikkaw fosthom il-poeżiji ‘Marokkin’ u ‘Armla’. Il-mod kif inhu msensel il-kliem u l-ordni li qiegħed fih, ħassejtni interraq ma’ dan il-Marokkin li ‘[p]oġġa l-ħolm tiegħu kollu fit-tebut/għalqu u refgħu fuq dahru’, imbagħad kompla l-vjaġġ tiegħu sakemm dehru il-baħar u l-Ġibiltà. Hu u l-ħolm jispiċċaw jibdlu posthom ⸺ il-ħolm meħlus mit-tebut u ġa wasal in-naħa l-oħra tax-xatt u l-Marokkin mimdud fit-tebut.

Min-naħa l-oħra, il-poeżija ‘Armla’ hija waħda intima u bħala qarrejja xxurtjati li l-poeta qasam dawn il-memorji tal-armla magħna. L-armla, li mhi ħadd ħlief omm il-poeta, tgawdi, tapprezza u tħobb lill-maħbub tagħha permezz ta’ wliedha, li huma wkoll ulied il-maħbub tagħha. Apparti l-memorji personali, hemm ukoll il-memorji kollettivi ta’ poplu. F’‘À votre santé’ u f’‘Alġerin’, il-poeta jitfa’ ħarstu fuq il-kolonjaliżmu Franċiż u l-effetti tiegħu li bħal dell għadhom jiddominaw lil dan il-pajjiż indipendenti. Il-‘memorja tal-bieraħ’ tintgħaġen ma’ ‘Jien u l-lejl’ u ssir impossibli li l-memorja tinfired mill-istorja u l-jien. Kif tistqarr in-nota fl-aħħar nett tal-ktieb, il-memorja hi dik li hi, ‘morra’ u nfilsat ruħha f’dak kollu li jagħmilna u li hemm madwarna.  

Madanakollu, Murad Shubert ma jibqax marbut ma’ fejn twieled iżda jirnexxielu jinfatam mid-dinja Għarbija u jikteb poeżiji dwar Malta, il-post li qiegħed jgħix fih issa. Ngħidu aħna, il-poeżija ‘Kapitaliżmu’ titfa’ dawl fuq il-problema ta’ bini żejjed li qegħdin nesperjenzaw fil-gżejjer tagħna.

Tkompli tisħaq dan id-dedika tal-poeżija –  Lil Miriam Pace, li spiċċat maqbuda taħt it-tifrik meta ċediet id-dar tagħha, li kienet ħdejn sit ta’ kostruzzjoni. Pace hi mqabbla ma’ din l-għasfura tal-bejt, imbeżża’ min-‘nejbiet tal-gaffa’ għaliex din se tkun ‘l-aħħar tħaddina’ li se tagħti lil uliedha u lil żewġha. 

Il-poeżija ta’ Shubert trid taqraha ftit ftit, daqslikieku qiegħed tixrob il-wiski. Jekk tixrob ħafna wiski, taf taqbdek l-indiġestjoni u l-istess jiġrilek b’din il-poeżija. Aqraha b’ton meqjus u kull kelma agħtiha l-ispazju tagħha ħalli timraħ u tirrelata mal-madwar. Omgħod kull kelma u apprezza s-silenzju bejn il-kliem għaliex is-silenzju ser jixpakka, mhux bl-assenza ttarrax imma bil-verità mill-qiegħ. 

More in Arti