Damz u STK; żewġ żgħażagħ Maltin idoqqu fost l-iprem DJs globali
Niddiskutu magħhom il-mużika, il-ħajja tagħhom u l-politika lejn id-drogi, fost oħrajn
Damjan Zahra u Gorg Vella, żewġ żgħażagħ Għawdxin ta’ 20 u 23 sena, idoqqu fl-edizzjoni ta’ Glitch Festival tal-2023, f’jum Santa Maria. Glitch Festival huwa avveniment tal-mużika elettronika li jittella’ kull sena, fejn fih jipparteċipaw uħud mill-akbar artisti internazzjonali fix-xena. Il-personalitajiet li kienu preżenti din is-sena jinkludu Charlotte De Witte, Kobosil u I Hate Models. L-ILLUM titkellem ma’ dawn iż-żewġ artisti fuq il-karriera mużikali tagħhom, l-esperjenza li ddoqq fl-istess avveniment ma’ wħud mill-aqwa fid-dinja, il-ħajja personali tagħhom, u xi jmiss fil-futur.
Damjan jgħid li l-imħabba tiegħu lejn il-mużika nibdet minn ħuħ Nikola. Meta hu għamel il-ħsieb li jibda, ħuħ kien ilu jdoqq fuq sitt snin. B’hekk, Nikola kien jurih kif jintuża l-apparat, kif ukoll xi tekniki marbutin mal-qasam, allura b’hekk sabha eħfef biex jirranka. Illum il-ġurnata, l-aħwa għandhom programm fuq ir-radju flimkien. Kien ukoll jiżfen, u jistqarr li dan għenu ferm fid-daqq, speċjalment fejn jidħol ritmu. L-ewwel avveniment tiegħu inzerta fl-1 ta’ Frar tal-2019, meta DJ ħabib tiegħu kellu bżonn lil kif ħadd sabiex idoqq fl-ewwel siegħa ta’ avveniment li tella’ hu.
Gorg, għalkemm akbar, daħal aktar tard fix-xena. Hu interessa ruħu fil-qasam meta attenda l-edizzjoni ta’ Glitch Festival tal-2022. Minn hemm, beda jipprattika. Kellu l-ewwel opportunità jdoqq quddiem f’avveniment f’Diċembru tal-2022, meta ġie avviċinat minn DJ ieħor li kien jaf.
L-isem Damz ġie minn kif ziju tar-rispett kien jgħajjat lil Damjan meta kellu xi 10 snin. Dan baqa’ jużah bħala l-laqam tiegħu; saħansitra qiegħed imniżżel hekk fuq il-midja soċjali. “Allura, meta ġejt biex nagħżel isem għal meta ndoqq, l-għażla kienet ovvja,” qal bi tbissima.
Minn naħa l-oħra, Gorg kien kemmxejn aktar misterjuż rigward xi tfisser STK. Qal li, “huma l-ewwel ittra ta’ tliet kelmiet li jiddeskrivu lis-stat li nsib ruhi fih meta ndoqq.” Madankollu, ma xtaqx jelabora fuq x’inhuma dawn it-tliet kelmiet.
Fejn jidħol stil, Damjan versatili ħafna. Però jgħid li jippreferi t-techno, “għax inħoss li bih nesprimi ruħi l-aħjar. Dan peress li jinqasam f’ħafna sub-ġeneri differenti, u b’hekk inkun nista’ ngħaqqad ħafna biċċiet ta’ mużika differenti.” L-aktar artisti li jiġbed ispirazzjoni minnhom huma Chlär, Tafkamp u Alarico, għax għandhom stil simili tiegħu.
Gorg jgħid li l-istil tiegħu huwa aktar influenzat “minn ritmi li jqanqlu lil dak li jkun jiċċalaq magħhom – ritmi perkussivi u tribaleski, imħalltin ma’ dawk aktar riċenti mill-era tal-House. Fix-xena, dan magħruf bħala Groove Techno, li huwa aktar famuż ma’ dawk midħla tas-snin ‘90 u ’00.”
“Qatt m’avviċinajna lil ħadd biex indoqqu”
Iż-żewġ żgħażagħ jisħqu li qatt m’avviċinaw lil ħadd sabiex idoqqu f’avveniment. Damjan jgħid li ma jkunx komdu jagħmel hekk, għax iħoss li jkun qed jagħmel pressjoni fuq l-organizzaturi. “Il-ħaġa tkun sfurzata, u ma tkunx hemm għax verament rieduk.” Dejjem kienu huma li ġew avviċinati, jew inkella organizzaw l-avveniment huma stess.
Tul il-karriera tiegħu, Damjan organizza aktar minn 20 avveniment, taħt ismijiet differenti. Bħalissa, l-aktar wieħed li ffukat fuqu jismu Split, għax huwa avveniment li jorganizza waħdu. Hu jħossu kburi mmens mill-progress li għamel Split mill-ewwel edizzjoni s’issa, kemm fl-attendenza kif ukoll fil-kwalità, iżda dejjem jara kif jista’ jtejjeb. Apparti Split, l-aktar avvenimenti li jieħu gost idoqq fihom huma Ħmieġ, avveniment organizzat minn ħabib tiegħi, kif ukoll Glitch Club Series, organizzat mill-istess nies li jtellgħu Glitch Festival.
Gorg ukoll iqis Split u Ħmieġ bħala uħud mill-aktar avvenimenti li ħa gost idoqq fihom. Però, l-aktar għal qalbu huwa wieħed bl-isem ta’ WaX. Jgħid li, “il-komunità ta’ Indigo/Wax inqisha familja; l-atmosfera hija edonistika u mingħajr pregudizzji.” Apparti minn hekk, jieħu gost jipparteċipa f’avvenimenti iżgħar. Dan għalhiex jisħaq li x-xogħol li jsir mill-organizzaturi f’dawn “ikun it-tripplu, għal ftit li xejn qligħ, però jagħti ċ-ċans lill-artist jesplora fondijiet fl-istil tiegħu, li diffiċli ssir f’avveniment kummerċjali.”
“Waħda mill-isbaħ emozzjonijiet hija meta tara lil nies li jkunu qed jieħdu pjaċir ma’ diska tiegħek stess”
Fejn jidħlu diski oriġinali, Damjan ilu jipproduċi minn Novembru tal-2022. “S’issa għadnni ma ħriġt xejn għall-pubbliku, imma fix-xhur li ġejjin għandi xi affarjiet pjanati, kemm ma’ kumpaniji lokali u kemm m’oħrajn barranin.” Għalkemm jisħaq li jipreferi aktar idoqq, jistqarr li, “waħda mill-isbaħ emozzjonijiet hija meta tara lil nies li jkunu qed jieħdu pjaċir ma’ diska tiegħek stess.”
Gorg għadu ma bediex jipproduċi, għalkemm hija xi ħaġa li jrid jesplora aktar il-quddiem. Dan minħabba li għadu fil-bidu tal-karriera mużikali tiegħu, kif ukoll ħabba impennji oħra li għandu f’ħajtu. Hu jaħdem bħala riċerkatur fil-Ministeru t’Għawdex, Kap tal-Istrateġija tal-kumpanija Happy Pot, kif ukoll qiegħed għaddej bil-Masters l-Università. Meta mistoqsi kif ilaħħaq hu xehed li, “ħafna drabi jkolli nagħmel kompromessi ħabba l-ħin, u kultant inkun mgħaffeġ bir-responsabbiltajiet. Però inħoss li issa ċ-ċans biex nagħmel dak li nħoss li għandi nagħmel. Nirringrazzja dejjem lil ommi tal-paċenzja li tieħu bija, kif ukoll lil missieri, ħuti u sħabi.”
Damjan ukoll jgħid isibha diffiċli biex ilaħħaq. Hu wkoll għadu jistudja, kif ukoll iħarreġ l-għawwiema fis-sajf. Barra minn hekk, jagħmel sforz sabiex jaċċerta li jdaħħal imqar siegħa eżerċizzju kuljum.
“Id-drogi kullimkien issibhom”
Liż-żewġ żgħażagħ staqsejnihom ukoll dwar l-istigma li hemm lejn il-mużika elettronika; li avvenimenti fejn tindaqq ikunu miżgħuda b’nies jagħmlu abbuż mid-droga, u t-tnejn li huma kellhom l-istess fehma. “Issaqsi lil min issaqsi ta’ l-eta’ tagħna, ngħidulek l-istess: id-drogi kullimkien issibhom; f’Paceville, f’avvenimenti mtellgħin pubblikament, u anke f’avvinimenti tat-techno,” qal Gorg. “Saħansitra anke fil-Magħmudiji!” żied Damjan. “Li nara differenti f’avvenimenti tat-techno minn postijiet bħal Paceville, hu li f’Paceville tisma’ b’aktar ġlied, tkissir ta’ propjetà, fastidji, tfigħ ta’ sustanzi fix-xarbiet ta’ terzi, kif ukoll abbuż” kompla Gorg.
“Għalhekk nemmen li l-aħjar approċċ ikun ta’ mitigazzjoni ta’ ħsara. Mort festivals barra minn Malta fejn kull min jattendi jingħata aċċess għall-informazzjoni fuq l-użu tad-droga, kontraċettivi, mard sesswali, aċċess għal testjar ta’ kwalità tad-droga, għajnuna fejn tidħol saħħa mentali, u dan waqt li xorta waħda jkollhom livell għoli ta’ sigurta mad-daħla. S’issa kull Gvern kellu jinduna li l-gwerra kontra d-droga falliet.” Għal Gorg, il-ġlieda għandha tkun kontra t-traffikant, u mhux kontra dak li jagħmel użu “responsabbli” minnha. “Imbagħad, in-nuqqas ta’ responsabiltà fost min jagħmel użu mid-droga għandha tiġi kumbattuta minn politika ta’ mitigazzjoni ta’ ħsara, minflok jiġu ppersegwitati nies li qed jieħdu gost b’mod responsabbli, jew qed jitolbu id t’għajnuna. Saru wisq traġedji u nqerdu wisq ħajjiet minħabba l-approċċ tal-forza.”
“Kont qiegħed f’konverżazzjonijiet u ċajt mal-istess artisti li ssoltu nsiefer jew immur xi Glitch Club Series biex nara”
Meta staqsejnihom dwar kif kienet ir-reazzjoni tagħhom meta ġew avviċinati sabiex idoqqu f’Glitch Festival, it-tnejn li huma qalu li ma kienux qed jistennewha. Damjan jgħid li ma kienx qed jistenna li se jkollu l-opportunità din is-sena, filwaqt li Gorg aktar u aktar, meta tqis li kien ilu jdoqq biss xahar.
Filwaqt li Damjan jirringrazzjah tal-opportunità, jgħid li din kienet esperjenza li m’hu se jinsa qatt, “dak li ħassejt waqt li daqqejt ma nibdlu ma’ xejn. Barra minn hekk, kelli ċ-ċans niltaqa’ u niddiskuti ma artisti fix-xena, li ssoltu nsegwihom minn fuq l-internet.”
Ġorġ jgħid li għalih, “l-esperjenza kienet surreali, infatti għadni m’erġajtx ir-rutina. Kont qiegħed f’konverżazzjonijiet u ċajt mal-istess artisti li ssoltu nsiefer jew immur xi Glitch Club Series biex nara. Daqqejt quddiem mijiet ta’ nies u irċievejt kummenti tajbin ħafna, kemm mill-artisti kif ukoll mill-folla. Għall-bidu ħassejtni ftit eċitat, imma hekk kif bdiet tikber il-folla mill-ewwel qbadt ir-ritmu u ġejt f’dinja għalija.”
Dawn ċertament li huma żewġ żgħażagħ b’futur sabiħ fix-xena. Tkellimna magħhom ukoll dwar xi pjanijiet għandhom issa. Damjan għandu numru ta’ avvenimenti pjanati, fosthom żewġ edizzjonijiet ta’ Split, kif ukoll Indigo u l-festival Dalma. Però, it-tir finali tiegħu hu li jdoqq barra minn xtutna. Gorg m’għandux daqshekk pjanijiet fit-tul, iżda se jkun qed idoqq ukoll f’Dalma. Barra minn hekk, se jkun qed idoqq fl-edizzjoni li jmiss ta’ Ħmieġ, fejn se jdoqq ukoll id-DJ internazzjonali Adrian Mills.