Is-Sensiela “Carry On...”
Uħud minn dawn il-kummiedji urew l-affaxxinazzjoni tal-pubbliku Brittaniku mal-mediċini u l-mard li rrendew riżultati tajbin
Il-finezza ċinematografika żgur li kienet l-aħħar ingredjent li wieħed seta’ jinnota f’dawn il-fares. Waħda kritika Ingliża sostniet li dawn kienu magħmula bħal meta wieħed jaqta’ s-salami u l-fil tal-istorja kien tant teneru li jisparixxi qabel il-final. Kultant, però kellhom l-ispontanjetà, kif ukoll il-ħila li ħafna udjenzi kienu jiġġennu għalihom. Xatt mimli ramel f’Sussex taparsi kien id-Deżert Sahara f’Carry On: Follow That Camel u trejqa qalb muntanji f’Wales serviet bħala l-Kyber Pass tal-Indja f’Carry On Up the Kyber.
Uħud minn dawn il-kummiedji urew l-affaxxinazzjoni tal-pubbliku Brittaniku mal-mediċini u l-mard li rrendew riżultati tajbin fid-dħul tal-flus f’Carry On Doctor li ħareġ fl-1967, sentejn wara f’Carry On Again Doctor u fl-1972 Carry On Matron.
Il-films tal-Carry On laħqu l-għola livell tagħhom meta bdew jissatirizzaw xogħlijiet ta’ ġeneri popolari li bdew fl-1964, fl-epoka tal-furja tal-films ta’ James Bond, b’Carry On Spying. F’din il-produzzjoni, l-eċċentriku vokalista Kenneth Williams (kemm kont inħobb nisma’ leħnu!) ikun aġent Brittaniku li jintbgħat Istanbul, naturalment mibni fi studjo, fejn imur ġo restorant li fuq il-mejda jkollu avviż “Reserved for the party of British spies”.
Don’t Lose Your Head għadda passata bir-Rivoluzzjoni Franċiża, b’Charles Hawtrey jintbghat għall-giljottina f’sekwenza nieqsa minn kull palat ħażin kemm hu ħażin. F’Carry On Up The Kyber iċ-ċajta prinċipali hi jekk is-suldati tar-riġment Skoċċiż humiex lebsin xi ħaġa taħt id-dublett. Il-mira ta’ Carry On Henry naturalment kien ir-Re Enriku VIII (Sidney James) li wara li jiżżewweġ lil Marie ta’ Normandija ma jkunx jista’ jsir intimu magħha u jippjana biex joqtolha għax il-ħin kollu kienet tiekol it-tewm. Wara 20 sena ta’ films tal-Carry On, bħalma jiġri dejjem, l-attitudni soċjali nbiddlet sewwa u dak li kien ta’ divertiment lill-pubbliku qabel, issa sar jaljenahom.
Il-filmografija kompluta ta’ din is-sensiela hi din:
1958 – Carry On Sergeant 1959 – Carry On Nurse (suċċess sorpriż fl-Istati Uniti)
1959 – Carry On Teacher 1960 – Carry On Constable
1960 – Carry On Regardless 1962 – Carry On Cruising (l-ewwel bil-kulur)
1963 – Carry On Cabby 1964 – Carry On Jack
1964 – Carry On Spying 1964 – Carry On Cleo
1965 – Carry On Cowboy 1966 – Carry On Screaming
1966 – Carry On – Don’t Lose Your Head 1966 – Carry On – Follow That Camel
1968 – Carry On Doctor 1968 – Carry On Up The Kyber
1969 – Carry On Again, Doctor 1969 – Carry On Camping
1970 – Carry On Up The Jungle 1970 – Carry On Loving
1971 – Carry On Henry 1971 – Carry On At Your Convenience
1972 – Carry On Abroad 1972 – Carry On Matron
1973 – Carry On Girls 1974 - Carry On Dick
1975 – Carry On Behind 1976 – Carry On England
1978 – Carry On Emmanuelle 1992 – Carry On Columbus
Fl-aħħarnett, naraw x’qalu dawk li pparteċipaw f’din is-serje:
“Jien konvint li l-udjenzi ma jridux bidla, jixtiequ l-istess ħaġa tirrepeti ruħha” qal il-produttur Peter Rogers.
Peter Rogers kompla jgħid: “Kollha kienu l-istess. Għadna 31 film minn ċajta waħda!”
Kenneth Williams fl-1964 sostna hekk: “Din tassew stramba kif il-Carry Ons qed jissemmew, għaliex malajr saru ‘in voga’? Issa qegħdin ukoll jiġġustifikaw l-iskripts ħżiena tagħhom u jitkellmu dwar in-nuqqas ta’ klassi li fihom. X’konfużjoni. Taħwida biss tista’ ssejħilha, taħwida!”
L-istess Kenneth Williams fl-1988 qal hekk: Il-film kien Carry On Abroad u jiena kont qed nieħu sehem fl-iskript tas-soltu. Tħares lejn dan iż-żibel tinduna li xejn ma tbiddel. Iċ-ċajt Brittaniku jikkonsisti biss minn ħmerijiet u trab. Tassew dipressanti!”
Andy Medhurst fl-1992 sostna hekk: “Kieku kelli naħseb raġuni waħda l-għaliex il-Carry Ons jiswew daqshekk huwa għax ma jinbidlux ma’ kultura propja. Bħal The Crazy Gang, bħal George Formby, bħal Frank Randle, huma jesibixxu l-affari tal-funzjonijiet tal-ġisem u xewqat ħżiena li dejjem jirrenduhom vulgari. Din żgur mhix arti”.
Minkejja dan it-tmaqdir kollu, il-films tal-Carry On daħħlu fil-qalb tal-maġġoranza tal-poplu Brittaniku u anki f’ta’ oħrajn barranin u dejjem qallgħu l-flus lill-produtturi.