Gabriel Buttigieg jiddebutta wirja ġdida ‘Narratives For Postmodern Love’
Gabriel Buttigieg jiddebutta b’wirja ġdida fuq l-imħabba kontemporanja ‘Narratives For Postmodern Love’ f'kollaborazzjoni ma' waħda mill-aqwa kuraturi f’pajjiżna, Lisa Gwen, fuq wirja li hi mistennija tkun l-akbar waħda tiegħu
Fi ftit ġimgħat, wirja ġdida minn wieħed mill-aktar artisti notevoli ta’ Malta se tintwera fil-Belt Valletta. Wara li temm l-aktar residenza artistika riċenti tiegħu fir-Renju Unit, Gabriel Buttigieg ikkollabora ma’ waħda mill-aqwa kuraturi f’pajjiżna, Lisa Gwen, fuq wirja li hi mistennija tkun l-akbar waħda tiegħu. Gabriel jirritorna b’‘Narratives for Postmodern Love’ fis-7 ta’ Diċembru.
Dan il-proġett joffri aktar minn sempliċi għażla ta’ pitturi, u huwa wkoll rappreżentazzjoni tal-identità u l-viżjoni artistika ta’ Gabriel. Kull wieħed minn dawn ix-xogħlijiet inħoloq b’konsiderazzjoni tal-ispazju, l-ambjent, u l-istorja unika ta’ Splendid, il-lukanda dilapidata u għerja fil-Belt Valletta fejn se ssir il-wirja.
‘Narratives for Postmodern Love’ turi l-kunċett u l-perspettiva kumplessa tal-imħabba fis-seklu wieħed u għoxrin. Gabriel, li jqis dan bħala l-iktar xogħol kuraġġuż li ħareġ s’issa, jinterpreta b’mod xieraq it-tfixkil u l-kaos tal-imħabba. L-imħabba tqanqal il-ferħ u l-pjaċir, imma tista’ tqanqal l-uġigħ u t-tbatija, kif ukoll kull emozzjoni li teżisti bejniethom. Ix-xbihat sesswali li juru koppji ta' kull orjentazzjoni sesswali huma abbundanti fix-xogħlijiet, b’figuri oħrajn moħbijin bejn il-linji minsuġa bir-reqqa fuq il-kanvas.
Forsi aktar minn kull kollezzjoni oħra ta’ Gabriel, din is-sensiela hija waħda pjuttost intima u vulnerabbli, hekk kif jesprimi sentimenti intensi fuq il-pitturi. “I have been to the brink with these new paintings, I admit …”. Is-sentimenti tiegħu jiġu żvolġuti hekk kif in-narrattivi jimxu ’l quddiem, li bla dubju kulħadd jista’ jagħraf lilu nnifsu fihom.
Wara t-tnedija fis-7 ta’ Diċembru fis-7 pm, ‘Narratives for Postmodern Love’ se tibqa’ miftuħa f’The Splendid sat-22 ta’ Diċembru. Il-viżitaturi jistgħu jattendu bejn it-3 pm u t-8 pm mit-Tnejn sal-Ġimgħa, u mill-10 am sal-4 pm is-Sibt. Dan il-proġett huwa appoġġat minn The Splendid, Andre Gialanze Photography, DV Trading, Gemelli Framing and Funderija Artistika Chetcuti.