Film| Il-film mużikali ta' Porgy and Bess
Porgy And Bess hija opera bl-Ingliż ikkomponuta fl-1934 minn George Gershwin, bil-libretto miktub minn De Bose Hayward u Ira Gershwin min-novella ta’ Hayward stess, Porgy u wara mir-reċta tal-istess isem
Porgy And Bess hija opera bl-Ingliż ikkomponuta fl-1934 minn George Gershwin, bil-libretto miktub minn De Bose Hayward u Ira Gershwin min-novella ta’ Hayward stess, Porgy u wara mir-reċta tal-istess isem. Porgy And Bess saret għall-ewwel darba fuq il-palk f’Boston, fl-10 ta’ Settembru 1935 u fiha ħadmu grupp ta’ kantanti Afrikani/Amerikani mħarrġa klassikament. Naturalment, għal dak iż-żmien, dan kien riskju kbir ta’ falliment. Wara li fil-bidu din sofriet minn nuqqas ta’ popolarità mill-pubbliku minħabba t-temi razzjali li fiha, fl-1976 il-produzzjoni Houston Grand Opera taha popolarità ġdida tant li saret waħda mill-aktar xogħlijiet magħrufa u l-aktar li ġiet esebita.
Fl-1926, Gershwin (wieħed mill-aktar kompożituri famużi, anki f’Hollywood għall-kompożizzjonijiet mużikali), qara l-ktieb “Porgy” u ppropona li għandu jikkollabora mal-awtur Hayward fuq Porgy And Bess. Fl-1934, flimkien bdew ix-xogħol fuq dan il-proġett billi żaru l-post fejn twieled l-awtur, Charleston, South Carolina. Gershwin spjega għaliex sejjaħ lil Porgy And Bess opera folkloristika f’artiklu fin-New York Times. Hu kiteb hekk: “Porgy And Bess hija ħrafa tal-folklor. Naturalment, in-nies tagħha jkantaw mużika folkloristika. Meta bdejt għall-ewwel naħdem fuq il-mużika ddeċidejt kontra l-użu ta’ materjal folkloristiku oriġinali għax xtaqt li l-mużika tkun kollha konformi. Għalhekk, ktibt il-kanzunetti tal-folklor u dawk spiritwali tiegħu. Imma dawn xorta huma mużika tal-folklor u għaldaqstant billi huma forma ta’ opera, Porgy And Bess issir opera folkloristika.”
Il-libretto jgħid l-istorja ta’ Porgy, tallab tat-triqat b’diżabilità li jgħix fil-kwartieri foqra u maħmuġa ta’ Charleston. Il-qofol qiegħed fuq l-attentat tiegħu biex jeħles lil Bess minn idejn Crown, il-maħbub vjolenti u possessiv tagħha u Sportin’ Life li jġibilha d-drogi. Fejn in-novella u r-reċta ta’ qabel kienu differenti, l-opra issa timxi wara kif miktuba għall-palk minn Gershwin u Hayward.
Fis-sena wara l-mewt ta’ Gershwin fl-1938, Porgy and Bess ġiet addattata għall-wirjiet fuq skala iżgħar u wara nħadmet f’film fl-1959. Fuq dan ix-xogħol ċinematografiku se niġi għalih aktar ’il quddiem. Xi ftit mill-kanzunetti tal-opera bħal Summertime saru popolari u ġew irrekordjati ta’ spiss. Lejn l-aħħar tas-seklu għoxrin u fil-bidu tat-tletinijiet, ix-xejra kienet li dak li jipproduċu jkun aktar fidil lejn dak li kiteb Gershwin fl-intenzjonijiet oriġinali tiegħu, għalkemm xorta baqgħu jsiru produzzjonijiet ta’ skop limitat u ta’ ħin inqas. Verżjoni kompluta tal-mużika ħarġet fl-1936 u minn dak iż-żmien ġiet irrekordjata diversi drabi.
Kien fil-ħarifa tal-1933 meta George Gershwin u Hayward iffirmaw kuntratt mat-Theater Guild biex jiktbu opera. Fis-sajf tal-1934 huma marru Folly Beach, South Carolina (gżira żgħira qrib Charleston) fejn Gershwin daħal sewwa fl-atmosfera tal-lokal u l-mużika tal-post. Hu beda jaħdem fuq il-mużika hemm stess u fi New York. Ira Gershwin kiteb il-liriċi ta’ xi ftit mill-kanzunetti klassiċi ta’ din l-opera fil-belt kapitali, l-aktar It Ain’t Necessarily So. Ħafna mill-liriċi, inkluż Summertime, ġew miktuba minn Hayward stess li wkoll kiteb il-libretto.
L-ewwel dehra oriġinali fuq Broadway saret fl-1935. L-ewwel verżjoni tal-opera ta’ Gershwin ħadet 4 sigħat (inkluż żewġ intervalli) u saret privatament f’verżjoni ta’ kunċert f’Carnegie Hall fil-ħarifa tal-1935. Il-premiere dinji sar fil-Colonial Theater f’Boston nhar it-30 ta’ Settembru 1935; naturalment dan kien eżerċizzju biex jaraw kif toħroġ qabel tiftaħ fuq Broadway, New York, fit-Teatru Alvin fl-10 ta’ Ottubru 1935. Waqt il-provi f’Boston, Gershwin beda jnaqqas sewwa minnha u jirfina fejn hemm bżonn biex iqassar il-ħin u jqawwi l-azzjoni drammatika. Fuq Broadway saret 124 darba. Il-produzzjoni u d-direzzjoni kienu fdati f’idejn Rouben Mamoulian li kien ukoll direttur famuż tal-films.
Wara li saret fuq Broadway fis-26 ta’ Jannar 1936, bdiet tintwera f’Philadelphia u vvjaġġat sa Pittsburgh u Chicago qabel spiċċat f’Washington D.C. nhar il-21 ta’ Marzu 1936. Waqt li kienet issir fin-National Theater ta’ Washington D.C., Todd Duncan, il-kap jew kelliemi tal-atturi pprotesta biex l-udjenzi joqogħdu fejn iridu mhux bħal qabel, il-bojod u s-suwed separati. Id-diriġenti tat-teatru ċedew u din irriżultat l-ewwel wirja bl-udjenzi mħalltin flimkien.
Fl-1942 f’Jannar, Porgy And Bess reġgħet irxuxtat fuq Broadway fil-Majestic Theater, din id-darba bi stil irranġat għall-mużika teatrali kif l-udjenzi kienu mdorrijin jisimgħu l-mużika ta’ Gershwin, b’ħafna ħin inqas u bil-grupp tal-atturi mnaqqas sew. Din il-verżjoni damet disa’ xhur tintwera b’suċċess wisq akbar minn dik oriġinali.
Fl-Ewropa, il-premiere ta’ dan ix-xogħol mużikali sar fir-Royal Danish Theatre, f’Copenhagen nhar is-27 ta’ Marzu 1943. L-atturi kienu kollha bojod b’wiċċhom miżbugħ iswed fi żmien l-okkupazzjoni Nazista. Wara 22 wirja kollha ppakkjati bin-nies, in-Nazi waqqfuha.
Produzzjonijiet oħra b’atturi bojod jew kważi kollha bojod fl-Ewropa saru fi Zurich fl-1945 u fl-1950 u Gothenburg u Stokkolma fl-1948. Wara li din l-opera reġgħet feġġet fl-1952, b’mużika miżjuda, ħafna minnha maqtugħa qabel u issa saret b’żewġ atti, waslet il-verżjoni ċinematografika tal-1959.
Fil-qosor din hi l-istorja tal-film:
Meta Crown (Brock Peters), buli ta’ personalità kbira, joqtol raġel fi ġlieda fit-triq, it-tfajla tiegħu Bess (Dorothy Dandridge) tfittex kenn mill-pulizija fil-gorboġ ta’ Porgy (Sidney Poiter), tallab zopp. Għalkemm mara laxka li n-nisa l-oħra ta’ Catfish Row iwarrbuha, ma’ Porgy issib imħabba ġenwina għall-ewwel darba f’ħajjitha. Hi tirrifjuta l-offerta ta’ Sportin’ Life (Sammy Davis Jr.), li jinnegozja fid-drogi, biex tmur miegħu f’New York u bil-mod in-nies ta’ madwarha jibdew juruha rispett. Fil-ġurnata tax-xalata annwali hi, kontra qalbha, tħalli lil Porgy biex tingħaqad mal-oħrajn fuq il-gżira Kittiwah u tkun attakkata u miżmuma hemm minn Crown li qed jistaħba mill-pulizija. Wara tlett ijiem hu jħalliha tmur lura fi stat kbir ta’ eċitament u jwissiha li dalwaqt ġej għaliha għal kollox.
Meta jerġa’ lura, Porgy jirnexxilu joqtlu fi ġlieda, u meta l-pulizija jaslu, għalkemm Porgy ma jkunx suspettat, joħduh magħhom biex jidentifika l-katavru. Jaħtaf l-opportunità Sportin’ Life biex jibda jgħix ma’ Bess waqt li jissuġġerilha li Porgy se jibqa’ jinżamm mill-pulizija.
Din id-darba jipperswadiha biex tmur miegħu New York. Meta Porgy jerġa’ lura u jsibha telqet, hu jitlaq ifittixha biex jerġa’ jsib il-paċi li tilef minkejja pariri repetuti ta’ sħabu. Ħbiebu kollha jinġabru fl-entratura tal-kerrejja u jixtiqulu fortuna hekk kif jitlaq għal triqtu.
Prodott b’mod estravaganti minn Samuel Goldwyn u b’makkakerija pproġettat fuq il-liżar 70mm mid-Direttur Otto Preminger, l-andament jieħu aktar minn sagħtejn u kwart mingħajr sekwenza waħda ta’ azzjoni drammatika. Għalkemm kull xena hija mimlija b’eċitament, huma l-mużika u l-kuluri li l-aktar jiddominaw. Il-maġġoranza ta’ dan il-film hija lokalizzata fil-bitħa kollha moviment tal-kerrejja fqar fejn jabitaw taħlita ta’ karattri distinti. Naturalment, ħafna mill-kanzunetti jagħtu ħajja u vivaċità lil din il-produzzjoni.
Il-kumplament tal-kast (kważi kollha suwed) ta’ Porgy And Bess jinkludu Pearl Bailey, Leslie Scott, Diahann Carroll, Ruth Attaway u Joel Fluellen. Meta Porgy u Bess ikantaw, dan ma jkunx il-leħen ta’ Sidney Poitier u lanqas Dorothy Dandridge, imma ta’ Robert McPherin u Adele Addison. Il-film hu maħruġ minn Columbia Pictures b’total ta’ 138 minuta. Hawn Malta qatt ma ntwera.