Kotba | Il-Letteratura Maltija minn lenti kritika

Fl-aħħar paġna letterarja għas-sena 2023, Patrick J. Sammut jaqbad f’idejh sensiela ta’ studji kritiċi editjati jew prodotti minn Andrew Sciberras

Għalkemm il-gżejjer Maltin huma ġeografikament minuskoli, matul is-sekli l-poplu li għex fuqhom irnexxielu jiġġenera, kemm xogħlijiet letterarji ta’ livelli u natura differenti, kif ukoll riflessjoni fuq il-produzzjoni letterarja li nkitbet, mhux biss bl-ilsien Malti imma anki bit-Taljan u bl-Ingliż. 

Fil-librerija personali tiegħi għandi għadd ta’ kotba li jittrattaw l-Istorja tal-Letteratura Maltija u anki volumi ta’ kritika letterarja differenti miktubin minn studjużi diversi. Is-seklu 20 ra l-istudji kritiċi ppubblikati f’volumi differenti mill-pinna ta’ studjużi u riċerkaturi magħrufin u li m’għadhomx magħna bħal Ġużè Aquilina (Studji Kritiċi Letterarji), Dwardu Fenech (Il-Muża Maltija), Karmenu Vassallo (‘Vatum Consortium’, jew, Il-Poeżija bil-Malti), Ġużè Chetcuti (Ħbiebi Kittieba Maltin) u Ġużè Cassar Pullicino (Kitba u Kittieba tal-Malti). Aktar tard kien il-Prof. Oliver Friggieri li kompla jarrikkixxi dan il-qasam tal-Istorja tal-Letteratura Maltija u tal-Kritika Letterarja billi ppubblika għadd bla qies ta’ studji u kotba ta’ natura akkademika fit-tliet lingwi. Insemmi wkoll studjużi importanti bħall-Prof. Charles Briffa u Tarċisju Zarb li ħadu bis-serjetà dan il-qasam u ppubblikaw estensivament dwar is-suġġett inkwistjoni. Dwar il-letteratura Maltija ppubblikaw il-kotba tagħhom anki l-Prof. Arnold Cassola (The Literature of Malta: An Example of Unity in Diversity), John Caruana (speċifikament dwar testi magħżula għall-istudenti li jagħmlu l-eżami tal-Malti SEC), il-Prof. Bernard Micallef, Dr Josette Attard, Dr David Aloisio, u Dr Andrew Sciberras. Ta’ min ma ninsewx ukoll il-kontribut interessanti min-naħa ta’ Paul P. Borg, b’volumi bijografiċi (imma mhux biss) dwar kittieba importanti bħal Carmel Attard, Kelinu Vella Haber u Rużar Briffa. Hemm oħrajn li kitbu u qed ikomplu jiktbu dwar il-qasam tal-istorja tal-Letteratura Maltija u tal-kritika letterarja. 

Hawn xtaqt niffoka fuq sensiela ta’ volumi – 6 b’kollox – editjati jew prodotti minn Andrew Sciberras. Is-sena 2019 rat il-pubblikazzjoni tal-volum Oliver Friggieri: L-Istudji Poetiċi (1989-2019), miġbura u mħejjija minn Sciberras flimkien ma’ Amanda Busuttil. Dan kien ġabra ta’ 64 studju kritiku li Oliver Friggieri kiteb bħala daħliet jew introduzzjonijiet għal ġabriet poetiċi ta’ għadd kbir ta’ poeti Maltin ħbieb tiegħu. Sena wara fl-2020, ra d-dawl il-volum Charles Briffa: Studji Kritiċi – L-Ewwel Volum, ġabra ta’ 38 studju li Briffa kiteb f’rabta ma’ kotba letterarji differenti ppubblikati minn kittieba differenti, b’kunjomhom mill-A saċ-Ċ. Fl-2020 Sciberras ippubblika wkoll iż-żewġ volumi Tarċisju Zarb: Studji Kritiċi L-Ewwel Volum u It-Tieni Volum, anki dawn ġabra ta’ studji kritiċi minn Zarb f’rabta ma’ 22 kittieb (Vol. 1) u 12-il kittieb (Vol. 2) differenti. Is-sena 2021 imbagħad rat il-pubblikazzjoni tal-volum Patrick Sammut: L-Istudji Kritiċi, ġabra ta’ studji kritiċi li Sammut kiteb matul is-snin dwar 42 kittieb Malti u 6 kittieba barranin. Il-proġett ta’ Sciberras – din id-darba bħala produttur – ra l-għeluq tiegħu fl-2022 bil-volum Charles Briffa: Studji Kritiċi – It-Tieni Volum, imħejjija minn Wayne Farrugia. Dan kien ġabra ta’ 53 daħla jew introduzzjoni li l-Prof. Briffa kiteb għal daqstant kotba ta’ diversi ġeneri ppubblikati minn awturi Maltin differenti b’kunjomhom mid-D saż-Ż. 

Dwar dan il-proġett Sciberras isostni li biex ġabar dawn ix-xogħlijiet ta’ persuni mħarrġin sew fil-qasam tal-kritika ħadulu sigħat twal ta’ xogħol sakemm ipproduċiehom f’kotba. Imbagħad, biex il-kotba ġew aktar attraenti, daħħal ukoll il-qoxra tal-ktieb, meta dan kien possibbli, li fuqu sar l-apprezzament. Meta mistoqsi dwar x’relevanza għandha l-kritika għal-letteratura, Sciberras ikkwota lill-Prof. Charles Briffa:  

“Il-kritika letterarja daħlet fl-industrija tal-kultura tagħna. Hi speċi ta’ public relations bla ħlas. U jien nara l-ħidma tiegħi ta’ kritiku bħala waħda ta’ medjatur sabiex il-qarrejja jaslu jifhmu xogħol letterarju kemm kemm aktar u wkoll forsi jifhmu ftit mill-ħsieb li jkun fassal u sawwar dak ix-xogħol ... Naqbad mat-trufijiet kollha li jixirfu mill-kitbiet ... insomma t-trufijiet kulturali kollha li nsib f’kull qarja. U nirriċerkahom. Dan ifisser li l-kritika titlob is-sabar biex nifli l-kitba bir-reqqa u ninqeda b’kulma jkun disponibbli għalija ... Il-qarrejja jiltaqgħu mal-awtur fil-privatezza ta’ moħħu u ruħu – li tkun saret pubblika għax ippubblikata – u l-kritiku jinterpreta dik il-privatezza bħala struttura ta’ diskors soċjali, ukoll meta l-letteratura titqies bħala ħarba mir-realtà. Paradossalment il-letteratura hija l-kenn tad-dinja kontemporanja. Dan kollu sabiex nagħti ġieħ lill-awtur li jkun ħa battikata biex jgħin il-kawża Maltija.” 

Meta mistoqsi dwar kif dan ix-xogħol ta’ editjar, produzzjoni u kitba oriġinali jorbot mal-istudji tiegħu tal-Filosofija, tal-Psikoloġija, tal-Letteratura u tal-Kritika Letterarja, u kemm hu xogħol siewi qatigħ għall-qasam letterarju-kulturali Malti, Sciberras ammetta li iktar kemm il-bniedem jimraħ f’ibħra differenti, aktar ikollu għarfien minn dak li jgħix f’baħar wieħed. Imma biex wieħed iseħħlu jwettaq dan, irid il-ħin kollu jissupera lilu nnifsu u mhux lil ħaddieħor. U biex jirnexxilu jagħmel dan irid jaħdem qatigħ. Kemm ix-xogħlijiet ta’ Sciberras, kif ukoll l-istudji li ġabar ta’ kittieba oħra, intlaqgħu ferm tajjeb, kemm minn kittieba oħra, kif ukoll mill-akkademiċi.  

Dawk li għandhom fil-librerija tagħhom dawn is-sitt volumi żgur jafu li jservu daqs enċiklopedija dwar il-produzzjoni letterarja vasta u varjata li dawn il-gżejjer tagħna kienu kapaċi jagħtu matul is-snin. Oliver Friggieri, Charles Briffa, Tarċisju Zarb u Patrick Sammut, flimkien jagħtu stampa ċara u dettaljata ta’ minn xiex inhi magħmula l-letteratura Maltija, frott il-pinna, mhux biss ta’ kittieba magħrufa u stabbiliti, imma anki ta’ bosta oħrajn li għal xi raġuni jew oħra tqiegħdu fid-dell jew ġew imwarrbin. Permezz ta’ din is-sensiela, Andrew Sciberras irnexxielu jagħmel dak li ma sarx qabel: jiġbor f’post wieħed ir-riflessjonijiet kritiċi u letterarji – imferrxin f’gazzetti, rivisti u kotba differenti miktubin matul medda twila ta’ żmien – ta’ erba’ studjużi tal-Letteratura Maltija dwar numru illimitat ta’ kittieba Maltin. Is-sabiħ hu li l-qarrej mhux biss jiskopri dawn l-awturi ttrattati, imma anki jifli l-metodoloġiji, l-istil, il-lingwaġġ u l-perspettivi li dawn l-erba’ studjużi magħżula minn Sciberras iħaddmu fl-istudji kritiċi tagħhom. 

 

 

More in Arti