X’se naraw fiċ-ċinema fl-2024 (l-ewwel parti)
Bonnici jelenka l-films mistennija li jiġu ppublikati din is-sena
Kif stennejt u bsart meta kont qed infittex dwar liema films se jintwerew fit-teatri f’din is-sena ġdida t-tendenza baqgħet l-istess u kważi ma tbiddlet xejn. Il-produtturi jafu li l-films tas-supereroj l-aktar u dawk animati huma l-qofol tal-profitti, b’xi produzzjonijiet minnhom irendu mijiet ta’ miljuni ta’ dollari u sikwit anki jaqbżu l-biljun. Għal dawn l-aħħar 12-il sena jew ftit aktar, bdiet rivalità qawwija bejn DC Entertainment u Marvel Studios, id-djar tal-kotba komiks tas-supereroj għall-ġlieda tal-profitti u din se tkompli matul dis-sena.
Ġeneru ieħor ta’ films ta’ suċċess hu dak tal-biża’ mħallat ma’ vjolenza esaġerata u dmija fejn xogħol maħdum b’baġit modest kapaċi jġib lura somma li tkun aktar minn ħames darbiet mill-ispejjeż tiegħu. Insibu wkoll xi film tax-xjenza fittizja li jista’ jrendi somma tajba u ma neskludix xi produzzjoni normali li, kontra kull mistenni, iġġib lura somma qawwija ta’ introjtu bħalma ġara fl-2023 bil-films Barbie (forsi suċċess mistenni) u speċjalment b’Oppenheimer, l-isleeper tas-sena. F’kelma waħda, nistennew sena oħra ta’ sequels, prequels (x’ġara qabel l-istorja oriġinali), reboots u remakes (l-aktar mill-kumpanija Disney fejn films klassiċi animati qed jinħadmu b’atturi reali). Nista’ nżid li saż-żmien l-Għid u anki wara, l-iskeda x’għandu joħroġ hija lesta, b’xogħlijiet oħrajn li għadhom jinħadmu jew jinsabu fl-aħħar fażi tal-produzzjoni biex joħorġu fis-sajf (l-aktar żmien popolari fl-Amerka) u fix-xhur ta’ wara sa żmien Milied ieħor.
Blockbusters, films epiċi u spettakulari
Aquaman and the Lost Kingdom – Aquaman, ir-Re ta’ Atlanteen, jibbilanċja xogħol ta’ monarkija u bħala membru tal-Justice League, waqt li rival tiegħu qed jippjana biex jattakka lil pajjiżu ħalli jikseb dik it-teknoloġija meħtieġa għall-poter. Dan il-film dwar karattru prominenti ta’ DC Comics diġà qed jintwera fostna.
The Beekeeper – Wieħed raġel se jimbarka fuq vendetta wara li jinkixef li kien membru operattiv ta’ organizzazzjoni sigrieta magħrufa bħala Beekeepers. L-attur hu Jason Statham.
The Fall Guy – Wieħed li jaħdem ta’ stuntman fil-films u li rtira minħabba s-saħħa fiżika u mentali tiegħu, jerġa’ lura fis-servizz biex ifittex kap ta’ studio li joħroġ films kbar li sparixxa.
Godzilla X Kong: The New Empire – Jerġgħu jiltaqgħu kontra xulxin iż-żewġ mostri ġganti li jħallu ħerba kbira warajhom.
Dune, Part Two – Waslet it-tieni parti tal-film epiku mill-pinna ta’ Frank Herbert. Paul Atreides (Timothy Chalamet), megħjun minn oħrajn, qed ifittex vendetta fuq dawk li għamlu konfoffa u qerdu lil familtu.
Furiosa: A Mad Max Saga – Il-gwerriera ta’ id waħda, Furiosa (Charlize Theron) li tant impressjonat f’Mad Max: Thunder Road, naraw x’kien id-destin tagħha qabel iltaqgħet mal-eroj reklussiv, Mad Max. Il-protagonista din id-darba hija Anya Taylor Joy u direttur ġdid.
Kingdom of the Planet of the Apes – Wara r-renju ta’ Caesar, gorilla żagħżugħa timbarka fuq vjaġġ biex kulma tgħallmet qabel, iservi ħalli tagħmel għażliet li jkunu ta’ ġid għax-xadini u l-umani. Dan hu r-raba’ film fir-reboot ta’ din is-serje.
Films oħrajn ta’ andament sfrenat li suppost naraw fl-2024 jinkludu: Bad Boys 4, Twisters, Alien: Romulus, Joker: Folie A’ Deux (mid-DC Comics), Gladiator 2 (il-film li qed jinħadem hawn Malta) u mill-Marvel Studios hemm skjerati Deadpool 3, Blade, Thunderbolts u Captain America: A New World.
Films animati
The Tiger’s Apprentice – Dwar tifel Ċiniż/Amerikan li wara l-mewt ta’ nanntu jidħol apprendist ma’ Mr. Wu, tigra titkellem, biex isir il-gwardjan ta’ oġġett antik u rari.
The Ark and the Aardvark – Ħanżir tal-Art jismu Gilbert ikun inkarigat jiġbor l-annimali kollha fl-Arka ta’ Noe’.
The Garfield Movie – Il-qattus oranġjo Garfield se jmur fuq avventura fl-apert u jkollu jabbanduna l-ħajja ta’ fsied tiegħu.
Hitpig – Ħanżir li xogħlu hu li jikkaċċja l-kriminali jsib ruħu jdur mad-dinja ma’ ljunfant ferrieħi li suppost kellu jaqbad.
Oħrajn li se joħorġu aktar ’il quddiem huma: Inside Out 2, Despicable Me 4, Paddington in Peru, Migration, The Creepy Witch, Kraven The Hunter, The Lord Of The Rings: The War of the Rohirrim.