Kotba| Distopji letterarji: Rumanzi, bonobi u l-‘ġeneru’ femminili
Fir-rumanz ibridu Fjura tas-Sabbara, Fjura tax-Xadina (Klabb Kotba Maltin, 2023) ta’ Irene Chias, ir-“rumanz femminili Sqalli” jiltaqa’ mar-rakkont fantaxjentifiku u ekofemminista. Patrick Sammut jaqra t-traduzzjoni mit-Taljan għall-Malti ta’ Mark Vella
Fjura tas-Sabbara, Fjura tax-Xadina (Klabb Kotba Maltin, 2023) hu rumanz li oriġinarjament inkiteb fil-lingwa Taljana – Fiore d’'agave, fiore di scimmia – (Laurana Editore, 2020) minn kittieba minn Sqallija li tgħix Malta, Irene Chias, imma li ġie tradott għall-Malti minn Mark Vella, anki hu kittieb u bniedem b’esperjenza fil-qasam tal-editorjal. Sa mill-Prologu, il-qarrej jistaqsi jekk dan hux rumanz jew saġġ filosofiku.
In-narratriċi, Adelaide, hi awtriċi ta’ rumanzi distopiċi, imma tintalab biex tikteb rumanz għan-nisa. Titkellem dwar l-istess letteratura u kif tiġi milqugħa mill-pubblikaturi, skont jekk min jikteb hux raġel jew mara. Max hu l-aġent Kalabriż ta’ Adelaide, u bħalha hu min-Nofsinhar tal-Italja imma jgħix f’Milan. Adelaide tiddikjara li se tikteb rumanz għan-nisa mimli b’sens ta’ “sicilitudine”, kunċett li jorbot flimkien l-idea ta’ solitudni ma’ dik li tkun minn Sqallija.
L-awtriċi Irene Chias tilgħab bl-ambivalenza tal-personaġġ Adelasia u Adelaide billi toħloq kitbiet li jimxu parallelament, jew rumanz ġewwa rumanz: hemm partijiet fejn Adelaide tikteb fl-ewwel persuna, oħrajn fil-korsiv dwar Adelasia, fit-tielet persuna singular femminil. Il-veru rumanz hu miġjub fil-korsiv: min qed jikteb jiddikkjara li hu xogħol awtobijografiku ladarba “jien u nikteb skont ma jiddettawli l-fantażmi...” Hemm ukoll l-idea tal-mera: fuq naħa l-personaġġ maħluq, ir-rifless (Adelasia), fuq l-oħra, id-dinja t’hawn (Adelaide).
Dwar ommha, Adelaide tikteb hekk: “Ommi kienet kumplessa. Kien jirnexxilha tkun kritika, ironika, doċli, qalila, kiefra, dħulija, sarkastika. Kollox bis-saħħa ta’ reġistru lingwistiku li kienet tiddeċiedi li taddottah skont iċ-ċirkostanzi...” Inħoss li dan hu dak li qed tagħmel anki Irene Chias f’dan il-ktieb “kumpless”.
Jispikkaw għadd ta’ kuntrasti: bejn l-ispazju metropolitan ta’ Milan, u dak marbut mas-Sud u mal-baħar ta’ Agrigento; l-interess fid-distopiji u l-fantaxjenza (il-multivers) fuq naħa, u fuq l-oħra, ir-rabta mal-istrati differenti tal-Istorja imgħoddija u l-ispazju tas-Sud magħmul minn irkejjen u monumenti marbutin ma’ popli u ħakkiema antiki.
Titħaddem spiss il-parodija, imma anki l-element tal-metaletteratura ladarba Chias tikteb dwar il-kitba kif tiġi reċepita mill-qarrejja u tistaqsi jekk hemmx differenza fil-ġeneru fejn tidħol il-kitba tal-letteratura. Dan jintrabat ma’ kliem Adelaide lill-aġent letterarju tagħha dwar il-kanonu letterarju: “... il-kitba femminili ma teżistix. Teżisti però l-esperjenza femminili, li mara nimmaġinaw li tafha, imma mhux bilfors, aħjar minn raġel.”
Il-lingwaġġ isir wieħed tekniku għall-aħħar meta n-narratriċi tikteb dwar speċi differenti ta’ primati (l-ispeċi bonobo u s-soċjetà matrijarkali tagħhom) u r-relazzjonijiet bejn is-sessi. Hu hawn fejn il-kitba toqrob lejn is-saġġ xjentifiku u femminista. U dan jintrabat ukoll mal-aħħar parti tar-rumanz intitolata “Jien u x-Xadina”, li tieħu forma ta’ trattat jew studju dwar il-primati, xi drabi mqabbla anki mal-bniedem.
Il-qarrej iħoss li dan hu xogħol letterarju ibridu, magħmul minn bosta frammenti li b’xi mod u bil-mod jaslu biex jiffurmaw ħaġa waħda u magħquda. Dan ta’ Chias hu anki xogħol riflessiv, bħal awtopsja, mela dwar kif jista’ jinbena u jieħu l-forma rumanz tan-nisa.
Wiċċ ieħor ta’ dan ir-rumanz hu dak ekoambjentalistiku: jissemma l-fatt li l-popolazzjoni dejjem qed tikber u l-konsum tar-riżorsi naturali hu bla kontroll. Jissemmew ukoll in-nukleari u r-radjazzjoni elettromanjetika fl-Italja. Huwa hawn fejn dan ir-rumanz imiss ġeneru letterarju ieħor: it-thriller politiko-ambjentali-terroristiku. Dan, ma ninsewx, hu kollu parti minn Chias bħala ġurnalista. Hemm ukoll drabi meta n-narratriċi-awtriċi tesplora l-ġeneru letterarju pornoerotiku.
Il-parti aħħarija ta’ kapitlu 7 li hi fil-korsiv, hija tifkira tal-kxaxen tal-iskrivanija antika tan-nanna min-naħa ta’ Adelasia. Dil-biċċa għamara, imsejħa “kaxxa tas-sigrieti”, tixbah lil dan ir-rumanz magħmul minn tant kompartaimenti żgħar li jinkixfu u jinfetħu bla mistenni u jitfgħu dawl fuq aspetti differenti. Bħall-kxaxen-kompartaimenti sigrieti, anki l-kapitli ta’ dan ir-rumanz mhux tas-soltu huma “esplorazzjoni” dwar familja, persuna/i, ġeneru letterarju jew ġeneri letterarji partikolari.
Mela hi “esplorazzjoni” anki fis-sens li dan hu rumanz ta’ awto-għarfien, anki permezz tal-għarfien tal-antenati tagħna. F’dan ir-rumanz li għandu mid-djarju jissemmew djarju aħmar bi ftit sinjali li ma jagħmlux sens, u ieħor blu b’iktar kitba, daqqa kaotika u daqqa mhux.
Hemm ukoll ir-rakkont tal-imħabba permezz tar-relazzjoni bejn Adelasia u Salvatore u dik bejn Adelaide u Simone, biż-żewġ koppji jżuru nekropoli.
Isiru bosta referenzi intertestwali matul dan ir-rumanz: jissemmew kittieba varji bħal Philip K. Dick, H.G. Wells, Asimov, Clarke, L.D. Brackett, Bradbury, Andrea Camilleri, Virginia Woolf, Lovecraft, Katherine Burdekin, Orwell, Patricia Highsmith u Marguerite Yourcenar. Jissemmew anki ismijiet miċ-ċinematografija bħal Polanski u Cronenberg.
Dik ta’ Adelaide hi ġlieda kontra Max biex hi tkun tista’ tikteb b’mod ħieles, mhux kif jiddettalha hu. It-telefonata-tilwima lejn tmiem ir-rumanz bejn l-aġent letterarju Max u Adelaide hi serja imma fl-aħħar mill-aħħar għandha anki mill-komiku, u dan ironikament waqt li tissemma t-traġedja Griega. Adelaide tispiċċa billi tiddikkjara l-indipendenza tagħha bħala kittieba. Mela hu anki rumanz li jimraħ fl-ispazju bejn il-libertà fuq naħa, u l-biġottiżmu fuq l-oħra, b’Adelaide tistqarr, “Jiena jien, u nikteb dak li nikteb kif niktbu.” Fil-kitba tar-rumanz tan-nisa Sqallin, Adelaide timxi bejn żewġ estremi: ir-romantiċiżmu tradizzjonali fuq naħa, u fuq l-oħra elementi oħra minn tagħha li jitbiegħdu min-normi ta’ ġeneru bħal dan. Hija wkoll storja ta’ falliment ta’ relazzjoni ta’ mħabba proprju għax m’hemmx is-skiet. It-tmiem għandu mill-fantaxjentifiku – hemm l-idea tat-tarbija tikber fil-ġuf meqjusa bħala mostru aljen -– u huwa provokattiv.
Din il-paġna letterarja hija mwieżna mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.