Films dwar rejiet u rġejjen (l-ewwel parti)
Dan żgur mhux suġġett favorit ta’ Hollywood għas-sempliċi raġuni li fil-pajjiż tal-Istati Uniti qatt ma kien hemm fil-poter persuna rjali. Minkejja dan kollu, mill-belt taċ-ċinema ħarġu diversi xogħlijiet dwar rejiet u rġejjen li fl-istorja tad-dinja baqgħu jissemmew
Il-maġġoranza kbira tal-films dwar dan is-suġġett kienet tikkonċentra dwar dawk li poġġew fuq it-tron tal-Ingilterra jew ir-Renju Unit. Fi żmienu, l-Imperu Brittaniku kien forza qawwija madwar id-dinja, inkluż f’pajjiżna. Ir-renjanti Ingliżi spiss sabu ruħhom fuq il-liżar ċinematografiku, murija b’mod aktarx nobbli u sabiħ, imma mhux dejjem b’eżattezza.
Qatt għadu ma nħadem film epiku dwar il-Konkwista Normanna f’attentat immexxi minn William ta’ Normandija (fi Franza) fl-1066 biex jaħtaf it-tron Ingliż mir-rival tiegħu, Harold, it-tifel ta’ Godwin. Dan l-avveniment beda l-bidu tat-transformazzjoni kulturali fil-Gżejjer Brittaniċi. Fis-sena 1925, Phyllis Neilson-Terry marret iżjed lura fiż-żmien biex taħdem il-parti tal-gwerriera “Boudica” jew “Bodicea”. Din kienet ir-Reġina tal-Iċeni fil-Brittanja li għamlet gwerra kontra r-Rumani, li ttrattawha ħażin ħafna, fi żmien l-Imperatur Neruni. Wara ħafna suċċessi fejn qerdet ħafna kampijiet ta’ suldati Rumani stazzjonati f’pajjiżha, fis-sena 61 ġiet mirbuħa u biex ma tinqabadx xorbot il-velenu. Xi snin ilu, dwar din l-erojina kien ħarġu xi films epiċi, l-aktar għat-TV, fosthom Boudica (2003), dramm storiku bijografiku, Boudica: Rise Of The Warrior Queen (2019) u Boudica: Queen Of War (2023).
Fl-1969, David Hemmings ħadem il-parti ta’ Alfred The Great. Fl-2004, Clive Owen inkarna l-persuna tar-Re Arturu f’King Arthur u mmorru lura fis-sena 462 fejn dan il-monarka ġġieled mar-Rumani, mas-Sassoni (Saxons) viljakki, kif ukoll mal-kuxjenza tiegħu. Il-film mużikali Camelot, din id-darba b’Richard Harris bħala King Arthur, ħareġ fl-1967. Knights Of The Round Table tal-1953 kellu lil Mel Ferrer bħala Arturu u l-protagonist Robert Taylor ikun Sir Lancelot. Dan il-film kellu trattament kbir mill-kumpanija M.G.M. u nħadem bis-CinemaScope, l-ewwel wieħed b’dan il-proċess għal dan l-istudio.
L-attur Peter O’Toole darbtejn kien ir-Re Henry II, f’Becket (1964) mill-ktieb klassiku Murder In The Cathedral u f’The Lion In Winter (1968). Il-figura ta’ Richard The Lionheart, jew Richard I, li wkoll deher fil-film li semmejt l-aħħar, kien personaġġ fl-isfond ta’ numru konsiderevoli ta’ films fejn dejjem għamel il-ġid, minn xogħlijiet dwar Robin Hood u King Richard And The Crusaders (1954). Ħuh John sikwit kien ikun it-tirann jew il-kattiv bħal f’The Adventures Of Robin Hood (1938), wieħed mill-aqwa films dwar dan l-eroj, bil-kulur u l-attur Errol Flynn u s-simili, Robin Hood Prince Of Thieves (1991) bil-prim attur Kevin Costner.
Edward IV deher f’Tower Of London (1939, 1962 u drabi oħra) u f’Richard III (1955 u drabi oħra), hawn biss bħala l-vittma tal-makakk Richard III (Laurence Olivier) li kien ħotbi. Il-film riċenti The Lost King (2023) hu dwar kittieba dilettanta u ambizzjuża li tfittex u teħodha kontra l-istabbiliment fejn isostni li Richard III ma kienx il-kattiv li jpinġuh u ma ħatafx ir-Renju Brittaniku billi qatel. Henry IV deher f’Chimes At Midnight (Orson Welles, 1965). Parti tajba ta’ Laurence Olivier kienet f’Henry V li wkoll ħadimha xi snin wara Kenneth Branagh. Henry VII li kien għadu ma sarx re kienet parti għal Stanley Baker f’Richard III.
Aktarx li l-monarka li l-aktar sab ruħu fuq il-liżar il-kbir kien Henry VIII. Charles Laughton ippersonifikah mill-aqwa fl-1933 f’The Private Life Of Henry VIII fejn kemm hu u kemm il-film rebħu l-Oscar, l-ewwel darba għall-film barrani (Ingliż). Montagu Love ħadem il-parti ta’ dan ir-re f’The Prince And The Pauper (1937), Robert Shaw f’A Man For All Seasons (1966), Richard Burton f’Anne Of A Thousand Days (1969), Keith Mitchell f”Henry VIII And His Six Wives (1972) u James Robertson Justice f’The Sword And The Rose (1953).