Kotba | Nifs ġdid
Daniel Cossai jissaħħar bil-vuċi poetika ta’ Mary Calafato f’house in limbo, ġabra ta’ poeżiji bl-Ingliż li ġġeddet permezz tat-traduzzjoni għall-Malti ta’ Kit Azzopardi
Pajjiżna, minkejja ċ-ċokon, dejjem kellu bosta ilsna. Għalkemm il-biċċa l-kbira tal-awturi stabbiliti Maltin kitbu bil-Malti, minn dejjem kien hawn Maltin li kitbu b’lingwi oħra, fosthom uħud magħrufin sew, bħal Ġan Franġisk Bonamico li, għalkemm niftakruh l-iktar għall-poeżija ‘Mejju ġie bil-Ward u ż-Żahar’, kien jikteb iżjed bit-Taljan u bil-Latin, u Francis Ebejer, li ppubblika bosta rumanzi bl-Ingliż. Saħansitra l-poeta nazzjonali, Dun Karm Psaila, ukoll kiteb numru ta’ poeżiji bit-Taljan. Mis-seklu għoxrin, meta l-Ingliż beda jżid fl-importanza, bdejna naraw kittieba jużaw l-Ingliż. Waħda minn dawn kienet Mary Calafato.
Hemm raġunijiet varji għaliex jagħmlu dan. Fil-każ ta’ Mary Calafato, qattgħet ħafna minn tfulitha l-Awstralja, għalkemm il-poeżiji kitbithom wara li ġiet Malta, ħaġa riflessa f’bosta minnhom, f’referenzi għal imkejjen fil-gżejjer, bħal Ħaġar Qim, il-bajja Bajja tal-Kalkara, u l-Ffuntana tat-Tritoni, u għall-istorja ta’ Malta. Ippubblikati għall-ewwel darba fl-1985 fil-ktieb house in limbo, dawn il-poeżiji issa reġgħu ġew ippubblikati fil-verżjoni Ingliża u miġjuba għall-Malti minn Kit Azzopardi, f’dar fil-limbu / house in limbo (Klabb Kotba Maltin, 2023).
Din l-edizzjoni ġdida taqdi żewġ għanijiet: l-ewwel nett, li tlaqqagħna mill-ġdid ma’ Mary Calafato u l-poeżiji minsija tagħha mit-tmeninijiet. It-tieni, li tittraduċihom għall-Malti, biex b’hekk ix-xogħol ta’ poetessa Maltija jkun disponibbli, kif xieraq, bil-lingwa nazzjonali: agħtu lill-Malti dak li hu tal-Malti.
Mil-lat akkademiku-filosofiku, it-traduzzjoni titqies bħala proċess li jġedded il-ħajja ta’ test, jirridefinixxih, u jonfoħ fih nifs ġdid. Dawn l-ideat, ifformulati l-ewwel minn Walter Benjamin u Jacques Derrida s-seklu l-ieħor, narawhom quddiem għajnejna fil-prattika hawnhekk. Bit-traduzzjoni tiegħu, Azzopardi reġa’ daħħal il-poeżiji ta’ Calafato fil-kuxjenza popolari ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ qarrejja, li, għalkemm l-għarfien lingwistiku tagħhom x’aktarx jippermettilhom jaqraw il-poeżiji bl-Ingliż, wisq probabbli li ma kinux se jiltaqgħu magħhom li kieku ma kinitx għal din it-traduzzjoni.
Mhux biss. L-intervent ta’ Azzopardi jmur lil hinn minn sempliċi traduzzjoni tal-ġabra tal-1985. L-aħħar ftit paġni jikkonsistu minn poeżiji li nkitbu tul l-aħħar erbgħin sena, miġburin għall-ewwel darba minn Azzopardi, li mhuwiex ġdid għad-dinja tal-editjar ta’ kitbiet miġbura. Għalhekk hawn m’għandniex biss sempliċi traduzzjoni imma test mogħti ħajja ġdida, imkabbar u rivedut.
Il-ktieb, fil-fatt, jinħass qisu biċċa xogħol fi djalogu kostanti. Il-poeżiji narawhom ħdejn xulxin, bl-Ingliż fuq ix-xellug u l-Malti fuq il-lemin, u mill-qoxra sal-werrej u d-daħla, jintużaw iż-żewġ lingwi. Dan jiġbed l-attenzjoni lejn l-att tat-traduzzjoni mingħajr ma jneħħi xejn mill-poetessa, li l-vuċi tagħha tibqa’ dejjem preżenti mingħajr filtri fl-Ingliż. Mill-bidu nett, nafu li dak li se naqraw mhuwiex sempliċement Calafato b’lingwa oħra – għalkemm huwa dan ukoll – iżda xi ħaġa iżjed.
Il-format bilingwi jagħmel il-ktieb għodda utli għat-tagħlim tal-Malti. Għalkemm hemm ħafna modi kif tittraduċi poeżija, bħalma spiss jiġri meta jiġu ppreżentati ż-żewġ lingwi, tingħata prijorità lit-tifsira iktar milli lill-istil jew ir-rima. Forsi dan jidher l-iktar fil-bosta ħajki, fejn il-Malti ma jsegwix l-istruttura sillabika tipika tal-ħajku. Narawh ukoll fir-rimi u nofs rimi li huma karatteristika tal-kitba ta’ Calafato, minkejja l-vers liberu, iżda li spiss jitwarrbu fil-Malti. Dan ma jneħħi xejn mit-traduzzjonijiet eċċellenti ta’ Azzopardi, fejn is-sens poetiku tal-vrus jibqa’, ċarament, preżenti. Huwa r-rwol tat-traduttur, wara kollox, mhux li jippreserva r-rima akkost ta’ kollox, imma li jirrikrea jerġa’ joħloq l-istess effett, u hawnhekk Azzopardi sempliċement kien leali għall-qarrejja tiegħu f’kultura poetika preżenti f’Malta li qajla tagħti importanza lir-rima.
Fil-fatt, minkejja l-enfasi fuq it-tifsira, Azzopardi jgħid li mexa “skont il-widna daqskemm is-sens”. U hawnhekk irnexxa sew. Bħalma jiġri spiss, it-telf f’post jiġi kkumpensat b’żidiet f’postijiet oħra. Azzopardi jdaħħal alliterazzjonijiet fi vrus fejn m’hemmx alliterazzjoni fis-sors, u l-istess jagħmel bir-rima, fejn idaħħal, ngħidu aħna, ir-rima interna li l-Malti tant għandu potenzjal għaliha: “l-għasfur xorta jdur”. Dan mhux eżempju ta’ darba, imma narawh darba wara l-oħra, fi sforz ċar biex jiddaħħlu mezzi poetiċi li jpattu għal dawk mitlufa. Ħa nagħtikom togħma. Minn ‘staġun spassjonat’:
F’dawn il-poeżiji joħroġ ċar kemm Calafato hija affaxxinata bil-mitoloġija. Ħafna jduru ma’ xi mit, daqqa Nisrani, daqqa tal-Mesopotamja, drabi oħra tal-Greċja tal-Qedem u saħansitra anki ta’ Malta Preistorika. Jiddomina wkoll is-sens tal-limbu, dik il-qagħda nofsanija ta’ ħajja dejjem tinbidel: “bej’ xemx u art qoxqox / hemm ħajja mbiegħda / mhix fissa / merħija mal-kurrent”. Il-““fdalijiet / tal-patata ta’ sen’ilu”, mifnijin, jinżergħu u jwasslu għal ħajja ġdida. L-idea tal-limbu toħroġ ukoll f’affarijiet li, bħall-miti, bejn jeżistu u bejn le, fil-kliem li ma tlissinx iżda jibqa’ preżenti.
Naraw ukoll, f’numru ta’ poeżiji, sens ta’ tbatija, qatt mill-mument innifsu, iżda wara, fil-limbu bejn il-mument tal-weġgħa u sakemm nipproċessawha. Naraw ċerta stennija u fluss kontinwu: “il-bhima terġa’ tiġi / mill-bibien li nħallu mbexxqa / fi ljieli ta’ bla rqad”. It-tbatija tibqa’ dejjem vaga, spiss ħaġa waħda mas-sens ta’ fluss; il-poetessa qatt ma tgħidilna sewwasew x’hemm fuq moħħha anki meta ma taħbix il-weġgħa, bħal f’‘xenqet il-mewt’, il-favorita tiegħi biż-żewġ lingwi. Spiss it-tbatija tiżdied mill-qagħda tal-limbu, l-istennija li tagħmilha agħar, bħal f’’Enkidu joqrob lejn il-mewt’.
Dawn poeżiji li laqtuni ħafna. Tant snin wara li l-ewwel inkitbu, Calafato nefħet nifs ġdid fil-letteratura Maltija bi stil ta’ poeżija differenti minn dak li mdorrijin naraw illum, iżda li ma jinħass xejn inqas modern. Dik hi s-sbuħija ta’ meta tiġi mġedda, bit-traduzzjoni, il-kitba ta’ poetessa antika ġdida.