Adattament Malti tad-dramm ‘Lovesong’ jittella’ f’Theatre Next Door

Din il-verżjoni Maltija qed tiġi prodotta minn FM Theatre Productions

B’direzzjoni ta’ Simone Spiteri, ‘Lovesong: L-Għanja tan-Namra’ huwa adattament bil-Malti tad-dramm ‘Lovesong’ tad-drammaturgu Welsh Abi Morgan. Id-dramm jirrakkonta l-istorja ta’ Maggie u Billy, li ilhom miżżewġin għal 40 sena, fi stil alternanti li jieħu lill-udjenza ’l quddiem u lura bejn il-passat u l-preżent. 

Anke wara li għadda ħafna żmien, il-passat tagħhom ikompli jinfluwenza l-preżent tagħhom. Kwalunkwe relazzjoni twila hija mibnija fuq pedament tal-imħabba żagħżugħa, iżda l-ostakli tal-ħajja ta’ kuljum jistgħu japprofondixxu relazzjoni iżda wkoll idgħajfuha. Id-dramm imur lura għaż-żminijiet u għall-mumenti kruċjali li għaddew minnhom tul ir-relazzjoni tagħhom, u b’hekk jikkronika l-vjaġġ personali tal-koppja hekk kif huma u r-relazzjoni tagħhom qed jixjieħu. 

Il-karattri ta’ Billy u Maggie, li l-udjenzi se jiltaqgħu magħhom bħala William u Margaret, huma murija f’diversi stadji tar-relazzjoni tagħhom, u b’hekk se jkunu interpretati minn żewġ pari ta’ atturi differenti. L-atturi Josette Ciappara u Marceline Galea se jinterpretaw il-verżjoni iżgħar tal-koppja, filwaqt li Mark Mifsud u Lino Mintoff se jkunu l-verżjoni tal-koppja fi xjuħithom.  

Din il-verżjoni Maltija qed tiġi prodotta minn FM Theatre Productions. Il-koreografu Moritz Zavan Stoeckle jinseġ il-passat u l-preżent flimkien permezz ta’ moviment emozzjonali tul il-produzzjoni li hija mimlija b’mużika unika komposta minn Chris Galea. Barra minn hekk, dan id-dramm se jkun ir-ritorn ta’ Mintoff fuq il-palk wara pawża ta’ 18-il sena. 

‘Lovesong: L-Għanja tan-Namra’ se tittella’ f’Theatre Next Door mis-16 sal-24 ta’ Frar. Tradott mid-direttriċi stess, id-dramm ovvjament se jiġi esegwit bil-Malti, għalkemm is-surtitli bl-Ingliż se jiġu pprovduti fit-18 u l-24 ta’ Frar. Din il-produzzjoni tgawdi l-appoġġ tal-Kunsill Malti għall-Arti. 

Biex tixtri l-biljetti jew issib aktar dettalji żur is-sit tnb.com.mt

More in Arti