Kotba | Il-ħrafa bħala mera tar-realtà
Ħames novelli soċjo-realistiċi ta’ Ġużè Ellul Mercer li ftit inqas minn mitt sena ilu ġew iċċensurati jinsabu mill-ġdid fl-istampa. Patrick Sammut jifli l-istil satiriku ta’ Ellul Mercer f’Il-Ħrejjef ta’ Barraminnhaw’
Il-Ħrejjef ta’ Barraminnhaw’ (SKS Publishers, 2023) huwa ktieb ta’ 179 paġna li fih jiġbor studju kritiku ta’ Mark Vella bl-isem ta’ “In-nisi u l-ħabi: storja ta’ ċensura. Sfond storiko-letterarju għal Il-Ħrejjef ta’ Barraminnhaw’”; ħames rakkonti ta’ Ġużè Ellul Mercer (1897-1961) li raw id-dawl fil-gazzetta Il-Ħmar; taqsima iktar viżiva bl-isem ta’ “Il-Ħrejjef ta’ Barraminnhaw’ kif dehru f’Il-Ħmar – 13 ta’ Ottubru – 8 ta’ Diċembru 1928”; studju mill-pinna ta’ Evarist Bartolo intitolat “Ġużè Ellul Mercer: il-kittieb u l-politiku radikali moderat”; u fl-aħħar nett, studju ta’ Dr Immanuel Mifsud intitolat “Il-Ħarsa tax-Xitan: l-istejjer strambi ta’ Ġużè Ellul Mercer”. Fil-ktieb hemm inklużi wkoll sett ta’ illustrazzjonijiet tipiċi tal-karikaturista Alfred Gerada minn Il-Mediċina tas-Saħħa u is-Sigriet tal-Feliċità (1932) li jmorru id f’id mar-rakkonti ta’ Ellul Mercer.
Il-Ħrejjef ta’ Barraminnhaw’ huma fost l-ewwel xogħlijiet ta’ Ġużè Ellul Mercer żagħżugħ. Hawn insibu sensiela ta’ kitbiet, mifruxin fuq disa’ ġimgħat, li kellha tieqaf ħesrem minħabba ċ-ċensura tal-Knisja fl-1928 u każ il-Qorti.
Sa mill-ewwel kitba li naqraw f’dan il-volum, bl-isem ta’ ‘Ħrejjef tax-Xitan’, naraw li Ellul Mercer bħala narratur jindirizza direttament lill-qarrejja tiegħu -– anzi jqiegħed lilu nnifsu fuq l-istess livell tal-qarrejja -– filwaqt li jħaddem lingwa sempliċi, mexxejja, u informali. Ninnutaw ukoll l-użu ma jiqafx tal-Malti idjomatiku, tal-mistoqsijiet rettoriċi, tal-interjezzjonijiet, u dan sabiex il-kittieb iżomm lill-qarrejja dejjem attenti, imwaħħlin mal-paġna, u kważi parteċipanti mill-ġrajja rrakkontata. L-istil li jħaddem Ellul Mercer spiss inissel tbissima fil-qarrej għalkemm jikteb dwar nuqqasijiet u difetti tas-soċjetà Maltija fi żmienu. In-noti fit-tarf tal-paġna jgħinu lill-qarrejja jifhmu tifsiriet ta’ ċertu kliem u anki l-isfond storiko-soċjo-kulturali ta’ ċerti sitwazzjonijiet.
Fl-ewwel ‘ħrafa’, ‘Il-Mara tal-Galbu’, tispikka d-deskrizzjoni dettaljata ta’ din il-mara partikolari, deskrizzjoni li b’xi mod jew iġġagħlek titbissem jew tħallik b’ħalqek miftuħ bħala qarrej. It-ton huwa wieħed sarkastiku u niggieżi -– kontra l-ipokrezija -– meta fil-wiċċ jidher għall-ewwel li Ellul Mercer qed ifaħħar. Jinħassu wkoll bosta allużjonijiet senswali u viżivi, mentri jinħass sewwa li min qed jikteb huwa mgħarraf sewwa dwar il-moda tal-bidu tas-seklu 20, fuq kollox barra minn Malta (Pariġi), effett anki ta’ tip ta’ liberalizzazzjoni morali wara tmiem l-Ewwel Gwerra Dinjija, kif jikteb Mark Vella stess. Ellul Mercer jinsisti fuq il-kelma “galbu” proprju biex jilħaq l-effett kuntrarju u joħroġ għad-dawl id-difetti ta’ mara bħal din.
Fit-tieni ħrafa-novella, ‘Sirena’, Ellul Mercer juża t-teknika anaforika, b’ripetizzjoni fil-bidu ta’ numru mdaqqas ta’ paragrafi fuq il-kelma “Sirena” biex jenfasizza ls--isbuħija tal-mara quddiemu. Sirena hija għalhekk l-antiteżi tal-mara tal-galbu bħala sbuħija fiżika. Jinħass li Ellul Mercer bħal jikteb narrattiva ‘imqarba’ għal żmienu, però mhi xejn ħlief mera tar-realtà li ċerti istituzzjonijiet kienu jagħmlu minn kollox biex jgħattuha u jiġġildulha. Din it-tieni ħrafa hija wkoll dwar il-ġudizzji li ngħaddu fuq ħaddieħor bla ma qabel inkunu nafu l-vera storja tiegħu. Bla ma jonqos mir-rispett lejn il-bniedem, Ellul Mercer jikxef dak li hu mnawwar u maħmuġ fost il-klassi l-għolja tas-soċjetà fejn irġiel u nisa miżżewġin jibdlu lil żwieġhom daqqa konxjament u daqqa għax sfurzati.
It-tielet u l-aħħar ħrafa jisimha ‘Bniedem’. Ironikament in-narratur jikteb, “f’Malta nistgħu niktbu dak li rridu”, meta fil-fatt dawn il-kitbiet tiegħu ġew iċċensurati ftit wara. Ellul Mercer għandu ħabta jibni ritratt tal-personaġġ bin-naqra n-naqra, u filwaqt li kitbitu tidher sempliċi, tistieden lill-qarrej intelliġenti għar-riflessjoni. L-awtur bħal jgħidilna ħafna dwar Bniedem u fl-istess ħin ma jgħidilna xejn, mela jħallina għatxanin għal iktar tagħrif sakemm fl-aħħar inkunu nistgħu inwieġbu bosta mistoqsijiet li jnisslilna. Kollox jindika li fi żmien meta l-faqar kien kbir u t-tallaba fit-toroq kienu bosta, il-karità ta’ Bniedem ma kienet xejn ħlief abbuż u sfruttament tad-dgħajjef u ta’ min kien fil-bżonn tant li kien lest li jumilja ruħu.
Ix-xitan huwa l-kumpann tan-narratur -– li spiss jieħu r-rwol tat-tieni narratur -– u huwa ppreżentat bħala xi ħadd ta’ ġewwa. Ix-xitan fuq l-ispalla li jtarraf bosta tagħrif lil Ellul Mercer narratur mhu ħadd ħlief Ellul Mercer jiġbed saqajn dawk li fi żmienu kienu jippretenduha ta’ Nsara mudell. Fin-novella ‘Sirena’ in-narratur stess jammetti: “ta’ bniedem ħażin li jien, nonqos sħiħ mill-ħniena li kien imissni jkolli għal kull bniedem jew bniedma oħra bħali ...” Għalhekk Ellul Mercer ifakkarna li spiss ix-xitan u l-ħażen huma aħna stess, f’kif nitkellmu dwar ħaddieħor u f’kif inġibu ruħna.
Hija idea tajba ferm li Mark Vella ħareġ dawn ir-rakkonti mid-dlam tal-paġni ta’ ‘Il-Ħmar’, moħbi għal tant żmien min jaf fuq liema xkaffa mdallma tal-Biblijoteka Nazzjonali, u ħariġhom għad-dawl billi ġabarhom u tebagħhom f’volum annotat bħal dan. Dawn li jirrakkontalna Ellul Mercer mhuma ħrejjef xejn ladarba huma mera tar-realtà, imma ‘ħrejjef’ ukoll għax bħal rakkont jgħaddu ż-żmien lil min jaqrahom. Huma ritratti ta’ bnedmin-karattri universali. Ellul Mercer jurina li ċerti nuqqasijiet ta’ natura umana ma twildux fostna l-Maltin ilbieraħ: tradimenti, firdiet fiż-żwieġ, irġiel-missirijiet irresponsabbli, u t-tqasqis fuq il-proxxmu. Nagħlaq bi ħsieb jew suġġeriment: ikun interessanti kieku bil-mod il-mod isiru studji dwar aspetti partikulari f’rabta ma’ dawn il-ħrejjef, fosthom, l-analoġiji u s-similitudnijiet li Ellul Mercer iħaddem fihom; ir-referenzi spissi li jsiru għad-dinja tal-bhejjem ladarba l-bniedem spiss jitqabbel magħhom; u l-għadd kbir u varjat ta’ idjomi Maltin użati.