Batman – karattru rinomat u mill-aktar maħbub (L-ewwel parti)
Fis-snin għoxrin u tletin, daqs mitt sena ilu, bdew jidhru strippi umoristiċi kultant bi tpinġija grotteska fil-ġurnali
Fis-snin għoxrin u tletin, daqs mitt sena ilu, bdew jidhru strippi umoristiċi kultant bi tpinġija grotteska fil-ġurnali. Billi kienu jesebixxu avventuri gwappi, saru popolari u wara bdew anki joħorġu kotba rqaq imsejħa komiks iddedikati biss għal dan it-tip ta’ ġeneru. L-interess f’dawn il-perjodiċi tant kiber li l-komiks saru mfittxija sewwa.
Fil-preżent, il-komiks ġibdu l-interess mhux biss tat-tfal, imma ta’ parti sostanzjali tal-popolazzjoni, inkluż ukoll dawk universitarji. Issa ilhom isiru fieri ta’ dawn il-kotba u biex tidħol, anki jekk ma tixtrix, trid tħallas (inkluż hawn Malta). Il-komiks dwar supereroj forsi saru l-aktar imfittxija u karattru li qiegħed fuq quddiem hu Batman, personaġġ fittizju ikoniku li ddedika ħajtu għall-kruċjata ta’ gwerra bla tmiem kontra varjetà ta’ kriminali li ħonqu l-belt tiegħu. Batman deher għall-ewwel darba f’Detective Comics (DC Comics) Nru. 27 tat-30 ta’ Marzu 1939, maħluq minn Bob Kane u l-kittieb Bill Finger.
Dan il-karattru nħoloq biex jikkapitalizza fuq is-suċċess ta’ Superman, karattru ieħor popolari u maħbub tal-kotba DC Comics. Id-destin ta’ Batman, li ismu propju hu Bruce Wayne, laqtu meta kellu biss disa’ snin, meta ra lill-ġenituri tiegħu jinqatlu fl-1915, wara li kienu ġejjin lura d-dar mit-teatru, minn wieħed miġnun tal-marmalja ta’ Gotham City, il-belt korrotta fejn joqgħod. It-tfajjel ħalef li meta jikber jibda vendetta sfiqa fuq dawn il-kriminali. Billi ġej minn familja sinjura, kellu l-mezzi kollha biex jarma lilu nnifsu bi strateġija kombattiva, teknoloġija avvanzata u l-kapaċità fl-arti marzjali.
Binhar kien is-CEO ta’ Wayne Enterprises, il-kumpanija tiegħu, u billejl megħjun mis-seftur fidil tiegħu, Alfred, u b’karozza speċjali, Batmobile, liebes maskra ta’ Farfett il-Lejl u mant iswed jerħilha minn fuq il-bjut lejn il-kaos tal-belt isalva lil min hu fil-periklu u jeqred lil min għandu skopijiet malinni.
Għalkemm il-karattru ta’ Superman inħoloq qabel, dak ta’ Batman matul iż-żmien issuperah sewwa f’dak li jirrigwardja l-produzzjonijiet ċinematografiċi. Il-films kollha dwar ir-Raġel Pippistrell poġġewh fid-disa’ post tal-klassifika tal-box office ta’ kull żmien bi dħul ta’ $6,068,752,538, waqt li Superman jinsab fl-24 post b’introjtu ta’ $2,554,837,548. Matul is-snin, Batman ma baqax jopera waħdu u sab għajnuna minn Robin u Batgirl, kif ukoll minn Alfred Pennyworth, il-butler tiegħu, James Gordon u Catwoman. L-għedewwa makakki tiegħu, prinċipalment kienu Penguin, Riddler, Two-Face u l-arċirivali tiegħu l-potenti Joker. Dan l-eroj kien ukoll jifforma parti minn The Justice League.
Malajr bdew ġejjin il-films dwar dan is-supereroj li l-pulizija ta’ Gotham City bdew jirreferu għalih bħala The Dark Knight (il-Kavallier Oskur), The Caped Crusader (il-Ġellied Liebes Mantell) u Matches Malone. Fl-1943, l-ewwel attur li interpretah kien Lewis Wilson fis-serial ta’ 15-il episodju, Batman; fl-1949 ħarġet serial oħra wkoll ta’ 15-il episodju, The New Adventures Of Batman And Robin, The Boy Wonder dirett minn Gordon Bennett bl-attur Robert Lowerty u Johnny Duncan bħala Robin.
L-impatt qawwi li nissel fil-kultura pop dan ir-raġel liebes il-maskra ta’ farfett il-lejl, ħajjar lil Andy Warhol jidderieġi Batman Dracula, film ta’ 54 minuta ffilmjat fil-kosta ta’ Long Island u s-soqfa ta’ New York fejn Jack Smith kellu l-parti doppja ta’ Batman u Dracula. Dan kien film tal-1954, “mhux awtorizzat” u qatt ma ntwera pubblikament.
Issa kien imiss is-serje televiżiva Batman li bdiet tintwera fit-12 ta’ Jannar 1966 sal-14 ta’ Marzu 1968, 120 episodju b’kollox. L-ewwel film sħiħ, Batman: The Movie ħareġ fl-1966, dirett minn Leslie H. Martinson, iffilmjat waqt pawsa sajfija bejn l-ewwel u t-tieni staġun tas-serje televiżiva. Il-protagonisti prinċipali kienu Adam West/Batman, Burt Ward/Robin, Cesar Romero/Joker, Burgess Meredith/Penguin u Lee Meriwether/Catwoman. Dan ix-xogħol, pjutost wieħed leġġer, inkarna perfettament l-istil tal-komiks għax waqt xi kombattiment fuq il-liżar jidhru l-kliem Bang!, Pow! U oħrajn.