L-istorja tal-passjoni b’differenza: “Id-dawl tad-Dinja”
Mill-25 sas-27 ta’ Marzu fit-8:15pm fit-Teatru taċ-Ċentru Parrokkjali San Sebastjan ta’ Ħal Qormi, wieħed jista’ jsegwi l-istorja tal-passjoni, 'Dawl id-Dinja'
Mill-25 sas-27 ta’ Marzu fit-8:15pm fit-Teatru taċ-Ċentru Parrokkjali San Sebastjan ta’ Ħal Qormi, wieħed jista’ jsegwi l-istorja tal-passjoni. Dan id-dramm isawwar il-ġrajja ta’ x’ħassew, x’raw u x’għamlu personaġġi li flimkien nisġu din l-istorja tal-passjoni.
X’ġiegħel lil Tamar, mara Samaritana, tħalli s-skiet tal-moħba tagħha u titlaq tħaffef lejn Ġerusalemm? X’se ssib? Ma’ min se tiltaqa’? Xi ġralha Mirjam minn Magdala? X’rat? Għaliex mhijiex f’sikkitha? U min hu Valerius? Fejn jafha lil Tamar? X’qiegħda tipprova tagħmel Sara, mart Ħosegħa l-Fariżew? Għaliex tħossha ħatja? X’qiegħed jippjana Ħosegħa flimkien ma’ sħabu? X’inhu l-iskop ta’ moħħu?
Dawn huma kollha mistoqsijiet li t-tweġibiet tagħhom jinsabu mistura fid-dramm “Id-Dawl tad-Dinja”.
Jakkumpanja lil Tamar hemm ħuha Ruben, li tilef id-dawl t’għajnejh f’inċident. Jaf fejn jinsab? Jaf li hu u oħtu forsi waslu tard wisq? Għaliex? U appuntu minn hawn nindunaw min hu verament l-‘agħma’. Il-qofol ta’ dan id-dramm hu l-agħma, iżda b’mod partikulari l-agħma spiritwali; dak li jidhirlu li jara iżda fil-fatt huwa agħma.
Dan id-dramm għandu kitba ta’ JoAnne Debrincat u direzzjoni ta’ Shaun Formosa. Il-produzzjoni se tkun qed issir fi ħdan il-Parroċċa San Sebastjan Martri, b'kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali Ħal Qormi.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jsegwi l-paġna tal-Facebook Drama Group San Sebastjan – Ħal Qormi.
Il-biljetti jistgħu jinqatgħu b’donazzjoni ta’ €6 fuq 7909 2963.