Israq ħarsa fil-ħajja tar-Rabtin f’wirja ta’ pasturi f’Għawdex
Ġewwa l-Mużew Il-Ħaġar fil-qalb tar-Rabat Għawdex, se ssir wirja ta’ pasturi lokali esebiti parti mill-attivitajiet tal-Ġimgħa l-Kbira
Ġewwa l-Mużew Il-Ħaġar fil-qalb tar-Rabat Għawdex, se ssir wirja ta’ pasturi lokali esebiti parti mill-attivitajiet tal-Ġimgħa l-Kbira.
Carmel Farrugia mir-Rabat Għawdex huwa l-moħħ u l-idejn wara din il-wirja kurjuża li turi xeni mill-Via Crucis maħduma mit-tafal.
Il-pasturi jispiraw devozzjoni infantili u innoċenti propja ta’ kif għandha tkun il-fidi.
B’paċenzja liema bħalha, Farrugia ħoloq din il-purċissjoni bħala rappreżentazzjoni tas-soċjetà lokali fejn ir-reliġjon għadha tintiseġ ma’ ħjut oħra li jiffurmaw id-drapp tal-ħajja Għawdxija.
Il-wirja ġiet esebita għall-ewwel darba 25 sena ilu, f’dimensjoni iżgħar fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, Għawdex, imbagħad dejjem kompliet tiżdied fl-istatwetti ġodda.
L-aħħar figurini miżjuda huma l-personaġġi bil-forċina, erba’ figurini ġodda għal kull statwa fil-purċissjoni.
L-immudellar tal-pasturi jseħħ bl-għajnuna ta’ forma speċifika u li mbagħad jiġu miżjuda magħha l-idejn, ir-ras, u partijiet oħra tal-ġisem.
Din id-darba l-isfond jirrappreżenta faċċati ta’ bosta djar u ħwienet u niċeċ madwar it-toroq tal-belt kapitali, minn fejn is-soltu tgħaddi l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.
Ix-xogħol ta’ Farrugia jservi bħala niċċa ġewwa l-ħajja tan-nies tar-raħal, tar-rutina tagħhom madwar il-belt, li kulma jmur dejjem qed tintegra mal-modernità.
Il-wirja se tkun esposta fil-Mużew, Livell -1, mis-Sibt 17 ta’ Frar sal-Ħadd 7 ta’ April 2024. Il- Ħaġar huwa miftuħ mit-Tnejn sal-Ħadd, bejn id-9:00 a.m. u l-5:00 p.m. Dħul huwa dejjem b’xejn.