Imħabbra l-artisti għall-ewwel programm ta’ residenza tal-MSA x ACM
Claire Farrugia u Alex Weenink se jibdew vjaġġ kreattiv ġdid minn April
Il-Kunsill Malti għall-Arti, flimkien mas-Soċjetà Maltija tal-Arti (MSA), iħabbru l-għażla ta’ żewġ artisti Maltin permezz ta’ Sejħa Miftuħa, għall-programm ta’ residenza MSA x ACM li ġie varat riċentament. Dan sar possibbli grazzi għal kollaborazzjoni permezz ta’ Ftehim Kollettiv li ra linvestiment ta’ €65,000 fir-residenza u l-Programm tal-Arti Performattiva tal-2024 tal-MSA.
L-artisti magħżula huma Claire Farrugia, li tispeċjalizza fl-arti viżiva, u Alex Weenink, li jiffoka fuq l-arti performattiva. Iż-żewġ artisti se jibdew il-vjaġġ kreattiv tagħhom f’April 2024 u jispiċċawh f’Diċembru 2024, bir-residenza toffrilhom pjattaforma unika fejn jesploraw, joħolqu, u jikkontribwixxu għall-pajsaġġ rikk artistiku Malti, taħt il-gwida u l-konsulenza ta’ professjonisti t’esperjenza fl-oqsma rispettivi tagħhom.
Din il-kollaborazzjoni taċċenna fuq l-impenn tal-Kunsill u tal-MSA li jrawwmu ambjent li jinkoraġġixxi innovazzjoni u tkabbir artistiku. Il-programm ta’ residenza huwa ddisinjat biex jappoġġja l-artisti fl-iżvilupp professjonali tagħhom filwaqt li jtejjeb it-tessut kulturali u kreattiv ta’ Malta.
“Din il-kollaborazzjoni sostanzjali bejn il-Kunsill Malti għall-Arti u l-MSA hi evidenza tal-impenn b’saħħtu tagħna biex inrawwmu x-xelta rikka ta’ kultura u arti Maltija b’mod sostenibbli, f’konformità mal-Istrateġija 2025. Grazzi għal inizjattivi bħal din, il-Kunsill għal darb’oħra jikkonferma d-dedikazzjoni tiegħu biex jappoġġja artisti lokali u jiżgura li jirċievu rrikonoxximent u r-riżorsi li għandhom bżonn biex jirnexxu fl-isforzi kreattivi tagħhom”, qalet Mary Ann Cauchi, id-Direttur ta’ Fondi u Strateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti.
L-objettivi tal-programm ta’ residenza huma varji, u jimmiraw li mhux biss jippromwovu esplorazzjoni u kreazzjoni artistika iżda anke li jipprovdu pjattaforma robusta għall-iżvilupp professjonali. Permezz ta’ dan, il-programm ifittex ukoll li jamplifika l-leħen t’artisti Maltin f’fora internazzjonali, sabiex jiġu murija l-wirt rikk kulturali u l-espressjonijiet kontemporanji artistiċi li ħerġin minn Malta lil udjenza globali.
Il-proċess ta’ selezzjoni għall-programm ta’ residenza kien rigoruż u kompetittiv, u ddisinjat sabiex jidentifika artisti li mhux biss għandhom viżjoni unika iżda l-potenzjal li jagħmlu kontribuzzjonijiet sinifikanti lill-oqsma rispettivi tagħhom. Farrugia u Weenink iddistingwew ruħhom permezz tat-talent eċċezzjonali tagħhom u l-proposti konvinċenti tagħhom, u għaldaqstant kienu kandidati ideali għal din l-opportunità
Il-President tal-MSA l-Perit Adrian Mamo esprima s-sodisfazzjoni tiegħu għall-opportunitajiet li nfetħu permezz ta’ dan il-proġett: “Matul il-173 sena li ilha teżisti, il-missjoni ewlenija tal-MSA kienet li tappoġġja lill-artisti jistinkaw biex jiksbu eċċellenza fix-xogħol tagħhom. Għaldaqstant aħna kuntenti immens li qed nagħmlu dal-proġett ta’ residenza u ħerqanin biex nilqgħu lil Farrugia u Weenink fis-sit tagħna Palazzo de La Salle. Dawn l-artisti se jkollhom aċċess komplut għar-riżorsi tal-MSA u se jingħataw l-appoġġ kollu li jeħtieġu biex iwettqu l-miri kreattivi tagħhom.”